Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1671 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Restawr ta' djar — Inċentiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' inċentivi li jeżistu fil-preżent biex individwu jitħajjar jakkwista dar storika/ta' valur arkitettoniku mhux tas-soltu u jniedi proġett ta' restawr biex jikkonserva din it-tip ta' proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li min-naħa tal-MEPA bħalissa m’hemm l-ebda inċentiv għal dan il-għan. Il-MEPA tista’ titlob lis-sid ta’ proprjetà protetta bil-liġi (skedata) u li tkun fi stat perikoluż sabiex jirrestawraha bi spejjeż tas-sid anke jekk kemm-il darba jkollha tagħmel ix-xogħol il-MEPA stess.
Leg 11 PQ #5087 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija ta' l-Ippjanar u l-Ambjent — Environment impact assessment

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4895 u jgħid kemm saru Environment Impact Assessments b'kollox kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent? Kemm minnhom kienu jikkonċernaw proġetti b'interess governattiv? Kemm minnhom ġew ippubblikati? Kemm minnhom wasslu biex il-proġetti kkonċernati kemm tal-gvern u tal-privat twaqqfu? Kemm saru Strategic Environmental Assessmentsminn kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4895.
Leg 11 PQ #5812 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġnejna — Slipway

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4736 u ċioè: B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3738, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar terġa' tordna li jinbena mill-ġdid taraġ li jieħu post dak it-taraġ li skond din l-Awtorità kien mibni bla permess? Dan peress li t-taraġ li l-Awtorità ordnat li jwaqqgħu kien inbena madwar tliet snin ilu minflok it-taraġ li jidher f'ritratt li qed jintbagħat separatament, liema taraġ kien inbena madwar 45 sena ilu biex jieħu post passaġġ u taraġ li kien tneħħa meta kienet inbniet boat house fl-istess spazju fejn kien hemm il-passaġġ oriġinali u li ġie distrutt meta kienet inbniet il-boat house fl-istess spazju. Mingħajr dak it-taraġ illum hemm periklu għaliex kif jidher fir-ritratt kulmin irid jgħaddi minn dawk l-inħawi issa jrid jgħaddi minn fuq is-slipways li huma perikolużi u xi drabi minn ġo l-ilma baħar. Peress li d-deċiżjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif konfermata fil-mistoqsija parlamentari 3738 qed toħloq inġustizzja ma' dawk li jużaw dawn l-inħawi filwaqt li wkoll toħloq periklu fiżiku li kien jiġi evitat bl-użu tat-taraġ, jista' għalhekk mill-ġdid il-Prim Ministru jara jistax jordna lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar terġa' tinvestiga l-każ u toħroġ ordni li jinbena t-taraġ f'post li jneħħi l-periklu u li jekk jista' jkun dan il-post ikun fejn kien it-taraġ li jidher fir-ritratt li qed jidher separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ma tistax tordna li jsir xi żvilupp, inkluż taraġ mingħajr qabel ma tkun sottomessa applikazzjoni formali għall tali żvilupp.
Leg 11 PQ #5938 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjanti għall-bdiewa

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5594, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li fil-fatt ressqu talbiet għar-rikonsiderazzjoni jew informazzjoni? Fl-istess ħin, jekk persuna li hi sid ta' art fl-inħawi indikati fil-pjanta li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, li iżda ma ġietx notifikata b'dan l-iskedar, kif tista' tali persuna tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward l-iskedar tal-Ballut tal-Wardija, Wardija Ridge u l-inħawi tal-madwar il-MEPA irċeviet 45 korrispondenza mqassma f’ a) 23 talba għal rikonsiderazzjoni b) 2 talbiet għal aktar informazzjoni c) 7 kummenti u d) 13-il talba għal aktar informazzjoni u kummenti fl-istess korrispondenza Kull korrispondenza li waslet għand il-MEPA ġiet indirizzata u ntbagħtu r-risposti u/jew informazzjoni. Artikolu 46(8) jispeċifika li ‘Sid ta’ proprjetà skedata għandu dritt jitlob rikonsiderazzjoni dwar kull skedar ta’ proprjetà tiegħu. Din it-talba għandha ssir bil-miktub quddiem l-awtorità fi żmien tletin jum min-notifika jew mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta, liema jiġi l-aħħar, ta’ l-iskedar, u l-awtorità għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur minn meta tkun irċeviet it-talba għal ‘rikonsiderazzjoni’. Kif diġà ġie aċċennat qabel, l-awtorità mhux biss ħarġet 172 notifikazzjoni ta’ l-iskedar b’ittra reġistrata iżda talli waħħlet seba’ notifikazzjonijiet fl-inħawi skedati kif ukoll ippublikat l-iskedar fil-gazzetta tal-gvern u f’gazzetta lokali. Għall-fini tal-liġi il-MEPA għamlet aktar milli rikjest minnha anke jekk hemm xi sid li ma rċeviex notifikazzjonijiet ta’ l-iskedar. Dan l-għaliex Artikolu 46(2) jispeċifika li ‘Jekk ebda wieħed mis-sidien ma jkun magħruf, jew jekk mhux raġonevolment possibbli li jiġu notifikati dawk is-sidien, l-avviż imsemmi għandu jitwaħħal biss fis-sit u ma jkunx hemm bżonn issir in-notifika lil dawk is-sidien kif imsemmi qabel.
Leg 11 PQ #6611 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħwienet tal-logħob tal-azzard f'żoni residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk jaqbilx li f'żoni residenzjali ma jkun qatt aċċettat li jinfetħu ħwienet ġodda tal-logħob tal-azzard? X'għandu xi jgħid għall-applikazzjoni ta' ftuħ ta' ħanut tal-azzard fi Vjal il-25 ta' Novembru, ż-Żejtun, f'żona residenzjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qed jitħejjew regolamenti biex din l-attività ma tħallix danni.
Leg 11 PQ #6859 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — annual report

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex sal-lum għadu ma tressaqx l-annual report tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-Parlament minkejja li għadda ż-żmien stipulat mil-liġi li dan isir sa sitt ġimgħat mis-sena finanzjarja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill- Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall- mistoqsija Parlamentari Numru 7486.
Leg 11 PQ #8673 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Environment enforcement notices

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8432, 8266, 7712, 7358 u 7236 u jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqigħ ta’ ħitan tas-sejjieħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma nħarġux environment notices matul il-perjodu ndikat fil-mistoqsija parlamentari Nru PQ 8887 minħabba li l-Enforcement Notice mhix għodda li hija disponibbli għall-ispetturi tal-ambjent peress li dawn jaġixxu f’l-ambitu tal-poteri mgħotija lilhom taħt l-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent u l-Avviż Legali 1 ta’1994. Minkejja dan, ittieħdu passi b’mezzi oħra sabiex jiġu infurzati regolamenti ambjentali maħruġa taħt l-istess Att..
Leg 11 PQ #8887 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Environment enforcement notices

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8673, 8432, 8266, 7712, 7358 u 7236 u jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjiegħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 8673.
Leg 11 PQ #8947 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Cottonera Waterfront — proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti approvati għall-Cottonera Waterfront, liema tlestew sal-lum? Liema huma dawk li għadhom ma tlestewx u dawk li għadhom lanqas biss beda x-xogħol fihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema informatika tal-Awtorità ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar sal-5 ta`Ġunju 2009, l-awtorità ħarġet 27 permess għall-iżvilupp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji.
Leg 11 PQ #9044 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti li se jitwettqu f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarjat tat-Turiżmu nieda skema ta’ ko-finanzjament għall-benefiċċju ta’ operaturi li jaħdmu fit-turiżmu. L-iskema li hija ko-finanzjata mill-UE għall-proġetti sostenibbli fit-turiżmu tgħin biex is-settur privat jinvesti. Il-proġetti li se jsiru f’Għawdex permezz ta’ din l-iskema għalhekk jiddependu ħafna mill-proposti li jiġu mressqa mis-settur privat għal konsiderazzjoni. Bħalissa qed isir l-evalwazzjoni tal-proġetti li ġew sottomessi taħt l-ewwel sejħa ta’ din l-iskema. Ġiet imnedija skema oħra li tipprovdi għal sussidju fuq l-imgħax. L-iskema li hija finanzjata mill-fondi nazzjonali u li tipprovdi sussidju fuq l-imgħax ta’ self provdut mill-banek għal estensjoni jew refurbishment ta’ stabilimenti ta’ l-akkomodazzjoni u ristoranti wkoll tista’ tgħin lis-settur turistiku Għawdxi. Hawnhekk ukoll jiddependi mill-proposti li jkunu mressqa mill-applikanti Għawdxin. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema ser jinfetħu dan ix-xahar. L-MTA ħarġet tender biex tiġi identifikata kumpanija li tipprovdi taħriġ għall-nies li qed jaħdmu u qed ifittxu jaħdmu f’karigi maniġerjali fil-qasam turistiku. Il- programm ‘FSE 2.11- Developing Leaders for Change and Innovation in Tourism’, li 85% tal-valur globali tiegħu ta’ €4 miljun hu finanzjat mill-Unjoni Ewropea ser jiġi maniġġjat mill-Awtorita’ Maltija tat-turiżmu. 10% tal-proġett irid jiġi mplimentat Għawdex. Il-proġett mistenni jibda fl-aħħar ta’ l-2009 u jispiċċa fl-aħħar ta’ l-2012. Aktar dettalji tal-proġett: F’April 2008 ġiet aċċettata s-sottomissjoni għall-proġett FSE 2.11-Developing LEADERS FOR Change and Innovation in Tourism’. Dan il-programm hu maħsub sabiex iħarreġ u jiċertifika individwi li jaħdmu jew li qed iffitxu impjieg f’karigi għolja, medji jew ta’ superviżżjoni f’setturi li jikkontribwixxu fil-qasam turistiku. Il-programmi għandhom jkunu prattiċi, iffukati fuq riżultati u kif ukoll jinkludu fihom sessjonijiet ta’ ‘ mentoring’ u żjarat intrnazzjonali biex isaħħu l-iżvilupp personali u professjonali. Żewġ studji li janaliżżaw il-livell ta’ xogħol u ħtieġa ta’ taħriġ huma inklużi fil-proġett. Aktar minn €4 miljuni ġew allokati biex iħarrġu u jiċċertifikaw aktar 1200 maniġer u supervajżer fi-industrija. It-taħriġ ser ikun qed isir kemm f’Malta kif wkoll f’ Għawdex. B’hekk dan il-proġett qed jaspira li jtejjeb iż-żjara tat-turisti billi jgħolli il-kwalita’ tas-servizzi, iżid il-profittabilità u l-kompetittivita’, u jintegra l-innovazzjoni fl-industrija turistika. Il-proġett mistenni jibda fl-aħħar ta’ l-2009 u jispiċċa fl-aħħar ta’ l-2012. 10%tat-taħriġ ser issir f’Għawdex. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m’għandha l-ebda proġett ippjanat li jsir minn din is-sena sal-2013, ħlief forsi xi ko-finanzjament ta’ xi proġetti li jaqa’ taħt l-iskema ta’ l-EIPP u li jistgħu jitressqu minn Kunsill Lokali għall-approvazzjoni mil-MEPA. Infurmat ukoll illi sal-2013 Heritage Malta se tkun qed taħdem fuq dawn il-proġetti ewlenin f’Għawdex: Il-proġett tal-Ġgantija, ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal- UE 2007- 2013,li kien jionkludi l-bini ta’ ċentru għall-viżitżturi,binja tal-ħruġ, tisbiħ tal-madwar, u studju fuq l-istabbilita’ strutturali tat-tempji. Il-proġett ta’ reviżjoni tal-Mużew tal-Arkeoliġija fiċ- Ċittadella, peress li għadd ta’oġġetti se jiġu murija fiċ-ċentru għall-viżitaturi l-ġdid tal-Ġgantija. Dan ix-xogħol isir permezz ta’ fondi nazzjonali. Il-proġett ta’ konsolidazzjoni tal-istruttura u l-installazzjoni ta’makkinarju ġdid għall Mithna ta’ Kola.
Leg 11 PQ #9950 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilliera eletti — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9793 u jgħid: 1) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn it-18 u l-25 sena? 2) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn is-26 u l-35 sena? 3) Ma' liema partit jappartjenu? 4) Kemm minn dawk indikati f'punt (1) u (2) huma nisa? Ma' liema partit jappartjenu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 9793.
Leg 11 PQ #10576 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ideat kreattivi u oriġinali li faċilment jistgħu jiġu żviluppati fi proġetti u bil-possibilità li dawn l-istess proġetti jkunu ffinanzjati minn programmi varji ta' fond tal-Unjoni Ewropea, bl-għajnuna tal-MEUSAC, fis-seminar li ġie organizzat ftit xhur ilu flimkien maċ-Ċentru tal-Kreattività Kavallier ta' San Ġakbu lill-kunsilli lokali? Liema kunsilli lokali attendew? Liema kunsilli ħarġu b'xi inizjattiva ta' din ix-xorta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-attività ‘Local Council meets Artist’ ġiet organizzata fuq jumejn (30 & 31 ta’ Lulju). Fl-ewwel jum saru preżentazzjonijiet intervattivi u brainstorming ta’ idejat li wasslu għal 21 ideja – 9 ġejjin mill-kunsilli lokali u 12 mill-artisti. Matul it-tieni jum, minn dawn il-21 idejat ġew magħżula 2 u fihom ġew amalgamati ukoll xi idejat oħra. Il-kunsilli u l-artisti ddiskutew ukoll kif dawn il-proġetti jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għalihom. Il-kunsilli lokali attendew kienu: 1. Ħal-Tarxien 2. Valletta 3. San Pawl il-Baħar 4. Bormla 5. San Lawrenz 6. Birkirkara 7. Ħal-Qormi 8. Xagħra 9. Ħal-Safi 10. Naxxar 11. Ħamrun 12. Birgu
Leg 11 PQ #13418 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — pompi tal-fuel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13055 dwar il-pompi tal-petrol lokali , jirriżultalu l-Prim Ministru li waħda mill-pompi inkwistjoni u ċioe l-pompa miżmuma mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija konformi mal-kundizzjonijiet kollha segwenti : BS7117-1:1991 : Metering Pumps and Dispensers EN1360:1997 : Rubber hoses and assemblies BS EN 12285-1 : Fabrication of Steel Tanks BS EN 13616 : Overfill Prevention Devices BS EN 858 : Separator Systems PPG3 : Pollution Prevention Guidelines BS EN 13160 : Leak Detection Systems BS EN 13617 : Petrol Filling Stations? Jekk fl-affermattiv, jista' jinvestiga u jirrimedja din l-inġustizzja bla aktar telf ta' żmien għall-partijiet kollha involuti ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17227.
Leg 11 PQ #13664 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — pompi tal-fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13418 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13055 dwar il-pompi tal-petrol lokali , jirriżultalu l-Prim Ministru li waħda mill-pompi inkwistjoni u ċioe l-pompa miżmuma mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija konformi mal-kundizzjonijiet kollha segwenti : BS7117-1:1991 : Metering Pumps and Dispensers EN1360:1997 : Rubber hoses and assemblies BS EN 12285-1 : Fabrication of Steel Tanks BS EN 13616 : Overfill Prevention Devices BS EN 858 : Separator Systems PPG3 : Pollution Prevention Guidelines BS EN 13160 : Leak Detection Systems BS EN 13617 : Petrol Filling Stations? Jekk fl-affermattiv, jista' jinvestiga u jirrimedja din l-inġustizzja bla aktar telf ta' żmien għall-partijiet kollha involuti ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17227.
Leg 11 PQ #13937 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

talbiet pendenti għal bini ta' rziezet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu u fejn huma l-lokalitajiet li fihom hemm talbiet għal bini ta' irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament u li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-awtorità għandha pendenti quddiemha disgħa u tletin (39) applikazzjoni li tirrigwarda rziezet tal-majjali u tal-baqar f'Malta u Għawdex. Ghaxar (10) applikazzjonijiet u dsatax (19)-il applikazzjoni li tirrigwarda irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament, u applikazzjoni ohra li tinkludi ż-żewg tipi ta' trobbija, qedgħin jistennew l-ewwel deċizjoni. Tliet (3) applikazzjonijiet u sitt (6) applikazzjonijiet li jirrigwardaw irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament qegħdin jistennew rikonsiderazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi fejn jinsabu l-irziezet relattivi (Table 1) L-Awtorità għandha pendenti quddiema ukoll ħamsa u għoxrin (25) applikazzjoni għal irziezet fejn it-tip ta' trobbija m'hijiex speċifikata fid-deskrizzjoni tal-proposta fl-applikazzjoni. Tlieta u għoxrin (23) minn dawn qegħdin jistennew l-ewwel deċizjoni filwaqt li tnejn (2) oħra qed jistennew rikonsiderazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi fejn jinsabu dawn l-irziezet (Table 2) Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "razzett", "rziezet", "maqjel", "farm/s", "baqra", "baqar", "barri", " ghog ol", " ghog iela", "calf", "calves", "dairy","cow/s", "cattle", "bull/s", "hniezer", "hanzir", "pig/s" jew "cow/s".
Leg 11 PQ #15810 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — park tal-familja f'Selmun

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15282 u jgħid xi kriterji użat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tapprova l-proġett ta' park tal-famlija f'Selmun fit-12 ta' Jannar, 2010 skont il-pjan lokali meta l-inħawi huma barra miż-żona ta' żvilupp, meta tqis li l-Awtorità kienet riġida ħafna fis-snin ta' qabel meta kkunsidrat proposti ta' proġett fl-istess inħawi, imressqa mill-kunsill lokali tal-Mellieħa ta' qabel dak preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq dan is-sit kien hemm diversi applikazzjonijiet għall-istess għan ta’ żvilupp li huma allenkati hawn taħt. 1. PA4020/99 (Outline Development Application) Proposta: Żvillupp ta’ Afforestazzjoni b’faċilitajiet oħra għall-użu tal pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieħa Local Council Permess inħareġ: 27 ta’ Jannar, 2001 2. PA2806/04 (Full Development Application) Proposta: Żvillupp ta’ Afforestazzjoni b’faċilitajiet oħra għall-użu tal pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieha Local Council Permess inħareġ: 5 ta’ April, 2005 3. PA1258/09 (Amended Full Development Application) Proposta: Amenda ta’ 2806/04, rikostruzzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ eżistenti u proviżjoni ta' ġnien pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieħa Local Council Permess inħareġ: 27 ta’ Jannar, 2010 Din l-applikazzjoni ġiet ikkunsidrata partikolarment peress li din kienet amenda ta’ permessi oħrajn li diġà kienu nħarġu kif inhu indikat. Is-sit suġġett għall-applikazzjoni li ġiet approvata fit-12 ta' Jannar, 2010 kien ilu marbut b'permessi għall żvilupp ta’ afforestazzjoni b’passaġġi, bankijiet, parkeġġ u faċilitajiet oħra għall użu rekreazzjonali tal-pubbliku. Din l-applikazzjoni tinkudi amendi fil-permessi li jorbtu din l-art billi toffri varjazzjoni akbar ta' faċilitajiet għal użu rekreazzjonali u kulturali tal-pubbliku filwaqt li titħawwel veġetazzjoni vasta. Dan seta jiġi fis-seħħ permess tal-Pjan Strutturali li jirregola l-użu ta’ artijiet barra iż-żoni ta’ żvilupp billi jillimita l-iżvilupp aċċettabli anke biex jinkludi faċilitajiet bħal picnic area, toilets, parkeġġi u faċilitajiet oħra li raġonevolment ma jistgħux jiġu provduti ġewwa ż-żoni ta’ żvilupp. L-istess pjan jeħtieġ li jsir użu aktar effiċjenti ta’ art diġa mfassla għall-użu rekreazzjonali billi anke tiżdied il kwalità ta’ varjazzjonijiet u anke aċċessibilità ta’ faċilitajiet. Fl-interess tal-pubbliku kollu u anke għat-turisiti, l-istess pjan jiddentifika li l-aċċessibilità għall-wirt naturali, storiku u arkeoloġiku għandu jiġi faċilitat.
Leg 11 PQ #15921 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — lista ta' tenders u direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15804, 15571, 15331, 14850 u 14474 u jagħti lista tat-tenders u direct orders li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'din l-aħħar sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #15950 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #15990 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant sa Mejju 2010.
Leg 11 PQ #16032 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' impjanti tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15880 u jgħid jekk hemmx xi distanza speċifika li trid tiġi osservata fil-bini tal-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ mill-areas residenzjali skont kriterji tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u tal-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 16879