Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex l-allokazzjoni li kien wiegħed fl-2018, dik ta’ €30 miljun sal-2032, għall-Mental Health Services s’issa laħqet biss it-€18.5 miljun u kemm ser jiġi investit fis-sena d-dieħla biex ilaħħaq ma’ din il-wegħda?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jippreċiza għal liema allokazzjoni sal-2032 qed jirreferi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx nuqqas ta’ madwar 25% fl-istaff tal-Isptar Mount Carmel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru tal-istaff allokat lis-servizzi tas- Saħħa Mentali kompla jiżdied kull sena, kemm dawk li huma impjegati mal-Gvern kif ukoll dawk li huma ingaġġati mal-Kuntrattur privat.
Sptar Mount Carmel – Viżti minn awdituri biex jassessjaw il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta ssir viżta minn awdituri fl-Isptar Mount Carmel biex jassessjaw il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema jkun hemm preżenti l-mexxejja tal-isptar u dan iwassal biex il-ħaddiema ma jkunux jistgħu jesprimu sew dak li jħossu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt żjarat mill-awdituri huwa meħtieġ li jkun hemm preżenti xi ħadt mill-management. Jekk xi ħadd mill-istaff jkun jixtieq jitkellem ma l-awdituri fil-privat, għandu kull possibbiltà li jagħmel dan mingħajr preżenza tal-management.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5474 u 1367, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mediċini indikati daħlux fil-formolarju jew meta se jidħlu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess sabiex mediċini tal-istess klassi bħal dawk imsemmija minnha jidħlu fuq il-formolarju tal-Gvern għadu għaddej.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5475, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija u jgħid kemm-il darba ġie aġġornat il-formolarju mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-formolarju isir tibdil regolari u jiġi aġġornat darba fix-xahar .
Sptar Mount Carmel – sistemi ta’ cameras tas-sigurtà
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-sistemi ta’ cameras tas-sigurtà fl-Isptar Mount Carmel jiġux aċċessati biss wara li jsir inċident jew jiġux iċċekkjati regolarment f’ħinijiet ‘live’?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Mount Carmel is-sistema tal-cameras tas-sigurtà tiġi ċċekkjata f’każ li jiġi mitlub footage għal kwalunkwe raġuni meħtieġa.
Sptar Mount Carmel – sistemi ta’ cameras tas-sigurtà – investiment
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex mhux qed isir investiment fuq il-cameras tas-sigurtà fl-Isptar Mount Carmel biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-ħaddiema u pazjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti mill-proċess ta’ refurbishment li qed isir fl-isptar Mount Carmel, cameras tas-sigurtà qed jiġu installati f’kull sala ġdida.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux il-ħaddiema tas-sigurtà jew in-nurses għandhom iċ-ċwievet tal-iswali u jista’ jgħid ukoll fejn jitħallew ladarba l-ħaddiem jispiċċa mix-xogħol?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Intepellant illi ċ-ċwievet tas-swali jinżammu għand il-ħaddiema rispettivi li jaħdmu ġewwa s-swali. Dawn il-ħaddiema huma: Nursing Administration, Maintenance Administration u Pharmacy Administration.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir biex ċwievet ‘master keys’ li ntilfu fis-snin li għaddew jiġu rikoverati, jew jekk sarx xi tibdil fis-sigurtà biex ma jkunx hemm xi inċidenti/abbużi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta jiġi rrappurtat li ntilfet ċavetta hekk msejħa master key, il-persuna rispettiva tintalab sabiex tmur tagħmel rapport l-għassa tal-pulizija. Bħala infurzar fis-sigurtà ġewwa s-swali li qed jiġu rinovati ħa tiġi introdotta s-sistema ta' Access cards.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li l-Isptar Mount Carmel ikollu sistema ġdida ta’ sigurtà fir-rigward tal-entratura fis-swali u tiġi modernizzata b’cards li bihom kulħadd ikollu aċċess skont il-bżonn ta’ xogħlu jew bħala pazjent?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5301.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan ta’ riġenerazzjoni hemm fir-rigward tal-kwalità u s-sigurtà tal-ispazji miftuħa fl-Isptar Mount Carmel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala sigurtà qed ikollna Security Guards jagħmlu rondi u sorveljanaza regolari u qed isir ukoll rinovazzjoni ta’ ġnien Terapewtiku u tal-ġnien tal-YPU li ser ikunu mgħammrin b’sigurtà ta’ kwalità għolja.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex care workers nisa qed jitħallew jaħslu pazjenti rġiel u care workers irġiel qed jitħallew jaħslu pazjenti nisa ġewwa l-MIU1?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-policy dwar ħasil ta’ pazjenti għas-sala li qed issemmi hija l-istess bħal dik ta’ swali oħra ‘mixed’ ġewwa l-isptar Mater Dei.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux minnu li l-MIU1 kien sar/twaqqaf minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u issa qed jintuża bħala ward normali? Jista' jgħid jekk l-MIU1 hux ser jibqa’ jintuża minkejja li l-pandemija m'għadiex akuta kif kienet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MIU1 tintuża biss f’sitwazzjonijiet fejn swali oħra fl-isptar Mater Dei jkunu mimlija.
Sptar Mater Dei – MIU 1 – standards ewropej u internazzjonali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-MIU1 hux skont standards ewropej u internazzjonali biex jospita l-pazjenti ġewwa fih? Jista' jgħid jekk l-MIU1 iqisux bħala kurudur?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5487.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5125, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkompli r-roll out tal-Constant Glucose Monitors għall-persuni bid-Dijabete ta’ aktar minn 23 sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5125.
Ministeru għas-Saħħa – lista ta’ procurement kollu
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-procurement KOLLU li għamel il-Ministeru għas-Saħħa mis-7 ta’ Marzu 2020 (il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19) sal-lum, u jinkludi l-isem ta’ kull item, il-valur tal-procurement u mingħand liema kumpanija/entità nxtara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4804 u jinforma lill-Kamra, sena b’sena għas-snin 2019, 2020 u 2021 kemm kien hemm pazjenti li ntalbu xi forma ta’ ħlas għas-servizzi li ngħataw fl-isptarijiet tal-istat? X’kienet in-nazzjonalità tagħhom? Kemm kien l-ammont globali mitlub għal kull sena? X’kien il-perċwental ta’ dawn il-fatturi li ġew imħallsa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont globali ta’ ħlas għas-servizzi li ngħataw fl-isptarijiet tal-istat huwa skont il-lista hawn taħt mehmuża, waqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra in-nazzjonalità ta’ dawn il-pazjenti.
Year
Cases Billed
Total amount Billed
% Paid / Waived Bills
2019
6468
€ 2,839,675.78
52%
2020
5653
€ 2,804,263.45
58%
2021
4579
€ 2,552,787.75
72%