Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani mlaqqma kontra l-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-persentaġġ tal-anzjani mlaqqma kontra l-COVID-19 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, skont l-etajiet li ġejjin b’mod separat; a. minn 60 sa 69 sena; b. minn 70 sa 79 sena; c. minn 80 sa 89 sena; u d. għal dawk li għandhom 90 sena u iktar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt, li qed tindika l-persentaġġ tal-persuni li ġew imlaqqma kontra l-Covid-19 sal-lum. 60-69 70% 70-79 86% 80-89 98% 90 + 99%

Anzjani mlaqqma konta l-Covid-19 li jgħixu fir-residenzi tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-persentaġġ tal-anzjani mlaqqma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, li jgħixu fir-residenzi tal-anzjani, mogħtija b’mod separat għal kull dar għaliha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi 98 fil-mija tar-residenti li jinsabu ġewwa r-Residenza San Vinċenz De Paul kif ukoll 94 fil-mija ta’ dawk li huma residenti u staff f’residenzi ohra tal-anzjani, diġa ġew imlaqqma għal-kontra l-Covid-19

Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.

Ministeru għas-Saħħa – miżuri minħabba l-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.

Ministeru għas-Saħħa – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanitizzati kull darba li jkun hemm il-ħtieġa u ma ngħata l-ebda direct order.

Missirijiet waqt ħin ta’ twelid tat-tarbija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif qiegħda tingħata l-opportunità li missirijiet jistgħu jkunu flimkien ma’ omm it-tarbija meta din tidħol fl-isptar sabiex twelled, matul it-twelid u wara t-twelid? Jekk mhux tingħata din l-opportunità f'wieħed minn dawn l-istadji, jista’ jispjega r-raġunijiet għal dan u jgħid liema kriterji qegħdin jintużaw biex tiġi sostnuta din id-deċiżjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament is-sieħeb tat-twelid/missier jista' joqgħod fejn l-omm mill-bidu sal-aħħar tal-ħlas. Eżatt wara l-ħlas dan ikun jista’ jakkumpanja lill-omm mid-delivery room għal-Obstetric Ward. Il-ħinijiet ta' żjara għas-sieħeb tat-twelid/missier huma permessi sa siegħa, bejn l-4.00 u s-6.00 ta’ filgħaxija.

Sptar Mater Dei, Sptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – mediċini wżati — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta’ mediċini wżati f’kull wieħed minn dawn l-isptarijiet b’mod separat u għal kull sena għas-snin 2018, 2019, 2020 u għas-sena 2021 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija? a. Mater Dei b. Sptar Karen Grech c. Sptar Ġenerali ta’ Għawdex

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Operaturi tal-ħwienet – tilqima kontra COVID-19

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19634, u peress li l-mistoqsija parlamentari 19572 titkellem fuq materji differenti, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jkun speċifiku u konkret u jagħti l-informazzjoni mitluba lilu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nfakkar lill-Onor. Interpellant illi l-proċess għadu għaddej u s-sekwenza ta’ tilqim qed issir skont il-pjan maqbul mal-esperti tas-saħħa.

Ambulatory ITU – żieda ta’ sodod

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed jerġa’ jikkunsidra li jżid is-sodod ta’ kura akuta permezz ta’ Ambulatory ITU? Jista’ jagħti wkoll spjegazzjoni dettaljata tal-pjanijiet tiegħu f’dan ir-rigward?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptar Mater Dei, matul l-2020 sar xogħol infrastrutturali u ġie prokurat l-apparat kollu neċessarju sabiex tiżdied il-kapaċita’ li l-isptar joffri servizzi ta’ terapija intensiva skont il-ħtieġa.

COVID-19 — Persuni li mietu ġo darhom

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-bidu tal-pandemija f’Marzu 2020 sas-16 ta’ Marzu 2021 kemm mietu nies bil-COVID-19 ġo darhom u mhux fl-Isptar jew f’Dar tal-Anzjani? X’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-individwi ma ġewx ikkurati fl-isptar fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill bidu tal-pandemija, kien hemm 11 il-persuna li kienu pożittivi għal-Covid-19 u li mietu ġo djarhom. Ħamsa minn dawn il-persuni ġew misjuba li kienu pożittivi minn test li ttieħed wara l-mewt. Għal oħrajn ir-riżultat pożittiv ħareġ jew wara l-mewt jew ftit qabel id-data tal-mewt. Minn dawn, kien hemm erba’ każijiet fejn il-Covid-19 segħtet ikkontribwixxiet imma ma kinitx il-kawża prinċipali tal-mewt għaliex dawn kellhom kundizzjonijiet oħra li jinkludu kanċer, dijabete’ u attakk tal-qalb.

COVID-19 — Pjan ta’ rollout

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tar-rollout tal-vaċċin kontra l-COVID-19 li għal kull tip ta’ vaċċin għandu jinkludi: a. meta waslu, kemm waslu u kemm ingħataw sas-16 ta’ Marzu 2021? b. kemm hu l-ammont ta’ vaċċini li mistenni li jasal wara s-16 ta’ Marzu 2021? U kif se jitqassmu dawn l-ammonti fil-ġimgħat u xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-21 ta’ Marzu waslu Malta total ta’ 203,820 dożi tal-vaċċin tal-Covid 19 filwaqt li sal-istess data ġew amministrati 145,934 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19. Matul iż-żmien li ġej mistenni li jaslu aktar dożi. Ninformaha ukoll li s-sekwenza ta’ tilqim se tkompli issir skont il-pjan maqbul mal-esperti tas-saħħa.

COVID-19 — Amministrazzjoni tal-Vaċċin Pfizer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġie amministrat vaċċin tat-tip Pfizer ġimgħa b’ġimgħa minn meta wasal Malta: i. lil persuni ta’ ‘l fuq minn 80 sena; ii. lil persuni ta’ bejn is-70 u d-79 sena; iii. lil persuni ta’ bejn is-60 u 69 sena; iv. lil persuni vulnerabbli (u jispecifika liema kundizzjonijiet); v. lil frontliners (u jispeċifika liema); vi. lil persuni oħra li ma jaqgħux taħt dawn il-kategoriji u jispeċifika x’inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

COVID-19 — Amministrazzjoni tal-Vaċċin AstraZeneca

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sas-16 ta’ Marzu 2021, kemm ġie amministrat vaċċin tat-tip AstraZeneca ġimgħa b’ġimgħa minn meta wasal Malta: i. lil persuni ta’ bejn il-50 u l-65 sena; ii. lil persuni vulnerabbli (u jispeċifika liema kundizzjonijiet); iii. lil frontliners (u jispeċifika liema); iv. lil persuni oħra li ma jaqgħux taħt dawn il-kategoriji u jispeċifika x’inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

COVID-19 — frontliners

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li jitqiesu bħala frontliners u qed jingħataw il-tilqima kontra l-COVID-19? Għal kull kategorija, jista’ jispeċifika kemm hu l-ammont ta’ persuni li qed jitqiesu bħala frontliners? Jista’ jgħid ukoll sas-16 ta’ Marzu 2021 x’numru minnhom tlaqqmu u kemm hu n-numru ta’ persuni li fadal biex jitlaqqmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20088. Ninfurmaha wkoll li l-clinical frontliners huma dawk il-persuni kollha li jaħdmu fl-entitajiet kliniċi fil-gvern u anki fil-privat u n-non-clinical frontliners, li huma l-pulizija, ħaddiema tal-forzi armati u tal-protezzjoni ċivili kif ukoll s-support staff rispettiv tagħhom, ħaddiema tas-sigurtà tal-fruntiera, ħaddiema li jaħdmu fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin li jinkludu l-probation staff kif ukoll persuni oħra li xogħolhom għandu x jaqsam mas-sigurtà nazzjonali.

Mediċina lill-persuna

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jibda l-proċeduri meħtieġa sabiex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tkun tista' tingħata mill-Gvern il-mediċina meħtieġa sabiex din l-istess persuna tibqa' ħajja u ma tispiċċax vittma tal-marda tagħhom peress li b'din il-mediċina bl-isema Trikafta li hi approvata mill-Unjoni Ewropea, din il-persuna tkun tista' tibqa' ħajja u tali talba saret diġa mill-ispeċjalist li jikkura lil din il-persuna kif jidher fid-dettalji li ukoll qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gvern ikkommetta ruħu li jipprovdi dawn il-mediċini għal dawn il-pazjenti bis-cystic fibrosis u wara l-approvazzjonijiet neċessarji, saru l-investimenti finanzjarji meħtieġa u beda’ l-proċess li se jwassal għax-xiri ta’ dawn il-mediċini mill-aktar fis sabiex b’hekk ikunu jistaw jiddaħlu fil-formularju tal-gvern fi¿-¿mien li ġej.

Persuni infettati bil-HPV

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna ġiet misjuba pożittiva għall-HPV u jindika dan għal kull sena sa mis-sena 2013?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2013 kien hemm 230 persuni li rriżultaw pożittivi għal-HPV, fl-2014 210, fl-2015 231, fl-2016 219, fl-2017 323, fl-2018 374, fl-2019 457 u 381 fl-2020.

Mard infettiv

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huwa dak il-mard infettiv li rriżulta f'pajjiżna sa mis-sena 2018 u jgħid kemm-il persuna nstabet pożittiva għal tali mard infettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tispeċifika għal liema tip ta’ mard infettiv qed tirreferi fil-mistoqsija parlamentari tagħha.

Servizzi tal-GU Clinic

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif se jassigura li s-servizzi tal-GU Clinic, li se jkunu qegħdin jiġu estiżi fuq livell ta' Kura Primarja miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-Kliniċi fil-Komunità, se jkunu qegħdin jingħataw minn professjonisti mħarrġa f'dan il-qasam, u kif se jassigura l-privatezza u l-kunfidenzjalità meħtieġa għal dan is-settur mediku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tal-GU Clinic għadu u se jibqa jingħata minn speċjalisti f’Mater Dei u filfatt dan l-aħħar ġimgħat żdied konsulent ieħor li qed jagħti servizz minn din il-klinika. Dawk il-pazjenti li l-ispeċjalisti f’Mater Dei jidrilhom li jistaw jieħdu parti mill-kura fosthom fil-komunita’, se jiġu referuti għal dawn iċ-Ċentri. Ninformaha wkoll li l-iSpeċjalisti tal-Mediċina tal-Familja fi ħdan id- Dipartiment tal-kura tas-Saħħa Primarja li ser ikunu qed jipprovdu s-servizzi tal-GU Clinic fil-Kliniċi fil-Komunita’ diġà rċevew taħriġ f’dan il-qasam fil-livell ta’ kura primarja bħala parti mit-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom. Madanakollu, dan t-taħriġ qed jiġi msaħħah u estiż permezz ta’ korsijiet organizzati mis-Sexually Transmitted Infections Foundation, kif ukoll bi taħriġ fil-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei. Il-miżuri eżistenti tal-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei li bħalissa jassiguraw il-privatezza u l-kunfidenzjalita’ meħtieġa ghal dawn il-klijenti, ser jkunu preżenti ukoll fis-servizzi li se jingħataw mid-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja,

COVID-19 — Għawdex – persuni li ħadu t-tilqima

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti figuri ta' kemm ħadu t-tilqima persuni f'Għawdex s'issa u liema doża ngħataw? Jista' jikkonferma li l-vaċċin tal-Pfizer/Biontech qed jintuża regolarment f'Għawdex sabiex jitlaqqmu min għandu aktar minn sebgħin sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-21 ta’ Marzu ġewwa l-gżira Għawdxija ngħataw 10,673 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19 li minnhom 2,963 ingħataw it-tieni doża. Il-vaċċin tal-Pfizer/Biontech kif ukoll il-Moderna qed jintużaw regolarment f'Għawdex, sabiex jitlaqqmu persuni li għandhom aktar minn sebgħin sena.

COVID-19 – Malta — Persuni li ħadu t-tilqima

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti figuri ta' kemm persuni f'Malta ħadu t-tilqima s'issa u liema doża ngħataw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-21 ta’ Marzu ngħataw 145,934 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19 li minnhom 44,483 ingħataw it-tieni doża.