Mosta — kunsill lokali - għalqa biswiet iċ-ċimiterju tal-Mosta
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20234, peress li għal kuntrarju ta' dak li qed jingħad fir-risposta mhux minnu għaliex f'din l-għalqa biswit iċ-ċimiterju tal-Mosta qabel ma saret il-bankina l-ġdida kien hemm ilqugħ permezz ta' blokki tal-konkos li kienu tpoġġew wara li kien hemm tentattiv ta' serq mill-istess ċimiterju u peress li fil-fatt dan l-ilqugħ li kien hemm tneħħa meta saret il-bankina l-ġdida, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-Kunsill Lokali tal-Mosta bla dewmien jagħmel ilqugħ adegwati sakemm il-propjetarji jagħmlu dak li huma obbligati li jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mosta ta struzzjonijiet lill-kuntrattur li għamel ix-xogħol fuq il-bankina msemmija biex, jekk kien hemm xi lqugħ tal-konkos ma’ din l-għalqa partikolari u neħħihom, jerġa’ jpoġġijhom. Ser ninkariga lill-uffiċċjal tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isegwu dan il-każ.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19748 u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ċifra globali fuq hospitality
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20208 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17468, jista' l-Prim Ministru jaġġornani bl-istess informazzjoni għax-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru separatament? Jista' wkoll jgħid kemm hemm każijiet pendenti x'jitħallsu għall-perjodu ndikat f'din il-mistoqsija parlamentari u l-mistoqsija parlamentari 17468 rispettivament?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — flus globali għal hospitality
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20182 u jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Prim Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li ntnefqet matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena b'mod separat f'xogħlijiet fuq dawn il-proġetti:
a)
promenade
ġdida f'San Pawl il-Baħar;
b) ġnien u heritage trail f'Pembroke; u
ċ) visitors attraction fil-Qawra?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandiex policy dwar bus depots? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din il-policy ma teżistix jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm tali policy?
Żejtun — Housing Estate ta' Ganza - inkonvenjent tat-trasport
Question
Peress li bosta residenti Żwieten qed jilmentaw mill-fatt li kumpannija ewlenija fit-trasport f'pajjiżna qed toħloq inkonvenjent f'żona residenzjali 'l isfel mill-Housing Estate Ta' Ganza fiż-Żejtun stess, jista' l-Prim Ministru jgħid x'alternattivi hemm biex dan l-inkonvenjent ma jibqax? Jista' jgħid ukoll jekk dan il-kuntrattur ġiex avviċinat biex jinstabu alternattivi minn fejn jista' jaħdem mingħajr ma jkun ta' inkonvenjent għal xi residenti? X'kienu dawn l-alternattivi jew soluzzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ għandha bżonn iktar dettalji biex tkun tista twieġeb aħjar din il-mistoqsija
Jista' l-Prim Ministru jgħid, bħala l-Ministru responsabbli mill-politika ambjentali kif ukoll mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fejn jistgħu jirrikorru ċittadini li jkunu jixtiequ jirrappurtaw xi tip ta' rapport marbut ma' kull tip ta' abbuż jew problema ambjentali? Fid-dawl ta' dan jista' jinvestiga ftit x'ġara fil-premises ta' kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li fl-20 ta' Ottubru 2010 xi residenti semgħu splużjoni fil-premises tagħhom u minkejja li ppruvaw jirrappurtaw lil xi awtorijatjiet governattivi ma wasslu mkien?
Kunsilli lokali — Ksur ta' regolamenti fl-ispeed cameras
Question
Billi jidher li l-kunsilli lokali ma kenux infurmati dwar il-bidla fil-multi mposti minħabba ksur tar-regolamenti tal-ispeed camera, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif kif ser tkun tista' tingħata lura l-multa li tħallset iktar minn li kienet qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rifużjoni hi applikkabli biss f`dawk il- każijiet fejn il-persuna ġiet misjuba ħatja jew ħallset il-penali fejn is-sewqan kien b’eċċess tal-limitu li ma jaqbiżx il-15 il-kilometru fis-siegħa. Il-bidla fil-penali daħlet fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ April 2008.
Għal dan il-għan, u sabiex kull min għandu d-dritt għar-rifużjoni jkollu l-opportunità jeżerċita dan id–dritt, ser jingħata avviż lill-pubbliku fejn jiġi spjegat dan.
Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar — investiment infrastrutturali
Question
Billi l-Gvern ħa d-deċizjoni li matul is-sena d-dieħla jsir investiment infrastrutturali qawwi, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex f'dan il-perijodu jsir investiment infrastrutturali qawwi fit-toroq u l-bankini ta' Buġibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar, u dan għall-benefiċċju tar-residenti u t-turisti f'dan l-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li t-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant ġiet kkunsidrata u rriżultat f’waħda ġġustifikata, l-uffiċċju tiegħi permezz tal-Kumitat għat-titjib tal-Ambjent bil-ħidma u l-koperazzjoni ta’ diversi Ministeri u entitajiet governattivi oħrajn sar titjib sostanzjali fiż-żona turistika li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant.
Il-Gvern huwa kommess b’din il-ħidma tul is-sena kollha permezz ta’ grupp ta’ ħaddiema tal-gvern assenjati apposta.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5605 li oriġinarjment saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Ambjent Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid sal-lum il-hazardous waste fejn qed jinżamm? X’persentaġġ minnu jaħseb li qed jiġi stored fl-istess azjendi li jipproduċuh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-MEPA qiegħda taħdem fuq pjan sabiex l-operat kollu li hu ta’ riskju ambjentali jkollu permess ambjentali. Dan ikun jippermetti li l-ġbir ta’ statistika jkun possibli b’mod aktar sistematiku.
Bormla — Ġnien C. Mifsud Bonniċi - latrina pubblika
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5478, fejn il-Prim Ministru qal li qed isir tibdil fil-pjanti sabiex tkun tista' tinbena latrina pubblika fi Ġnien C. Mifsud Bonniċi Bormla, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx xi progress peress li reġa' wasal sajf ieħor u dan il-ġnien jerġa' jibda jkun frekwentat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 14874.
Awtorità tat-Turizmu ta' Malta — persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2008 l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta kemm nefqet u x'ħidmiet għamlet, pajjiż b’pajjiż, biex tħajjar persuni jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna? X’għamlet f’dan il-qasam fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u x’beħsiebha tagħmel matul is-sena 2009 ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-2008 l-isfida prinċipali kienet li tiġi aċċertata l-inklużjoni ta’ Malta fil-lista ta’ destinazzjonijiet approvati mill-Gvern Spanjol għall-Boroż ta’ Studju BECAS. Għal dan il-għan twaqqaf servizz ta’ Call Centre kif ukoll ġie pubblikat fuljett sabiex igħin lill-istudenti jġibu ruħhom sew waqt il-mawra tagħhom f’Malta.
Saret kampanja ta’ reklamar fuq numru ta’ xhur fuq rivisti bħall-
LTM
. Il-kampanji tal-MTA varjaw fl-intensità tagħhom skont l-istaġjonalità tas-suq, partikolarment għal meta jsiru
workshops
speċjalizzati. Matul l-istaġun tal-
workshops
saru wkoll riklami fir-rivisti
Global Study
u
EL Gazette
.
Ingħatat għajnuna lil diversi skejjel tal-Ingliż billi ġew organizzati żjajjar ta’ familjarizzazzjoni minn numru ta’ swieq ġeografiċi. Saru wkoll preżentazzjonijiet ta’ kull xahar lill-għalliema u studenti fi swieq bħal dak Awstrijak fejn ġew indirizzati madwar elf student fix-xahar matul is-sena skolastika.
Fil-Ġermanja, apparti l-promozzjoni mmirata lejn l-istudenti żgħażagħ saret ukoll kampanja biex tippromwovi l-
Business English
. Il-fondi allokati għall-2008 għal dan is-
segment
kienu ta’ €35,000.
Matul l-2009 l-Awtorità kompliet tibni fuq il-ħidma li saret is-sena l-oħra. Filwaqt li l-fondi allokati għas-sena 2009 kważi ġew irduppjati għal €62,500 saru sforzi aktar fokati u mmirati sabiex iġibu riżultat dirett.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — bars u ristoranti - depożiti fuq imwejjed
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta hijiex qed titlob depożiti bħala garanzija għall-imwejjed eċċ. li bars u ristoranti joħorġu fuq bankini u/jew art pubblika oħra? Kemm qed tintalab garanzija? Fuq liema kriterju qed tintalab din? Kif tista' tintilef din il-garanzija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu titlob depożitu bħal garanzija għal kull approvazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għall-estensjoni ta’ permess eżistenti sabiex jitpoġġew imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika skont rata ta’ €250 għal kull metru kwadru ta’ encroachment approvat. Id-depożitu jintilef parti minnu jew kollu f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li fuqhom toħroġ il-liċenzja. L-obbligu tad-depożitu bħala garanzija hu wieħed mill-kundizzjonijiet tal-liċenzja li permezz tagħha jkunu jistgħu jitqiegħdu mwejjed u siġġijiet fuq art pubblika. Madankollu qed isir eżerċizzju sabiex din ir-rata tiġi riveduta. Dan l-eżerċizzju mistenni li jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali li wettqu proġett ta' bini ta' xi faċilità sportiv matul l-aħħar sentejn? X'kien l-impenn finanzjarju ta' kull kunsill lokali għal kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill- Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt ghall- mistoqsija parlamentari numru 15507
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12192 u jgħid kemm inġabru tariffi u multi mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex, kunsill b'kunsill u ċioe:
a) tariffi kull kunsill mill-kuntratturi li jkunu esegwixxew xogħol ta' kostruzzjoni fil-lokalitajiet individwali lokalità lokalità?
b) kemm inġabru multi minn wardens li jinsabu joperaw f'kull lokalità?
Jista' jagħti din l-informazzjoni għas-sena 2008 u sa Ottubru 2009 ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12422, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pagi/salarji inkluż allowances tal-Management, Chairman u Chief Executive Officer tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-pagi/salarji inkluż allowances tal-Management, Diretturi u Chairman ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif mitlub.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-maġġor parti tal-familji li daħlu fl-iskema tal-bdil tal-gallariji ta' l-injam mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel l-elezzjoni ġenerali għadhom ma tħallsux minkejja li għaddew aktar minn sentejn? Jista' jgħid meta se jintbagħtu l-ħlasijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt fil-Mistoqsijiet Parlamentari numri 14272 u 13974.
Pjazza Santa Margerita f'Bormla — Public Convenience
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14874 fejn staqsejt dwar Public Convenience fi Pjazza Santa Margerita, Bormla, li ilha ppjanata biex issir ħafna u ħafna snin, u fejn l-istess Prim Ministru qal fir-risposta tal-istess mistoqsija parlamentari "li jien infurmat illi l-permess għal dan l-iżvilupp għadu ma nħariġx", jista' l-Prim Ministru jiċċekkja għax minn l-informazzjoni li għandi, l-permessi għal din l-applikazzjoni bin-numru li qed jingħata seperatament, ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fid-9 ta' Settembru 2009?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Bord tal-Kontroll ta’ l-Iżvilupp fid-9 ta’ Settembru 2009. Il-kundizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni kienu jinkludu s-sottomissjoni ta’ garanzija bankarja li ġiet ikkonfermata fis-26 ta’ Jannar 2010. Il-permess ġie komplut u jiddata l-4 ta’ Marzu 2010.