proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq ta’ Pinu — Project Implementation Status
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Implementation Status attwali skont l-Structural Funds Database tal-Managing Authority dwar il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq ta’ Pinu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 19834
proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates — -Project Implementation Status
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Implementation Status attwali skont l-Structural Funds Database tal-Managing Authority dwar il-proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates (Project Ref. no. ERDF 001)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’Mistoqsija Parlamentari numru 19833
proġett ta’ restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija u ta’ Tarxien — Project Implementation Status
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Implementation Status attwali skont l-Structural Funds Database tal-Managing Authority dwar il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija u ta’ Tarxien (ERDF Ref no 032 )?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’Mistoqsija Parlamentari numru 19832.
proġett ta’ restawr u konservazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet — Project Implementation Status
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Implementation Status attwali skont l-Structural Funds Database tal-Managing Authority dwar il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet bħalma huma l-Mdina u ċ-Ċittadella (ERDF Ref no 039)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’Mistoqsija Parlamentari numru 19831.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18675 u jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fl-aħħar sentejn beix jaraw jekk is-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira qed iħarsu l-ligijiet u l-permessi li għandhom? X'irriżulta minn dawn il-passi f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet sitt (6) Avviżi tat-Twettieq mill-ewwel ta’ Jannar 2008 sal-ġurnata tal-lum kontra sidien ta’ kjosks situwati fil-lokalitajiet imsemmija li b’xi mod wettqu irregolitajiet reletati mal-kjosks tagħhom bi ksur tal-Liġi tal-Ippjanar. Dawn jinkludu tlieta (3) każi fil-konfini tal-Kunsill tal-Mellieħa u tlieta (3) oħra ġo San Pawl il-Baħar. L-azzjonijiet f’kull każ huma hekk:
Mellieħa:
.ECF 0209/08 – Estensjoni bla permess ma’ kjosk eżistenti – riferut għall-azzjoni diretta
.ECF 0612/09 – Kjosk bla permess – riferut għall-azzjoni diretta.
.ECF0162/09- Kjosk bla permess- riferut għall-azzjoni diretta
.ECF 0151/10-Estensjoni u non osservanza tal-permess applikazzjoni pendenti.
San Pawl il-Baħar
.ECF 0299/09- Estensjoni bla permess ma’ kjosk eżistenti-riferut għall-azzjoni diretta
ECF 1068/09- Struttura tal-aluminium tintuża bħala kjosk mingħajr permess-applikazzjoni pendenti.
ECF0335/10-Twaqqiegħ illegali ta’kjosk-pendenti.
L-Awtorità irċeviet ukoll (12)-il ilment li tirċievi, min żmien għal żmien l-awtorità twettaq moniteraġġ skont proċedura stabbilita fuq dawk il-kjosks li dwarhom issir applikazzjoni ta’ żvilupp li tittieħed xi forma ta’ deċiżjoni mill-Kummisjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (DCC) u dan biex kemm jista' jkun, kif qal tajjeb l-Onorevoli Interpellant, ikun assigurat li l-liġijiet u l-permessi jiġu mħarsa.
Rigward l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jien infurmat illi saru spezzjonijiet min uffiċjali ta’ l-istess awtorità sabiex jiġu żgurat li r-regolamenti li jaqgħu fil-kompitenza ta’ l-stess awtorità u li jirrigwardjaw dan it-tip ta’ operat jiġu mħarsa.Ittieħdet azzjoni kontra l-operaturi ta’ dawn il-kjosks hekk kif hu ndikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilha teżisti l-liċenzja tal-kumpanija GreenPak fil-qasam tal-waste packaging u f’liema dati ġiet imġedda? Kemm ilha teżisti l-liċenzja tal-kumpanija GreenMT fil-qasam tal-waste packaging u f’liema dati ġiet imġedda? Għal liema perjodu ta’ żmien il-kumpanija GreenMT ma kenitx koperta minn liċenzja f’dan il-qasam?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment li jaqa` taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa u kemm minn irġiel? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata? Fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kien hemm żewġ talbiet għall-parental leave li saru minn nisa fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg u fid-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni. Dawn it-talbiet ġew milqugħa u ħadu ġurnata u jumejn rispettivament biex ġew ipproċessati.
Jiena nfurmat ukoll li ma kienx hemm talbiet għall-
parental leave
minn irġiel jew talbiet li ġew miċħuda f’dawn l-aħħar sitt xhur.
Jista' l-Prim Ministru jgħid b'mod dettaljat kif inhuma allokati l-fondi identifikati għall-użu minn Malta mill-Fond Socjali Ewropew għall-perjodu 2007 - 2013? Kemm minn dawn il-fondi allokati kienu mħallsa mill-1 ta' Jannar 2007 sal-lum u kemm huma identifikati li jitħallsu minn issa sal-aħħar tas-snin 2013, 2014 u 2015, filwaqt li jgħid kemm mill-ammont globali sal-lum ġie firmly committed għall-programmi u inizjattivi u kemm minn dawn il-fondi kommessi jaħseb li fil-verità se jkunu tħallsu fil-perjodu permessibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi identifikati għall-użu minn Malta taħt il-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2007–2013 huma allokati taħt ħames prijoritajiet kif muri fil-Programm “Insaħħu ħilitna għal aktar impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar” li jinsab fuq is-sit tal-PPCD (www.ppcd.gov.mt). L-ammont allokat għal kull ass jinsab ukoll fl-istess dokument u huwa muri hawn taħt:
Assi ta’ Prijorità tal-Programm Operattiv II – Insaħħu ħilitna għal aktar impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fondi UE
Fondi Nazzjonali
Total
1. Insaħħu l-edukazzjoni u ħilitna.
€31,790,000
€5,610,000
€37,400,000
2. Ninvestu fl-impjegabbilta’ u l-adattabbilta’ tal-ħaddiema.
€26,345,750
€4,649,250
€30,995,000
3. Promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.
€31,365,000
€5,535,000
€36,900,000
4. Insaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi.
€18,194,250
€3,210,750
€21,405,000
Total
€107,695,000
€19,005,000
€126,700,000
Mill-bidu tal-Programm, €7,627,152 intefqu fi proġetti ko-finanzjati taħt l-Assi indikati fit-tabella. Il-pjan ta’ nfiq, li hu indikat fil-Programm Operattiv, juri li sal-aħħar ta’ 2013 għandhom jintefqu €66,000,000 minn dan il-Programm, filwaqt li n-nefqa sal-aħħar ta’ 2014 hija prevista li tlaħħaq €95,000,000. Sal-aħħar tal-Programm (fl-2015), il-pjan hu li jintefqu l-flus kollha allokati, kif kien il-każ fl-aħħar programm ta’ fondi strutturali li għadu kemm ingħalaq.
Sal-aħħar ta’ Awwissu 2010, €76,817,440 ġew kommessi fi proġetti, inizjattivi u skemi (li d-dettalji tagħhom jinsabu fuq is-sit elettroniku (www.ppcd.gov.mt).
Il-pjan hu li l-fondi kollha kommessi jintefqu fil-perjodu permissibli.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-Master Plan: Link Road From Smart City Malta to tal-Barrani,Tarxien. (January 2010)? Ladarba l-EIS reports (partikolarment dak ta l-espert li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament) jitkellmu dwar impatt inaċċettabbli għal Smart City f'każ li ma jkunx hemm link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani, x'inhi l pożizzjoni tal-Gvern dwar din il-ħaġa? Fl-istess ħin saru EIS dwar jekk din il-link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani ikollhiex impatt fuq l-ambjent u l-agrikoltura tal-madwar? X beħsiebu jagħmel il-gvern dwar dawn l-isfidi li għandna quddiemna?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Komptitzzjoni — tender għall-anażli ekonomika dwar it-trasport tat-tfal tal-iskola
Question
F'Jannar ta' din is-sena d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ħareġ tender għall-analiżi ekonomika dwar it-trasport tat-tfal tal-iskola. Jista' l-Prim Ministru jgħid:
a) min rebaħ din it-
tender
;
b) kemm ġie jiswa;
ċ) x'kien ir-riżultat;
d) jekk hemmx abbuż ta' dominanza jew kartell f'dan is-suq; u
e) kif se jibbenefika l-konsumatur Malti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li dan it-tender ma ngħatax u l-investigazzjoni għadha għaddejja.
Dipartiment tal-Konsumaturi u tal-Kompetizzjoni — compliance orders
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ compliance orders id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni mill-2007 sal-lum? Għal liema setturi ħarġu? Kemm minnhom ġew appellati? X'kien ir-riżultat tal-appell u kemm weħlu multi f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ħareġ 355 compliance order lil diversi ħwienet u stabbilimenti. 22 ġew imressqa l-Qorti fejn 4 minnhom weħħlu multa li flimkien jammontaw għal €422. Id-Dipartiment ma ġiex notifikat bi proċeduri ta’ appell fir-rigward ta’ dawn il-każijiet.
Ħwienet bid-drain tal-air conditioner jitfa' l-ilma fit-triq
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li l-enforcement officers tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jagħmlu spezzjoni tat-toroq tal-Belt u jġiegħlu lil dawk kollha li għandhom id-drain tal-air conditioner jitfa' l-ilma fit-triq biex ineħħuhom fi żmien stipulat għax dan l-aġir qed iwassal għal inkonvenjent kbir għall-persuni li jgħaddu minn dawn it-toroq?
Belt Valletta — Triq San Gwann - tneħħija ta' taraġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar li qiegħed isir fit-toroq tal-Belt Valletta hux kopert bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tal-permess u tal-pjanti approvati fuq il-Mejda tal-Kamra? Dawn il-permessi jistgħu jinkludu t-tneħħija tat-taraġ li hemm fil-ġenb tat-triq bħalma sar fil-parti ta' Triq San Gwann ma' Triq ir-Repubblika 'l isfel? Japprezza l-Prim Ministru li dan it-taraġ għandu valur storiku apparti li għandu funzjoni importanti għax jagħmilha faċli li persuni anzjani jew bi problemi ta' mobilità jimxu fit-triq li għandha gradient qawwi ħafna?
Bajja tar-Rinella — permessi ta' ristoranti u gabbani
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx permessi ta' ristoranti/gabbani li jinsabu fil-viċinanzi tal-bajja tar-Rinella u ta' min huma dawn il-propretajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-applikazzjoni PA 3742/06, fejn kienu proposti “Additions and alterations to existing rooms and change of use to snack bar (including placing of tables and chairs)” fil bajja tar-Rinella, ġiet approvata u l-permess inħareġ fit-23 ta’ Ġunju 2009. Aktar dettalji dwar l-applikant jinkisbu mill-website tal-MEPA.
proġett ta’ Wied il-Mielaħ — Project Implementation Status
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19012 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Implementation Status attwali skont l-iStructural Funds Database tal-Managing Authority dwar il-proġett ta’ Wied il-Mielaħ - towards an ecologically and culturally sensitive, sustainable tourism (Ref no 022?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-valuri u l-benefiċjarji tal-proġett ERDF 022 rigward Wied il-Mielaħ – Lejn Turiżmu sostenibli li hu sensittiv lejn l-Ekoloġija u l-Kultura jinsab fuq is-sit elettroniku http://www.ppcd.gov.mt.
Ninfurmah ukoll li 99 fil-mija tal-kuntratti ta’ dan il-proġett ġew iffirmati. Ix-xogħlijiet huma fi stat avvanzat ħafna u 43 fil-mija tal-pagamenti għaddew.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19734 u jgħid jekk hemmx bżonn permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex barriera tintradam bit-terrapien u skart ieħor tal-industrija tal-bini? Il-barrieri li bħalissa qegħdin jintużaw għal dan l-iskop huma koperti b'xi tip ta' permess? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' infurzar qiegħed isir biex jiġi aċċertat li l-iskart li jintradam hu kollu inorganiku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-irdiem tal-barrieri bit-terrapin u skart ta’ l-industrija tal-bini huwa meqjus bħal żvilupp u għalhekk għandu jkun kopert b’permess tal-iżvilupp. Dan it-tip ta’ żvilupp jikkwalifika wkoll għall-permess ambjentali li jinkludi fih miżuri ta’ monitoraġġ.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19745 u jispjega kif jiġi kkalkulat in-numru ta' turisti li jżuru Malta permezz tal-cruise liners jekk hux in-numru totali tal-passiġġieri fuq kull vapur jew inkella n-numru ta' passiġġieri li jinżlu l-art waqt il-waqfa tal-vapuri f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ passiġġieri li jżuru Malta permezz tal-cruiseliners jirreferi għan-numru totali tal-passiġġieri fuq kull vapur.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bdiet bl-iskedar ta’ bini, monumenti, eċċ. ‘il hawn, liema hu dak il-bini eċċ. li ġie skedat, meta ġie skadat u f’liema grad ġie skedat? Jista’ l-Prim Ministru jgħid ukoll xi jfisser kull grad ta’ skedar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-MEPA bdiet l-iskedar fl-1994. Il-lista ta’propjetajiet skedati hi aċċessibli fuq is-sit elettroniku tal-MEPA; www.mepa.org.mt,fejn wieħed jista jara l-lista kompleta ta’propjetajiet skedati ,il-gradi u anke’ kopja diġitali tan-Notifika tal-Gvern kif ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Fuq is-sit elettroniku tal-MEPA hemm ukoll spjegazzjoni tal-gradi livelli u l-klassijiet ta’l-iskedar kif definit fil-pjan ta’ struttura.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-propjetajiet skedati min Ottubru 2009 sal-lum.
Rigward skedar ta’snin preċedenti nagħmel riferenza għar-risposti għall-Mistoqsijiet Numru 2377, 9987, u 10918 fejn diġa kienu ingħataw dettalji tal-propjetajiet u siti kollha skedati sa dakinhar skond is-sena u l-gradi,livelli u klassijiet differenti.
Matul is-snin saru diversi eżeċizzi ta’ moniteraġġ tal-propjeta’ skedata (inkluz wieħed riċenti) li ghadu qed isir u fil-futur dan il-moniteraġġ għandhu jitkompla.
Minn meta daħlu fis-seħħ l-emendi għall-Att dwar il-Kunsilli Lokali, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm saret l-onorarja tas-sindki, viċi sindki u kunsillieri u jekk din hix konsidrata bħala dħul għall-fini tat-taxxa fuq id-dħul? Jekk fl-affermattiv x’inhi r-rata tat-taxxa dovuta fuq l-onorarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-onorarja tingħata biss lis-Sindki tal-lokalitajiet, u ma tingħatax ukoll lill-Viċi Sindki u lill-Kunsillieri. Is-Sindki jirċievu din l-onorarja skont id-daqs tal-kompożizzjoni tal-Kunsill Lokali, jiġifieri skont id-daqs tal-popolazzjoni tal-lokalità.
Sindki ta’ lokalitajiet li għandhom popolazzjoni ta’ anqas minn 5,000 persuna jirċievu onorarja li tammonta għal terz tal-onorarja ta’ Deputat Parlamentari.
Sindki ta’ lokalitajiet li għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn 5,000 persuna iżda anqas minn 15,000 persuna jirċievu onorarja li tammonta għal nofs tal-onorarja ta’ Deputat Parlamentari.
Sindki ta’ lokalitajiet li għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn 15,000 persuna jirċievu onorarja li tammonta għal żewġ terzi tal-onorarja ta’ Deputat Parlamentari.
Intant il-Kunsillieri kollha, inkluż is-Sindku, għandu d-dritt ta’
allowance
finanzjarja li tammonta għal €1,600 fis-sena fil-każ tas-Sindki, u €1,200 fis-sena lill-bqija tal-Kunsillieri, inkluż il-Viċi Sindki. Il-pagament ta’ din l-
allowance
finanzjarja isir darbtejn fis-sena, fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena.
Dwar jekk dawn il-flus hux kunsidrati bħala dħul għall-fini tat-taxxa, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-onorarja tas-Sindki hija taxxabbli bir-rati normali tal-individwu konċernat. Intant, dwar l-
allowance
finanzjarja li jirċievu l-Kunsillieri (inkluż dik li jirċievu s-Sindki), kull Kunsill Lokali jrid jimla l-Formola
FS4
għal kull Kunsillier u jaqta’ t-taxxa skont ir-regolamenti tal-
FSS
meta jagħmel il-ħlasijiet ta’ dawn l-
allowances
bir-rata proviżorja ta’ 20 fil-mija.