Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #11922 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Fgura – Triq Wied Blandun – tisbiħ taż-żona

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu mill-Ministeru tiegħu tul is-sena li ġejja sabiex ikun hemm tisbiħ u rijabilitazzjoni taż-żona mhux mibnija li hemm il-Fgura bejn Triq Wied Blandun sa fuq nett ta’ Triq il-Foss kif kien ġie indikat f’diskorsi preċedenti tal-baġit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin studji fuq Ġnien Valperga fil-Fgura. Qed nitkellmu fuq medda ta’ art li taqbeż is-17,000 metru kwadru fejn l-għan prinċipali hu li ntejbu u nsebbħu l-ambjent. Dan ikun kompost minn titjib fil-landscaping, dwal li mhux biss idawwlu l-akwata iżda huma addattati għal dan it-tip ta’ sit. Fl-istess proġett qed nesploraw faċilitajiet kemm ġodda kif ukoll eżistenti bħal: · titjib fil-parkeġġ li hemm fl-akwata, · noħolqu 5-a-side pitch, · tinħoloq xi forma ta’ trakka naturali fejn wieħed jista’ jagħmel eżerċizzju, · area għat-tfal, · dog park, u · faċilita’ kkontrollata għall-iscouts fost ideat oħra. Bħalissa ninsabu fi stadu ta’ diskussjonijiet mal-entitajiet lokali kkonċernati.
Leg 13 PQ #12082 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — films

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10504 jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films oħra inġabu matul is-sena 2019 u kemm huwa ppjanat li jinġibdu produzzjonijiet/films ġewwa Għawdex matul il-kumplament tas-sena 2019 u għas-sena 2020 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum inġibdu żewġ films ġewwa Għawdex. L-ewwel film sar permezz ta’ koproduzzjoni bejn Malta u l-Kanada, u t-tieni wieħed għandu produzzjoni Ingliża. Huwa stmat li dawn iż-żewġ films ħallew kwazi 4 miljuni fl-ekonomija. Intant, il-Kummissjoni Maltija għall-Films għaddejja b’ħidma kontinwa biex tattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna, inkluż lejn Għawdex.
Leg 13 PQ #12095 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
Leg 13 PQ #12233 Sitting 283 2019-11-26 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — arrest ta' żgħażagħ

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12162, jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li dawn l-arresti saru fl-ITS?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistqosijiet parlamentari 12162 u 12163.
Leg 13 PQ #12207 Sitting 282 2019-11-25 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Birżebbuġa – bini ta’ carpark

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta se jibdew ix-xogħljiet ta’ bini ta’ carpark f’Birżebbuġa wara li ħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru 2019?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett. Bħalissa għaddejjin taħdidiet rigward il-Construction Management Plan. La darba dawn it-taħdidiet jiġu fi tmiemhom, ikun jista’ jinħareġ il-permess għall-iżvilupp sħiħ. Sadanittant, it-tender document bħalissa qed jiġi vvettjat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jibdew fl-2020.
Leg 13 PQ #11910 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ix-Xgħajra – manutenzjoni tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm manutenzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra billi hemm bankijiet mhux miżbugħa u ħadid li daħal is-sadid għalih u hemm biċċiet nieqsa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar xhur, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi (FTZD) għamlet diversi xogħlijiet fil-lokalita’ tax-Xgħajra fosthom tisbiħ fil-playground, żebgħa ta’ bankijiet, ġiet irranġata l-latrina pubblika, xogħol ta’ xkatlar, tkaħħil u żebgħa tad-dawra tal-playground, fost xogħlijiet oħra.
Leg 13 PQ #12000 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – użu minn binja oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għat-Turiżmu u/jew is-Segretarjat tiegħu bħala Ministru għat-Turiżmu hux qed jippjanaw jew ħadux id-deċiżjoni li jibdew jagħmlu użu minn xi bini ieħor minflok jew b'żieda ma' dak li jintuża bħalissa u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jgħid liema binjiet inkluż f'liema lokalità jinsabu, qiegħed jiġi kkunsidrat li jsir użu minnhom mill-Ministeru għat-Turiżmu u/jew mis-Segretarjat tiegħu bħala Ministru għat-Turiżmu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpelllant li l-Ministeru qiegħed jippjana biex jagħmel użu minn bini ieħor b’żieda ma’ dak li jintuża bħalissa. Il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti biex jikri proprjetà fil-Belt Valletta jew fil-Furjana, biex tospita l-Information Management Unit tal-Ministeru. Filwaqt li l-Ministeru qiegħed ukoll jippjana biex jagħmel użu minn propjetà tal-Gvern li tinsab ġewwa Triq ir-Repubblika u li tirrikjedi xogħlijiet estensivi.
Leg 13 PQ #12162 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — arrest ta' żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-arrest taż-żgħażagħ f’Ħal Luqa fl-1 ta’ Novembru 2019 kienx fil-fatt fil-Campus tal-ITS? Kemm kien in-numru eżatt taż-żgħażagħ arrestati? Jista’ jgħid jekk dawk arrestati kinux fil-fatt studenti tal-ITS? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-akkuża kinetx ta’ pussess jew traffikar ta’ droga? U x’passi qed jieħu l-ITS biex jipprevjenu t-traffikar u teħid tad-droga fl-istess ITS?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija.
Leg 13 PQ #11988 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — nefqa fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa medja fix-xahar għal promozzjoni fuq il-media soċjali Facebook mill-Ministeru u mill-entitajiet li jiffurmaw parti minnha, hija ta’ ftit aktar minn €6300. Dan imur kważi kollu għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li tagħmel marketing biex tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni għat-turisti.. Din il-promozzjoni tinkludi wkoll l-ITS li tippromwovi l-korsijiet/kurrikulu tagħha għal studenti ġodda u prospettivi; Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u l-Malta Film Commission li jippromwovu l-faċilitajiet tagħhom fuq skopijiet kummerċjali u l-Ministeru.
Leg 13 PQ #11734 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta? Jista' jgħid kemm kien l-ammont minfuq fuq kull credit card fl-2018 u fl-2019?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru jagħmel użu minn credit card maħruġa mill-Gvern ta’ Malta. L-ispejjeż marbuta ma’ din il-credit card kienu: Sena Ospitalita’ Spejjeż tal-ivjaġġar 2018 € 935.10 € 1,874.18 2019 € 898.00 € 1,914.68
Leg 13 PQ #11121 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għat-Turiżmu

Overseas productions iffilmjati f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-overseas productions iffilmjati f’Malta u Għawdex minn Ġunju 2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkolat li kien il-kontribut finanzjarju li ħallew dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-ekonomija lokali sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm inħolqu impjiegi riżultat ta’ dawn il-produzzjonijiet sena b’sena b’mod separat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2017 sal-lum inġibdu 31 produzzjoni barranija li ħallew kważi 50 miljun ewro fl-ekonomija Maltija. Dawn il-produzzjonijiet ħolqu 4883 impjieg, b’55% tagħhom ikun crew lokali.
Leg 13 PQ #11122 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Fund — Local productions li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-local productions li bbenefikaw mill-Malta Film Fund minn Ġunju 2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondi allokati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2017 sal-lum inġibdu 24 produzzjoni lokali li bbenefikaw mill-Malta Film Fund bit-total tal-fondi allokati jkun ta’ aktar minn miljun ewro.
Leg 13 PQ #11842 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Hop on/Hop Off — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew il-Ministeru, hux se jkunu qed jagħtu għajnuna lill-Hop on/Hop Off investments?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la l-MTA u lanqas il-Ministeru ma taw l-ebda tip ta’ għajnuna finanzjarja lil Hop on/Hop off Investments.
Leg 13 PQ #11628 Sitting 272 2019-10-30 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert Radio Italia — Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lil liema entitajiet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għaddiet il-ħlas ta’ madwar €500,000 biex ftit ġimgħat ilu seħħ il-kunċert ta’ Radio Italia fuq il-Fosos?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammonti li ingħataw biex sar il-kunċert Radio Italia fuq il-Fosos huma relatati ma’ pakkett sostanzjali ta’ reklamar madwar l-Italja.
Leg 13 PQ #11512 Sitting 270 2019-10-29 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – korrispondenza ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u/jew l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżatt għal-liema tip ta’ korrispondenza qed jirreferi.
Leg 13 PQ #11508 Sitting 268 2019-10-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Produzzjoni tal-film ‘Storbju’

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-ammonti kollha li diġà ġew imħallsa jew li huwa ppjanat li jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi għall-produzzjoni tal-film bl-isem ‘Storbju’?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-film "Storbju" ibbenefika mill-Malta Film Fund b’ammont ta’ €120,000, kif ukoll rebate li Malta toffri lill-produzzjonijiet li jsiru f’pajjiżna. Il-fondi mill-Malta Film Fund jingħataw wara proċess kompetittiv wara li jkunu ġew approvati mill-Board tal-Film Fund li jaħdem indipendentement mill-Malta Film Commission.
Leg 13 PQ #11608 Sitting 268 2019-10-28 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — servizz ta' kumpanija għal microtargeting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu użatx is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum? Jekk iva, meta u għalxiex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija le.
Leg 13 PQ #11517 Sitting 262 2019-10-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ditta Legali — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas mitlub mid-ditta legali Ingliża li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament sabiex ippatroċinat lilu jew kemm kien il-ħlas li sar mill-erarju pubbliku u meta sar jew kien mitlub biex din id-ditta legali f’Settembru 2019 wieġbet għan-nom tiegħu bħala Ministru?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11516.
Leg 13 PQ #11490 Sitting 260 2019-10-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – kumpanija — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji msemmija ma ingħataw l-ebda konsulenza u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-awtoritajiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru.
Leg 13 PQ #11387 Sitting 254 2019-10-15 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni lill-Ministeru għat-Turiżmu u lill-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru, huwa kif jidher hawn taħt: · Ġunju – Diċembru 2017: 5 talbiet · Jannar – Diċembru 2018: 23 talba · Jannar – Settembru 2019: 28 talba. Minn dawn kien hemm 13 milqugħa, 35 irrifjutati u 8 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati, u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu.