Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li r-Red Cross se tagħlaq is-sezzjoni tagħha f'Għawdex ? Jista' jgħid jekk il-gvern intervjenix f'din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid jekk itteħdux passi biex jekk ir-Red Cross ma tibqax f’Għawdex, tinstab alternattiva għat-tliet ambulanzi li din l-organizzazzjoni għandha bħalissa f’Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 20282.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — ħaddiema li jagħmlu s-sahra
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix differenza fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Malta u f’Għawdex b’mod li l-ħaddiema Għawdxin ma jagħmlux sahra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kemm f'Malta u kif ukoll f'Għawdex qed jaħdmu taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol.
Infurmat ukoll li peress li l-ammont ta' ħaddiema li qed jaħdmu fis-sezzjoni ta’ Għawdex jeċċedi sew l-ammont minimu stabbilit mill-istess dipartiment għal stazzjon tipiku, qed ikun hemm numru sostanzjali ta’ ħaddiema preżenti f’din is-sezzjoni f’ħinijiet li x-xogħol ikun naqas. Għaldaqstant, id-dipartiment mhux qed iħaddem impjegati b’sahra waqt dawn il-ħinijiet sakemm in-numru ta’ ħaddiema ma jkunx inqas min-numru stabbilit.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20770 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B'rispett għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti fir-rapport Implementing recommendations of the 9/11 Commission Act of 2007 (http://
intelligence.senate.gov/laws/pl 11053.pdf), fejn kien deċiż li jinbdew negozjati mal-Istati Uniti individwalment jew mal-Unjoni Ewropea fuq memorandums of understanding (MoUs) mal-Istati Uniti; in vista tat-transfer tal-informazzjoni fuq passiġġieri (PNR) lill-Istati Uniti, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jiċċara jekk:
a) jistax jippubblika l-memorandums of understadings li għamel il-Gvern Malti mal-Istati Uniti;
b) jistax jgħid jekk dan l-memorandum jinkludix trasferimenti ta' PNR data; u
ċ) hemm kategoriji ta' data mid-databases tal-Unjoni Ewropea (bħall-Prüm) li Malta tgħaddi lill-Istati Uniti skont dan l-memorandum of understanding?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Memorandum of Understanding jinkludi referenza żgħira għall-PNR u jgħid li l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jiġbru, janaliżżaw, jużaw u jibdlu l-PNR bejniethom skont obbligi li għandhom fil-liġi nazzjonali u internazzjonali. Fl-istess Memorandum ma hemmx kategoriji ta’ data mid-databases tal-Unjoni Ewropea li Malta tgħaddi lill-iStati Uniti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-għasfar li jinqabdu mill-Pulizija ta' Administrative Law Enforcement meta jagħmlu raids fuq in-nassaba?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi meta l-Pulizija taqbad xi persuna li tkun qed tonsob u li jkollha fil-pussess tagħha għasafar protetti bil-liġi, dawn l-għasafar jiġu sekwestrati, tingħata rċevuta u jittieħdu proċeduri kontra dik il-persuna skont il-liġi. Infurmat ukoll illi dawk l-għasafar li jkunu sekwestrati, jiġu eżaminati minn uffiċjal tal-MEPA sabiex ikun ikkonfermat li dawk huma speċi protetti u wara jiġu meħlusa ġo riserva naturali.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar għaxar snin li għaddew kemm kellna rapporti ta' każi ta’ abbuż sesswali fuq minuri? Kemm minn dawn il-vittmi kellhom taħt it-18 u s-16-il sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar għaxar snin il-Pulizija kellha 341 rapport ta' każijiet ta' abbuż sesswali fuq minuri li l-età tagħhom tvarja bejn sena u 17-il sena.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — kuntratti tal-kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody?, WE Events u WE Marketing & PR Services? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4522.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jagħmlu taħriġ biex isiru pulizija? Minn liema lokalitajiet huma dawk li qed jagħmlu dan it-taħriġ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 85 rekluta minn diversi lokalitajiet, li qed isegwu kors ta' taħriġ għall-kuntistabbli fl-Akkademja tal-Pulizija.
Liġijiet ta' Malta — regolamenti taħt l-Artiklu 242(2)
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħareġ regolamenti taħt l-Artiklu 242(2) tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament, mill-1 ta' Jannar 2006 sal-lum? F'kull każ, jista' jirreferi x'kien ir-regolament u għal liema sentenza mgħoddija in ġudikat l-istess regolamenti jirreferi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2006, ma nħareġ ebda regolament ai termini tal-Artikolu 242 (2) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12).
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-postijiet li qed jintużaw għad-detenzjoni ta' immigranti irregolari fil-preżent? Jista' jgħid ukoll kemm hemm immigranti detenuti fil-postijiet ta' detenzjoni rispettivi? Jista' jgħid kemm hemm immigranti fil-kampijiet miftuħa rispettivi? Jista' jgħid kemm kien hemm immigranti li ngħataw l-istatus ta' refugjat matul is-sena 2009 u kemm kien hemm immigranti li ngħataw l-istatus ta' refugjat fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement ic-Ċentru ġewwa Ħal Safi huwa l-uniku wieħed li qiegħed jintuża għal skopijiet ta’ detenzjoni ta’ immigranti irregolari. Sat-3 ta’ Novembru 2010 dan iċ-ċentru kien qiegħed jakkomoda 78 persuna.
Infurmat ukoll illi sal-5 ta’ Novembru 2010 kien hemm madwar 1,978 persuna jgħixu fiċ-ċentri miftuħa.
Matul l-2009, 20 persuna ngħataw l-status ta’ refuġjat filwaqt li l-istess status ingħata lil 20 persuna oħra matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena .
Jista' l-Ministru jara li nhar il-Ħadd, 31 t'Ottubru 201 filgħaxija, f'Halloween Night jara li fis-Swieqi jintbagħtu biżżejjed pulizija biex jissorveljaw il-lokalità, peress li f'dawn l-aħħar snin, għadd ta' żgħażagħ ivvandalizzaw ir-residenti u l-karozzi tar-residenti fis-Swieqi f'Halloween Night meta ma kienx hemm biżżejjed pulizija jgħassu fil-lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, anke din is-sena, ħadet passi meħtieġa sabiex tassigura li ma jkunx hemm imġieba mhux mixtieqa minn żgħażagħ matul il-ġranet ta' Halloween fis-Swieqi. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ma kellha ebda rapporti ta' xi inċidenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija kellhiex xi rapport li l-vettura, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab fi Triq il-Pijunieri San Pawl il-Baħar, kienet imdaħħla f'xi forma ta' inċident tat-traffiku u din tħalliet fil-post imkissra? X'passi normalment jittieħdu minn l-istess pulizija f'ċirkostanza bħal dawn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport li l-vettura msemmija kienet involuta f’xi inċident. Infurmat ukoll illi l-Pulizija kienet osservat din il-vettura bi ħsarat fuq bankina u peress li din kienet tidher li kienet vettura abbandunata, il-Pulizija pproċediet sabiex issegwi l-proċedura stabbilita fir-Regolamenti tat-Traffiku dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta’ Oġġetti ta’ Ingombru. Għaldaqstant din l-istess vettura issa ġiet imneħħija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi li tneħħew mit-toroq ta' San Pawl il-Baħar (lokalità sħiħa) matul l-aħħar tnax-il xahar sa Settembru 2010? X'tip ta' ċirkostanzi jippermettu lill-pulizija li jkunu jistgħu jneħħu dawn il-vetturi mit-toroq, billi b'mod ripetut ikun hemm persuni li ma jafux x'inhi l-proċedura u jsibuha faċli ħafna biex iwaħħlu fil-kunsill lokali talli tali vetturi ma jkunux tneħħew?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tnax-il xahar il-Pulizija neħħiet 22 vettura minn diversi toroq f’San Pawl il-Baħar. Kif diġà spjegajt fil-mistoqsija preċedenti t-tneħħija ta’ vetturi abbandunati huwa regolat bir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta’ Oġġetti ta’ Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku u ċioe l-Avviż Legali numru 94 ta’ l-1997 kif sussegwement emendat. Skont ir-regolament 8 A ta’ dawn l-istess regolamenti, kemm il-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll il-kunsill lokali għandhom l-istess poteri għat-tneħħija ta’ vettura abbandunata.
Billi f'sezzjoni tal-media kien irrapurtat li nstabet persuna mejta f'għadira demm, fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar (Qawra) iżda mbgħad ma nstema' xejn aktar dwar dan il-każ, jista' l-Ministru jikkonferma jew le li fil-fatt f'dawn il-jiem instabet persuna mejta fil-kundizzjoni indikata fir-rapport? Jekk iva, x'investigazzjonijiet saru? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ir-rapport in kwistjoni kienx investigat jew le?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-każ ta' persuna li nstabet mejta fl-appartament tagħha fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd 31 ta' Ottubru 2010, qed ikun investigat skont il-liġi kif ukoll għadejja nkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa.
Korp tal-Pulizija — kwestjoni dwar rata ta' ħlas ta' overtime
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta l-membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu extra duties iħallsu income tax bir-rata ta’ 35% u mhux ta’ 15%, waqt li ma jitħallsux tal-extra duties bir-rata ta’ l-overtime? Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan u hemm ħsieb li s-sitwazzjoni tinbidel fil-ġejjieni qrib?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jaħdem extra duty on payment, iħallas it-taxxa dovuta skont id-dħul tiegħu u kif stabbilit mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ordni ta' tkeċċija li nħarġet darbtejn kontra l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li kellhom jiġu esegwiti waħda fil-15 ta' Ġunju 2010 u l-oħra fl-15 ta' Ottubru 2010 ma ġewx esegwiti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — inkjesta dwar mewt ta' kelba mħarġa
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux qed issir inkjesta dwar mewt ta’ kelba imħarġa fis-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Lulju li għadda? Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet din l-inkjesta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li meta ġie kkonfermat il-mewt ta’ kelba mħarrġa fis-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġie mressaq rapport lill-Pulizija biex tibda investigazzjoni. Infurmat ukoll li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — klieb tas-sezzjoni miżmuma għand il-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-klieb tas-sezzjoni tal-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jinżammu għand il-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li, fid-dawl tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar mewt ta’ kelba mħarrġa mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li seħħ f’Lulju tal-2010, ittieħdu numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, waqt li qed issir evalwazzjoni ta’ kif hu l-aħjar li titmexxa it-Taqsima tal-Klieb. Fil-frattemp, il-klieb qed jinżammu temporanjament għand il-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet interni fil-Korp tal-Pulizija wara rapporti fil-media li xi ħadd mill-Pulizija informa lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li kien se jsir raid fuq il-każin Nazzjonalista tal-Mosta? Jekk iva, x’riżultat taw? Jekk le, iħossx il-Ministru li għandhom isiru dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20203.
Għawdex — Kunsill Lokali ta' San Lawrenz - investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija fl-alleggat każ ta' frodi minn fondi pubbliċi li jinvolvi l-allegat abbuż mis-sistema tal-istallazzjoni tal-photovoltiac systems mill-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz Għawdex, aktar u aktar meta fiż-żmien li nħarġet l-iskema ta' wara, ingħatajna x'nifhmu li dawn l-investigazzjonijiet kienu fi stat avvanzat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha mhix konkluża.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħdu l-ebda passi fil-każ li qed jiġi indikat separatament? Japprezza l-Ministru li f’dak il-każ il-kwerelanti qed isofru preġudizzji gravi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun identifikata l-persuna jew persuni li allegatament qed jokkupaw il-post imsemmi mingħajr titolu.