B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29692, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk li xtraw magna tal-isleep apnea mill-privat għax l-isptar ma kellux disponibbli, humiex ser ikunu qed jikkwalifikaw għal xi forma ta’ rifużjoni ta’ din in-nefqa mis-servizz tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26428.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-Customer Care tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll kemm normalment persuna iddum tistenna fuq il-linja sakemm tkun imwieġba?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-Customer Care tal-Isptar Mater Dei hemm żewġ shifts ta’ ħames persuni f’kull shift. Il-Customer Care hu miftuħ 12-il siegħa kuljum mit-07:45 sas-19:45, sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż fil-festi pubbliċi.
Infurmat, li l-membri tal-Customer Care jaraw medja ta’ 60 każ kuljum ta’ walk-ins u jirċievu medja ta’ 340 email kuljum.
Għar-rigward tal-ħin li normalment persuna iddum tistenna fuq il-linja sakemm tkun imwieġba jiddependi min-numru ta’ telefonati li jkunu qed isiru dak il-ħin u l-ħin biex każijiet mressqa jkunu jistgħu jiġu solvuti. It-telefonati jiġu mwieġba mill-Call Centre.
Jista’ l-Ministru jippubblika l-ftehim milħuq u ffirmat bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-World Health Organisation (WHO) rigward pandemiji futuri?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li ma ġiex iffirmat ebda ftehim bilaterali bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar Pandemiji futuri. Malta, bħala Stat Membru tal-WHO, ħadet sehem f'diskussjonijiet li wasslu għal ftehim multilaterali dwar il-prevenzjoni, tħejjija u rispons għal pandemiji. Dan il-ftehim ġie adottat mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fil-20 ta’ Mejju 2025.
Fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa ta’ Mejju 2026, il-Ftehim dwar il-Pandemiji ikun jista’ jinfetaħ għall-firma u r-ratifika minn Stati Membri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu sulari miċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, infetħu l-ground floor u l-ewwel sular taċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid u bdew jingħataw is-servizzi ta’ MRI; Klinika Outpatient tal-ostetriċja u ġinekoloġija; Klinika tal-Ispeech & Language Pathology; kif ukoll Outpatient Clinic tal-immunoloġija li bħala klinika hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta. Ninforma lill-Onor Interpellant li fiż-żmien qarib se jkomplu jinfetħu aktar sulari fiċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran u jkunu qed jiġu offruti aktar servizzi. Id-dettalji ikunu jistgħu jitħabbru fil-mument propizju biex eventwalment, kif għidt diversi drabi oħra, iċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran ikun qed jiffunzjona kollu sal-aħħar kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi mkejla l-ammont ta’ decibels li joħorġu minn postijiet ta’ divertiment li jdumu sa ħinijiet bikrin ta’ filgħodu, biex jiġi assigurat li dan il-livell ma jkunx għoli għad-detriment tas-saħħa tar-residenti fil-qrib?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija li qed jistennew li jiġu assenjati s-servizz ta’ home help? Jista’ wkoll jagħti l-perjodi ta’ kemm kull wieħed ilu jistenna għal dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm 182 anzjani fuq il-lista ta' stennija li qed jistennew li jiġu assenjati s-servizz ta' Home Help. L-istennija tvarja u jkun hemm bosta raġunijiet għal dan, fosthom anzjan/a/i tkun j/tixtieq ġranet jew ħinijiet partikolari għas-servizz; persuna tkun toqgħod f'limiti ta' villaġġ u jkollhom bżonn helper bil-karozza; il-klijenti speċifikament jitolbu helper raġel jew mara. Dawn iċ-ċirkostanzi kollha jinfluwenzaw il-perjodu taż-żmien ta' stennija.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva huma impjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14940 u 21271, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar Bord tal-Etika fl-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm aktar żviluppi dawn jitħabbru.
Il-Mellieħa — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tal-Mellieħa (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tan-Naxxar (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28754, jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma rregolarizzati l-każini f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ikel u xorb?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-mument, hu d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li jirregolarizza l-każini f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel u x-xorb.
Rheumatic and Musculoskeletal Diseases – Klassifikazzjoni uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġu klassifikati uffiċjalment il-kundizzjonijiet magħrufa bħala “Rheumatic and Musculoskeletal Diseases” (RMDs) fis-sistema tas-saħħa pubblika ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll:
i. X’kundizzjonijiet jiġu rikonoxxuti taħt din il-kategorijal;
ii. Hemmx distinzjoni bejn dawk li jolqtu lit-tfal, bħal juvenile arthritis, u dawk tal-adulti bħal rheumatoid arthritis?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li skont is-Schedule V Entitlement dawn huma ir-rheumatic u musculoskeletal disorders; Crystal Deposition Diseases, Systemic Lupus Erythematosus, Paget’s disease of bone, Rheumatoid Arthritis, Dermatomyositis/Polymyositis, Myalgic Encephalomyelitis, Polyarteritis Nodosa, Spondyloarthritis, Fibromyalgia, Osteoporosis, Polymyalgia Rheumatica; u Systemic Sclerosis.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni f’Malta li huma attwalment dijanjostikati bil-kundizzjoni tar-Rheumatoid Arthritis? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess, l-età u r-reġjun?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din l-informazzjoni qegħda tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta’ klassifikazzjoni klinika tal-kundizzjoni tar-Rheumatoid Arthritis biex tiddistingwi bejn każijiet ħfief, moderati u severi? Jekk iva, din il-klassifikazzjoni tintuża fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar liema kura jew mediċini li nsibuhom fil-formularju pubbliku jkunu jistgħu jingħataw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-severità tar-Rheumatoid Arthritis jiddependu fuq taħlita ta’ valutazzjonijiet kliniċi, radjoloġiċi u bijokimiċi. Il-pazjenti jiġu kkurati skont il-livell ta’ severità, ir-rispons u l-effetti avversi tal-medicini u skont il-linji gwida internazzjonali. Hemm diversi trattamenti disponibbli fuq il-formularju biex jaqdu l-bżonnijiet tal-pazjenti.