Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eżamijiet li jwasslu għall-edukazzjoni sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' studenti li din is-sena qagħdu għall-eżamijiet li ser iwasslu għall-edukazzjoni sekondarja, f'kull wieħed mill-rħula tas-7, 11 u 12-il distrett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Skola primarja

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jkun in-numru ta' tfal li jattendu l-iskola primarja tal-Gvern f'San Pawl il-Baħar, matul is-sena skolastika li jmiss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ tfal li ser jattendu l-iskola primarja tal-Gvern f’San Pawl il-Baħar, matul is-sena skolastika li jmiss se jkun ta’ 723 (sebgħa mija u tlieta w għoxrin).

San Pawl il-Baħar — skola primarja - Tfal li attendew il-kindergarten

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' tfal subien u bniet rispettivament li matul is-sena skolastika li għaddiet, attendew fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar fil-livell ta' kindergarten?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ tfal subien u bniet li matul is-sena skolastika li għaddiet, attendew fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar fil-livell ta’ kindergarten hija kif jidher hawn taħt: K1 50 subien 55 bniet Total 105 K2 68 subien 64 bniet Total 132

Servizz tal-home help

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk biex tingħata s-servizz tal-home help iridx ikollok iktar minn 60, 61 u 62 sena jew le? Tista' tgħid jekk dan is-servizz huwiex maħsub għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, anke jekk ikollhom inqas minn din l-età stabbilità? Tista' tgħid x'jistgħu jagħmlu persuni li jkollhom diversi kundizzjonijiet li jimpedixxuhom milli jagħmlu diversi attività fiżika u għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu x-xogħol personali tagħhom imma jkunu għadhom ma għalqux din l-età, jekk dan is-servizz jistgħux japplikaw għalih u jekk jeżistix xi servizz ieħor simili li jistgħu japplikaw għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skola Primarja Santa Tereża — spejjeż tat-trasport għal ħarġiet kulturali

Question

Fid-dawl tal-ilmenti li rċevejt mingħand ġenituri dwar żidiet fl-ispejjeż tat-trasport li jiġi ċċarġjat l-istudenti meta l-Iskola Primarja Santa Terenża joħorġu lit-tfal f'xi ħarġiet kulturali, tista' l-Ministru tgħid jekk dawn ikunux awtorizzati mid-dipartiment jew fuq inizjattiva tal-iskola innifisha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skola waħda biss minn erba’ skejjel primarji tal-Kulleġġ Santa Tereża għolliet il-ħlas tat-trasport meta joħorġu l-istudenti b’10 (għaxar) ċenteżmi tal-euro għax is-service provider għolla l-ħlas tiegħu. Din l-iskola hija l-Primarja ta’ Birkirkara. Il-prezz jinħadem mill-iskejjel.

Persuni refuġjati — nies bi protezzjoni umanitarja temporanja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hawn sal-aħħar t’April 2011, persuni refuġjati, nies bi protezzjoni umanitarja temporanja u nies li qed ifittxu ażil, li qed jaħdmu f’pajjizna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni refuġjati, nies bi protezzjoni umanitarja temporanja u nies li qed ifittxu ażil li kienu qed jaħdmu f’pajjiżna fl-aħħar t’April 2011 kien ta’ 795.

Bormla — proġett propost

Question

Tista' l-Ministru tgħid mill-proposti ta' bini ta' aktar appartamenti f'Bormla, fil-parti li tiġi bejn Triq Alessandra, Triq Santa Liena, Triq il-Pellegrinaġġ u Triq it-Torri tgħid: a) l-ewwelnett fiex se jkunu jikkonsistu dawn il-binjiet bħala appartamenti, garaxxijiet, ħwienet eċċ.; b) kemm se jkun l-għoli tagħhom meta mqabbel mal-karatteristika tal-lokal u xi stil se jkollhom li jaqbel mal-karatterisitka tal-lokal? Kemm hu n-numru ta' units għall-abitazzjoni; ċ) jekk sarx survey arkeoloġiku u ġeoloġiku serju u dettaljat fiż-żona billi f'din iż-żona hemm fdalijiet u binjiet storiċi uniċi għal Malta bħal Knisja mħaffra fil-blat, palazz tal-Gran Mastru u xi torrijiet medjevali; d) jekk hijiex se tinbidel il-pjanta tat-toroq kif ġara fil-proġett ta' appartamenti f'Santa Liena u nbidlet ix-xejra ta' Triq l-Ajkla; e) jekk sarx studju serju u akkademiku dwar l-impatt soċjali ta' aktar bini ta' appartamenti fuq is-soċjetà Bormliża u l-ambjent urban; f) jekk sarx studju serju u akkademiku dwar l-impatt fuq it-traffic management u l-parking spaces available li jistgħu jirriżultaw minn proġetti bħal dawn f'dik iż-żona li diġà hi popolata ħafna u għandha problema ta' traffiku u parkeġġ; g) jekk sarx studju u ppjanar serju u akkademiku dwar l-impattt li jista' jkun hemm fuq l-inħawi jekk kemm-il darba se jsiru xi proġetti ta' pedestrianisation fil-qrib u fiż-żona tal-Knisja Parrokjali; h) jekk il-bini fejn twieled l-ex Prim Ministru ta' Malta Dom Mintoff kienx se jitwaqqa'; i) jekk il-pavimentar taż-żonqor u ż-żonqor tal-bankini kienx se jsirlu ħsara jew modifikazzjoni fit-twettiq tal-proġetti proposti; j) jekk l-użu ta' makkinarju bħal hydraulic jack-hammers u skavar hux se jkun ta' ħsara għall-għerien u passaġġi taħt l-art li hemm f'dan is-sit; k) jekk hux se jitħalla spazju ta' rikreazzjoni u żriegħ ta' siġar/pjanti biex isebbħu; u l) jekk saritx konsultazzjoni fuq dan il-proġett mal-Kunsill Lokali ta' Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-permess għat-tielet fażi tal-proġett ta’ Tiġdid Urban fejn il-Bieb ta’ Santa Liena ġewwa Bormla ilu li ħareg mill-2003. Għall-benefiċċju tal-Onorevoli Interpellant, it-tweġibiet għall-punti mressqa fil-mistoqsija tiegħu huma s-segwenti: a) Il-permess numru PA 01520/00 approva l-iżvilupp ta’ 56 unit residenzjali u 120 garaxx. b) L-għoli u d-disinn tal-binja ġew approvati skont il-policies tal-MEPA viġenti dak iż-żmien, li jitolbu li jiġi rrispettat il-kuntest tal-madwar. c) L-Awtorità tad-Djar ma hiex f’pożizzjoni tikkonferma jekk il-MEPA jew xi Dipartimenti ieħor wettaqx xi surveys arkeoloġiċi jew ta’ xi tip ieħor. d) Ma saret l-ebda applikazzjoni min-naħa tal-Awtorità tad-Djar sabiex tinbidel il-linja tal-iżvilupp. e) Minn meta beda l-programm ta’ Slum Clearance u War Damage sa llum, dawn l-impatti qatt ma kienu saru. L-Awtorità tad-Djar tħoss li għandha tibda tistudja dawn l-impatti fost ħafna affarijiet oħra, sabiex taġġorna l-policies tagħha dwar l-iżvilupp. f) Il-proġett approvat mill-MEPA ma kienx jirrekjedi Traffic Impact Assessment. g) It-twaqqif ta’ żoni pedonali mhux kompitu tal-Awtorità tad-Djar. h) Il-bini fejn jingħad li twieled l-ex Prim Ministru Duminku Mintoff ma jifformax parti mill-proġett ta’ Tiġdid Urban. i) L-Awtorità tad-Djar m’għandhiex interess li tagħmel ħsara fil-bankini viċin il-fondi assenjati lilha. j) Għadu ma ġiex stabilit x’makkinarju sejjer jintuża biex jitwettaq ix-xogħol approvat. k) Nirreferi l-Onovervoli Interpellant għat-tweġiba għall-punt (d). l) Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla huwa wieħed mill-entitatijiet li magħhom il-MEPA ikkonsultat matul il-proċess li wassal għall-approvazzjoni tal-permess.

Awtorità tad-Djar — proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex proġetti ta' riġenerazzjoni f'dan il-qasam? X'tip ta' proġetti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Proġetti ta’ riġenerazzjoni ma jolqtux biss il-qasam tad-djar. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar ma tistax toħloq proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana waħedha.

Proġett ta' slum clearance

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm proġetti ta' slum clearance? Fejn huma l-lokalitajiet ta' dawn il-proġetti? X'jikkonsistu dawn il-proġetti? Kull proġett f'liema sena kien identifikat li se jsir? F'liema sena saret l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal kull proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema — Settur tas-Saħħa u Xogħol Soċjali f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-Saħħa u Xogħol Soċjali f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Ottubru 2010? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel pre-primarji, primarji, sekondarji u post-sekondarji — studenti barranin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti barranin illum fi skejjel pre-primarji, primarji, sekondarji u post-sekondarji f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti din l-informazzjoni maqsuma: a) skont skejjel statali, skejjel tal-knisja u skejjel indipendenti; u b) skont in-nazzjonalità tal-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Primarji tal-Gvern — talbiet speċifiċi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk matul din is-sena skolastika kienx hemm xi talbiet speċifiċi, biex ġenituri jieħdu lil uliedhom fi skola primarja oħra tal-Gvern minflok l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Jekk kien hemm tali talbiet, kemm kien hemm? Tista' tagħti indikazzjoni dwar x'seta' wassal għal dawn it-talbiet, u kemm kien hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li kien hemm 20 talba u r-raġuni kienet bdil tal-indirizz.

Xogħlijiet fuq fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli jsiru x-xogħlijiet tas-soqfa, apramorta u x-shaft fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi mhux maħsub li jsiru xogħlijiet fil-fond imsemmi. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma għandhiex talba jew applikazzjoni taħt xi skema sabiex isiru xogħlijiet jew manutenzjoni f’dan il-fond.

Raħal Ġdid — xogħlijiet fuq fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet fuq il-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tiswijiet fis-soqfa tal-fond imsemmi huma inklużi f’kuntratt ta’ xogħlijiet li beda fl-1 ta’ Ġunju, 2011 u li għandu jiġi konkluż fis-6 ta’ Lulju, 2011.

Ħidma bejn il-gvern u kunsilli lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema mod qed jaħdem il-gvern mal-kunsilli lokali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Preżentament l-Awtorità tad-Djar qiegħda taħdem mal-kunsilli lokali fuq żewġ skemi ta’ manutenzjoni u upgrading kif diġà ġie spjegat lill-Interpellant f’tweġibiet ta’ Mistoqsijiet Parlamentari minn Numru 24280 sa 24288.

Awtorità tad-Djar — pjanijiet tal-gvern - akwist ta' appartamenti mis-settur privat

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanijiet tal-gvern kif l-Awtorità tad-Djar se takkwista appartamenti mis-settur privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament l-Awtorità tad-Djar għada għaddejja bi pjan ta’ studju fuq din l-inizjattiva. Aktar dettalji jingħataw fil-futur.

Awtorità tad-Djar — kuntratti u konvenji

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm-il kuntratt sar fejn l-Awtorità tad-Djar xtrat u bdiet tikri mis/mas-settur privat? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull kuntratt/konvenju li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tad-Djar u s-settur privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mis-sena 2008 sal-lum ma sar l-ebda kuntratt fejn l-Awtorità tad-Djar xtrat u bdiet tikri mis-settur privat.

Proġett ta' Riġenerazzjoni ta' Bormla

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsab il-proġett tar-riġenerazzjoni ta' Bormla? Fiex jikkonsisti dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett ERDF104 – Stronger Cottonera Communities, min-naħa tal-Awtorità tad-Djar, jinvolvi xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fil-partijiet komuni ta’ Kwartieri San Nikola u l-Kumpless ta’ Verdala f’Bormla. Il-partijiet komuni jinkludu kuriduri, turġien, il-faċċata, l-bejt, id-dawra tal-blokk u partijiet oħra fejn huma għall-użu komuni tar-residenti kollha. Il-proġett se jinvolvi wkoll miżuri li jiffrankaw l-enerġija. Ix-xogħlijiet huma maħsuba li jibdew fix-xhur li ġejjin. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali.

Valletta — applikazzjoni għal-lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament li huma żewġ anzjani u jgħixu f'binja l-Belt Valletta b'ħafna inkwilini li huma ukoll anzjani, li aktar minn għaxar snin ilu applikaw flimkien ma' residenti oħra tal-istess blokk biex il-Gvern jagħmlilhom lift, imma l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx approvata meta dan il-liftjista' jsir faċilment? Hemm il-ħsieb li ssir ġustizzja magħhom u jiġi stallat dan il-lift ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni biex jiġi stallat lift fil-blokk imsemmi kienet ġiet ikkunsidrata xi snin ilu u nstab li ma kienx possibli li jiġi stallat lift. Ir-residenti kollha tal-blokk ingħataw ir-raġuni għaliex l-awtorità ma setgħatx tkompli tipproċessa l-applikazzjoni tagħhom.

Ħaddiema — Settur tas-servizzi diretti ta' intermedjazzjoni finanzjarja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta’ intermedjazzjoni finanzjarja f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Ottubru 2010? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.