Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #23084 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Ta’ Xħajma – Multi Modal Hub – xogħol ta’ skavar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet ta' skavar fuq il-proġett ta’ Multi Modal Hub f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex? Kemm ser jiswew globalment dawn ix-xogħlijiet? Jista' jelenka x-xogħlijiet li twettqu sa issa u kemm hu previst li jiġu jiswew kif ukoll jgħid x'tip ta' xogħlijiet għad fadal isiru fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jitlesta kompletament dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23085 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – persuni ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ddaħħlet taħdem taħt l-entitajiet u d-direttorati li jaqgħu taħtu, kemm impjegati direttament kif ukoll impjegati tramite kuntratturi jew direct order li joffru servizz b'effett mil-1 ta' Jannar 2021 sal-lum? Jista' jagħti break down mil-liema lokalitajiet huma dawn il-persuni li ġew ingaġġati? Jista' jgħid f'kull każ x'inhu l-grad jew job description ta' dik il-persuna li ġiet ingaġġata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23086 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Aġġornament rigward tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar 'TENDER FOR THE PROVISION OF PROJECT MANAGEMENT SERVICES FOR THE MANAGEMENT AND ADMINISTRATION OF CONTRACTS RELATED TO THE COMPLETION OF THE MULTI-MODAL HUB IN XEWKIJA (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 110/2020)' li ħarġet permezz tal-proċedura ‘Accelerated Opening’ fil-bidu ta' Diċembru 2020? Jista’ jgħid x’ser jiġri jekk din l-imsemmija tender tiġi kkanċellata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan it-tender qiegħed fl-istadju ta’ aġġudikazzjoni.
Leg 13 PQ #23087 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – proġett għal SME Hub

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija Għawdex u jgħid liema kienu l-Voti fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett, kemm kienu, kemm intużaw minnhom u għal xiex intużaw? Kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2022 għal dan l-imsemmi proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Interpellant li jista isib il-voti tal-budget fuq il-ktieb ta’ l-estimi li tqassam lil kull deputat fil-ġurnata tal-qari tal-budget mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol.
Leg 13 PQ #23088 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – tenders, direct orders u quotations għall-manutenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15173, 16689 u 18375 u jgħid kemm-il tender/direct order/quotation ħarġet mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-Ministeru għal Għawdex għal xogħol ta' air-conditioning u manutenzjoni tagħhom, fejn twaħħlu, min tefa' t-tenders, jekk hux b’quotation jew ingħatat direct order u l-ammont? Jista' jindika min ħa t-tender, u jekk hux b’quotation jew b’direct order?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-Diretottorati varji.
Leg 13 PQ #23547 Sitting 528 2021-12-06 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ta' Xħajma — Park and Ride - spiża

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb kompletament mistoqsija parlamentari 23241 u jgħid meta hu previst li jitlesta l-Park and Ride f’Tax-Xħajma, u kemm hi l-ispi¿a prevista ta’ dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 23241 u la darba jkolli informazzjoni addizzjonali kif mitlub, nkun nista’ nirrispondik.
Leg 13 PQ #22934 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – ogħti tal-wearing course

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22666 fl-intier tagħha u jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fi Triq ta' Sant Antnin ġewwa Għajnsielem? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew sa issa dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 22682, ninfurmah li x-xogħlijiet fi Triq Sant’Antnin bdew matul is-sena li għaddiet.
Leg 13 PQ #23036 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi — riġenerazzjonk tal-parkeġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19502 jista’ l-Ministru jgħid ma’ min qed isiru l-konsultazzjonijiet rigward ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, meta bdew u fiex waslu u meta hu maħsub li jingħalqu? Jista’ jgħid kemm kien il-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan il-proġett u kemm intużaw minnhom u kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2022 għal dan l-imsemmi proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjonjiet mal-entitajiet ġew konklużi u ġiet sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. L-entitajiet huma ERA, Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Munxar. Fis-sena 2021 il- budget tal-Vot 7341 Xlendi Regeneration kien ta’ Euro 300,000 u li minnhom, s’issa, intużaw Euro 76,070. Għas-sena 2022 il- budget tal-Vot 7341 Xlendi Regeneration hu ta’ Euro 200,000.
Leg 13 PQ #23037 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Aquatic Centre — perit, inġinier u project leader inkarigati fuq il-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Perit, l-Inġinier (isem u kunjom) u l-Project Leader (isem, kunjom u grad tal-individwu) inkarigati mill-Ministeru għal Għawdex fuq il-proġett tal-Gozo Aquatic Centre?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit u ż-żewg Inġiniera fuq il-proġett tal-Gozo Aquatic Centre huma uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #23038 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ta' Sannat — Triq ta' Sannat- xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20405 fejn ġie mwieġeb li 'x-xogħol fuq din l-imsemmi triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat' u peress li Triq Sannat ilha diversi ġimgħat lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid parti minn Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala l-Qasam) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, peress li din il-parti tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq, u għal xi raġuni ma saritx mal-parti ta' fuq tal-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #23039 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — ħaddiema li talbu biex jiġu trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li talbu li jiġu trasferiti f'xi dipartiment jew entità mal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema xi grad huma u fejn marru jaħdmu dawn il-ħaddiema u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-data msemmija sal-lum kien hemm 42 individwu li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li ġew trasferiti fil-Ministeru għal Għawdex. Apparti tliet ħaddiema li m'għadhomx jaħdmu ma' dan il-Ministeru, u ħaddiem li rtira, il-bqija tal-ħaddiema jaqdu dmirijiethom mid-Direttorati rispettivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #23403 Sitting 527 2021-12-01 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21974 u jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #22843 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Roundabouts

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22255 u jgħid fir-roundabouts ta’ Għawdex, minn Ġunju 2017 sal-lum: a. Kemm sar armar differenti s’issa?; b. Għal liema okkażjonijiet saru?; c. Fejn qed jitwaħħlu? Liema huma l-postijiet speċifiċi?; d. Kemm huma stmati li ġew jiswew?; e. Min awtorizza dawn il-ħlasijiet?; f. X’armar hu previst għall-kumplament tas-sena?; g. Wara li jiżżarmaw, x’qed isir minn dan l-armar u fejn qed jitpoġġa?; u h. Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan l-armar tar- roundabouts u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-armar ta’ dawn ir-roundaboutsisir biex jippromwovu xi festival tematiku jew biex jitwassal messaġġ edukattiv li jqajjem kuxjenza marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ġranet Dinjija. Dan l-armar jitpoġġa fis-central strips ta’ Mġarr Road ħdejn Bethlehem f’Għajnsielem, quddiem il-Mitħna tax-Xewkija u fir-roundabout tad-daħla tar-Rabat. Il-maġġoranza ta’ dawn it-tabelli jsiru minn injam u materjal ieħor irriċiklat. Dawn jiġu merfugħa fl-imħażen tal-Ministeru u kull sena qabel ma jitpoġġew fir-roundabouts issirilhom il-manutenzjoni meħtieġa jew xi tibdil zgħir ħalli jagħtuhom dehra differenti. Għalkemm kien hemm numru żgħir minnhom li saru minn artisti Għawdxin, il-maġġoranza saru mill-ħaddiema tal-Ministeru għal-Għawdex bl-għajnuna tal-klijenti li jattendu d-Day Centre ta’ Santa Marta.
Leg 13 PQ #22930 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Windmill project – quotation għal training services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex il-quotation MGOZ eQ 54/2021 'Quotation for the provision of training services required for the Xewkija Windmill project li ħarġet ftit tal-ġranet ilu u li ġiet ikkanċellata u li imbagħad reġgħet ħarġet mil-ġdid u reġgħet ġiet ikkanċellata? Jista’ jgħid fiex kienet tikkonsisti din il-quotation u min kienu dawk il-persuni li kienu ħa jibbenifikaw minn dan 'it-training services?' Jista’ jgħid meta hi ppjanata li terġa’ toħrog din il-quotation?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel darba li ġiet ippubblikata l-quotation ma kienx hemm offerenti, għalhekk reġgħet ġiet pubblikata. Ftit ġranet wara t-tieni publikazzjoni kien hemm kjarifika, fejn ġie nnotat li kien hemm dettall fl-ispesifikazzjonijiet li kien nieqes, għalhekk skont il-proċeduri tal-procurement din il-quotation kellha tiġi kkanċellata. Minn dan it-tagħlim se jibbenefikaw persuni li jaħdmu fil-Mitħna tax-Xewkija u fiċ-Ċittadella, u hemm pjanat li jaħdmu wkoll fit-Torri ta’ Sopu, it-Torri ta’ Kenuna u l-Mużew Marittimu (Nadur). Peress li dawn ikollhom kuntatt kontinwu man-nies, se jkollhom bżonn taħriġ dwar tifi ta’ nar, first aid, u health and safety, u assistenza lin-nies b’diżabilita’. Din il-quotation mhix se terġa toħroġ peress li se jintużaw is-servizzi ta’ taħriġ mis-CPD, OHSA u CRPD.
Leg 13 PQ #22933 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan tar-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-Master Plan tar-Ramla u jgħid fil-konkret x'sar f'dawn l-aħħar xhur rigward dan il-Master Plan? Jista' jgħid ukoll meta nbeda dan il-Master Plan u meta hu ppjanat li jiġi konkluż dan il-Master Plan?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jikkonsulta mal-stakeholders kollha biex jkun jista jisottometti applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar marbuta ma’ dan il-Master plan.
Leg 13 PQ #23353 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Contracts of service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.
Leg 13 PQ #22838 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – inawgurazzjoni – nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22666, jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-attività ta' inawgurazzjoni uffiċjali li saret fi Triq Sant Antnin f'Għajnsielem tal-ewwel kisja asphalt ta' parti minn din it-triq nhar it-12 ta' Novembru 2020? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija attività? Jista’ jgħid jekk hemmx ippjanata inawgurazzjoni oħra wara li din it-triq titlesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #22840 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat — Ċimiterju ta’ Santa Marta – manutenzjoni u xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22261 intera (kollha kemm hi) rigward iċ-Ċimiterju ta' Santa Marta u jgħid: x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar u kemm ġie jiswa fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat, f’dawn l-aħħar ħames snin maqsuma sena b’sena? u jgħid x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir minn issa sal-aħħar tas-sena f’dan iċ-ċimiterju u matul is-sena 2022 u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 22261.
Leg 13 PQ #22841 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22260 rigward Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-proġett li qed isir bħalissa biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex, ma jidher imkien fit-tabella li ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett imsemmi huwa mniżżel fit-tabella li ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari 22260 taħt l-isem: EAFRD 4.4121 Rehabilitation of Gozo's Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities.
Leg 13 PQ #23025 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat Għawdex – Triq Ta’ Xaman – wiċċ ta’ triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li Triq Ta' Xaman f'Ta' Sannat Għawdex se tingħata wiċċ ġdid? Jista' jgħid ukoll liema servizzi ġew mgħoddija u liema servizzi jonqos li jiġu mgħoddija minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa fejn tidħol l-infrastruttura madwar il-ġżira, kif jista japprezza li qed isir.