Legislature:
Category:
Reset
Active:

Building Regulations Act — Building Regulations Office

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Building Regulations Office għadu mhux qed jiffunzjona skont kif speċifikat fil-Building Regulations Act?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Att Dwar ir-Regolament tal-Bini se jkun imdahhal fis-seħħ fil-ġranet li ġejjijn bil-ħruġ ta’ Avviż Legali kif stipulat fl-istess Liġi u b’hekk il-Building Regulation Office ikun jista’ jibda jiffunzjoni kif kontemplat f’dan il-att. Ninformah ukoll li diġà sar xogħol biex jintgħażlu l-membri tal-bord kif ukoll inbeda l-proċess biex ikun appuntat l-Aġent Diretttur li se jassumi r-responsabbiltà tat-twaqqif u t-tmexxija l-quddiem ta’ dan l-uffiċċju sakemm issir sejħa uffiċjali biex din il-pożizzjoni timtela formalment.

Ċentru San Franġisk — annimali kkurati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkurati annimali stray fiċ-Ċentru San Franġisk minn meta nfetaħ sal-lum? Kemm ġew ikkurati annimali b'kollox fl-istess perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċentru San Franġisk ġew ikkurati 1962 annimali stray. B’kollox mindu nfetaħ sal-aħħar ta’ Settembru dan iċ-ċentru ġew ikkurati aktar minn erbagħtax-il elf animal kif diġà kien ippubblikat permezz ta’ starrija numru PR1912 maħruġa mid-Dipatiment tal-Informazzjoni nhar id-9 ta’ Ottubru li għadda.

Forti ta' Sant' Anġlu — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul din is-sena fil-Forti ta' Sant' Anġlu? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet? X'kien l-investiment li sar s'issa? min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Prim Ministru.

Proġett t'afforestazzjoni f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn matul din is-sena kienu żviluppati proġetti t'afforestazzjoni f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti? Meta huwa ppjanat li jkunu lesti dawn il-proġetti? Kemm huwa mistenni li jiġu jiswew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

Pixkerija — xogħol ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet ta' tisbiħ li kienu mwiegħda li jsiru din is-sena fil-Pixkerija? X'kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-gvern wiegħed li se tinbena pixkerija ġdida f'sit ieħor u mhux xogħlijiet ta' tisbiħ. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari bil-miktub numru 397.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ilu mwaqqaf biss mill-2008 u għaldaqstant iċ-ċifri li ntalbu jistgħu biss jingħaddu minn dak iż-żmien ‘il hawn. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li filwaqt li statistika tal-lokalitajiet ma teżistix peress li l-lokalità mhix kriterju ta’ Bord tal-Għażla ( selection board ), is-salarji ta’ kull impjegat ġdid, jew li ngħaqad mal-Ministeru minn Ministeri oħra, huma skont l-iskala ta’ salarji kif jidhru fl-Estimi tal-Baġit ta’ kull sena. Ngħid ukoll li l-impjegati li jidhru f’dawn il-erba’ listi huma kollha Maltin ħlief għall-għaxar (10) impjegati ġodda li jidhru f’kull naħa t’isfel tal-listi. Għaldaqstant, filwaqt qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi kif mitluba fil-mistoqsija parlamentari (mill-2008 sa llum), għar-rigward l-informazzjoni mitluba dwar l-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, ninfurmah li l-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda jkopru l-perjodu kollu mitlub.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — remunerazzjoni tal-konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Min huma u x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

WasteServ — bidliet fl-impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28155 u jagħti spjegazzjoni tal-bidliet li l-kumpanija WasteServ biħsiebha tagħmel fl-impjant għar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin u li pproponiet fl-applikazzjoni PA 05076/10 li ressqet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ‘To sanction minor alterations to overall layout and to sanction additions to the shed covering the approved mechanical treatment plant as per PA 4607/06’? Kemm hu stmat li se jiġu jqumu dawn il-"minor alterations to overall layout" u l-"additions to the shed covering"?Kif u minn min se jiġu ffinanzjati l-ispejjeż għal dawn il-bidliet? X’wassal lill-kumpanija WasteServ tapplika għal dawn il-bidliet meta kienu għaddew biss seba' xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant (fil-25 ta’ Novembru 2010) meta wieħed iqis li għal dan il-proġett il-WasteServ ħallset eluf kbar ta’ liri Maltin f’konsulenzi u esperti, fosthom il-kumpanija barranija SLR? Peress li l-Ministru f’mistoqsija parlamentari 26124 fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011, kien wieġeb li l-impjant kien għadu fi stadju ta’ commissioning, issa li għaddew għaxar xhur mill-ftuħ komplet tal-impjant, x’inhi s-sitwazzjoni attwali u jekk l-impjant hux qed jitħaddem fil-kapacità massima tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Oneroveli Membru li l-kuntratt ta’ l-impjant ta’ Sant Antnin kien wieħed ta’ natura ‘Design & Build’, jigifieri l-kuntrattur kien marbut li jipprovdi d-disinn dettalat kif ukoll l-bini tal-istess impjant abażi ta’ disinn kunċettwali li fuqu tkun inħarġet is-sejħa għall-offerti. Tul dan il-proċess, fejn id-disinn kunċettwali jiġi approfondit, huwa normali li joħorgu xi tibdiliet żgħar sabiex jimmeljora t-tħaddim tal-impjant b’iktar faċilità. Għaldaqstant, l-applikazjoni PA 05076/10 saret biex ikunu adottati l-emendi żgħar li saru biex ikun hemm titjib fil-proċess ta’ diġestjoni u l-emendi li saru fit-tined kien specifikament biex jakkomodaw it-trakkijiet biex jimmanuvraw aħjar. Dan sar biex jinżamm l-għan ewlieni li l-processi kollha ta’ trattament tal-iskart, inkluż l-ħatt tal-iskart, isir fil-magħluq. Il-volum ta’ l-iskart li se jkun ipprocessat se jibqa' kif kien u mhux se jkun hemm żieda ta’ volum ta’ skart. Mhu se jsir l-ebda ħlas addizjonali għal dak li diġà sar. Kunsulent SLR u oħrajn kienu nvoluti biex isiru l-istudji ambjentali kif ukoll biex jiġi żviluppat d-disinn kunċettwali. Nixtieq ninforma li kull sezzjoni tal-impjant, inkluża dik tal-biodigestjoni, qiegħda taħdem. Beda issa wkoll process ta’ optimizazzjoni tal-impjant b’mod li tirrikonoxxi l-kundizzjonijiet lokali bil-għan li tkun tista tintlaħaq l-kapaċità massima ta’ l-iskart li hija awtorizzata skond permessi maħruga. Ovvjament kif wieħed kien jantiċipa, l-impjant għad ma laħaqx il-kapaċità massima tiegħu.

Microwind Turbines u imtieħen rurali tradizzjonali

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28190 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sew Microwind Turbines kif ukoll imtieħen rurali tradizzjonali? X'għajnuna sabu biex ġew stallati u mantnuti rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement hemm 13-il turbina tar-riħ fuq livell industrijali li kienu notifikati jew awtorizzati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Minn dawn it-tlettax-il turubina, ħamsa minnhom ibbenefikaw jew se jibbenefikaw taħt il-Miżura 121, ‘Immodernizzar ta’ strutturi agrikoli’ bħala parti minn talba aktar wiess’ tagħhom. Rigward l-irdieden li kienu jintużaw mill-bdiewa biex ikunu jistgħu jtellgħu l-ilma (Chicago Type Wind Pumps), ninsab infurmat li ma jeżistux records ta’ kemm hawn. Biss ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inbeda studju biex ikun mistħarreġ l-potenzjal li dawn jkunu restawrati u konvertiti biex jiġġeneraw l-elettriku. S’issa dan l-istudju kopra 51 minn dawn l-istrutturi primarjament fl-inħawi tar-Rabat, Ħad Dingli u l-iMġarr... Preżentement qed isiru provi fuq waħda minnhom li ġiet rikondizzjonata. Ninsab ukoll infurmat li f’ Għawdex ġiet imnieda skema rigward dawn l-irdieden.

Animal Welfare Section — Ċentru San Franġisk

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28836, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'tip ta' annimali varji ttieħdu mill-Animal Welfare Section fiċ-Ċentru San Franġisk? Jista' jgħid x'tip ta' annimali ttieħdu għall-kura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28836 imressqa minnu stess.

Enerġija nadifa mill-iskart

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar matul din is-sena biex niksbu aktar enerġija nadifa mill-iskart? X'kien l-ammont ta' enerġija ġġenerata mill-iskart din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-investiment li sar matul din is-sena biex niksbu aktar enerġija nadifa mill-iskart jammonta għal madwar € 1,758,485. L-ammont ta’energija ggenerata s’issa mill-iskart din is-sena diġà taqbeż it-3000MWh.

informazzjoni dwar vetturi li jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-somma inizjali ta’ €400,000 favur id-dħul ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, intnefqet matul din is-sena s'issa u kemm hawn vetturi li jaħdmu bl-elettriku f’pajjiżna fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s’issa għadha ma intefgħat ebda applikazzjoni mingħand persuni li jixtiequ jibbenefikaw mill-għotja għal xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Rigward it-tieni parti ta-mistoqsija, ninfurmah li l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi m’għandiex informazzjoni dwar kemm hawn vetturi jaħdmu bl-elettriku. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mit-Trasport.

Wied il-Għajn — Family Park

Question

Issa li beda x-xogħol fuq il-Family Park f’Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni: a) meta se jkun lest il-proġett ta’ tisbiħ; b) kemm se jiġi jiswa b’kollox dan il-proġett; u ċ) x’ħa jsir mill-barriera fuq in-naħa l-oħra tat-triq faċċata tal-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi: a) il-proġett ta’ tisbiħ jinkorpora diversi fażijiet. L-ewwel parti li tinkorpora visitors centre tinsab kważi lesta. Fażijiet oħra jittrattaw ir-rijabilitazzjoni tal-istess wied li kien hemm il-miżbla fih u dan miexi ġmielu. Il-parti l-finali tinkorpora t-tisbiħ tal-biċċa ta’ fuq u t-tlestija ta’ ċerti faċilitajiet li jiżguraw it-tgawdija ta’ dan il-p ark . Huwa maħsub li dan il-proġett jitlesta lejn l-aħħar tal-2012; b) huwa stmat li l-ispiża globali tal-fażiiet kollha tal-proġett hija € 6.9 M, li madwar 85% minnhom se jkun finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea; c) il-barriera li hemm fuq in-naha l-ohra tat-triq faċċata tal-proġett ma tiffurmax parti mill- family park u għaldaqstant ma taqax taħt dan il-proġett.

Klieb — micro chipping

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex isir xi studju biex jara kif ġew effetwati lokalment klieb u annimali oħrajn li għaddew mis-sistema l-ġdida ta' micro chipping?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat mit-tekniċi li dwar il-microchip li qegħda tintuza saru diversi studji barra minn Malta u nstab li ma tagħmel l-ebda ħsara partikolarment meta jkun segwit protocol definit. Huwa għalhekk li l-liġi li addottajna tikkontempla li dawn il-microchips ikunu implantati minn veterinaji. Ghaldaqstant ma jeżistix il-bżonn li jsir xi studju iehor aktar meta anki mill-esperjenza diretta tagħna tul kemm ilna nużaw il- microchip fuq annimali oħra qatt ma kien hemm rapporti ta’ ħsara jew mard ieħor fl-annimali konċernati.

Klieb u annimali li jkunu chipped

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux studju f'idejh li jgħidlu kif il-klieb u l-annimali li jiġu chipped jiġu affettwati kemm pożittiv u kemm negattiv? Jista' jgħid jekk minn studji oħrajn sabux jekk dan il-micro chipping jaffettwax negattivament lill-klieb li jkunu ġew iċċippjati u li anke kanċer jista' jitrabba fil-post fejn ikun sar dan iċ-chipping?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat mit-tekniċi li mid-diversi studji li saru barra minn Malta minn esperti f’dan il-qasam ma teżisti l-ebda korrelazzjoni statistikament valida bejn microchipping u kundizzjonijiet patoloġiċi inkluż il-kanċer. Numru minn dawn ir-rapporti xentifiċi huma ppubblikati ukoll fuq l-internet. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li r-Regolamneti tal-Unjoni Ewropea 998/2003 u l-emenda tiegħu 438/2010, jobbligaw li l-identifikazzjoni tal-klieb issir permezz ta’ microchips li huma konformi ma’ ISO Standard 11784 u li jutilizzaw teknoloġija HDX jew FDX-B u li jistgħu jinqraw minn letturi elettroniċi li jikkonformaw ma’ ISO Standard 11785. Ninfurmah ukoll li l-microchips użati f’Malta huma konformi ma’ dan.

Micro Chipping tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid bis-sistema tal-micro chipping liema annimali se jibda jsirilhom dan l-eżerċizzju u jekk din is-sistema hijiex se tintuża fuq annimali u pets domestiċi biss jew inkella hijiex se tintuża fuq annimali li huma għall-produzzjoni tal-laħam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat mit-tekniċi li s-sistema ta’ microchip se tiġi applikata u nfurzata b’mod mandatorju għall-klieb skont kif inhu mitlub mill-avviż legali 199 tal-2011 (Reġolamenti tal-2011 dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb). Teżiżti policy ta’ microchipping fuq qtates u fuq żwiemel li jkunu ħa jiġu msiefra biex ikun jista’ jinħarġilhom pet passaport. Riġward l-annimali li jintużaw għall-produzzjoni ta’ laħam jew prodotti oħra derivati mill-annimali, id-Dipartiment tar-Regolament tal-Agrikoltura u Sajd diġa’ għandu sistemi oħra ta’ identifikazzjoni ta’ dawn l-annimali skont kif mitlub mir-regolamenti eżistenti li jaqgħu taħt l-Att tas-Servizz Veterinarju. Dawn s-sistemi huma bbażati fuq ċomba ta’ identifikazzjoni fuq il-widnejn fil-każ tal-bovini u ruminati oħra (nagħaġ u mogħoż), u numru ta’ tattoo fil-każ tal-majjal. Fil-majjaliet għadha kif ġiet introdotta sistema ta’ microchipping .

Produzzjoni tal-ħalib frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-ħalib frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni tal-ħalib frisk bejn Jannar u Settembru 2011 kien ta’ 30,089,481litru.

Produzzjoni lokali tal-prodott magħmul mill-ħalib frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-prodotti magħmula mill-ħalib frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li din linformazjoni ma tingabarx.

produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija tal-iproċċesar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija tal-ipproċċesar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija tal-ipproċċesar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 kienet ta’ 8,519,547 Kg.

Produzzjoni lokali tal-għeneb għall-industrija lokali tal-inbejjed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-għeneb għall-industrija lokali tal-inbejjed matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-produzzjoni lokali tal-għeneb għall-industrija lokali tal-inbejjed kienet ta’ 2,120 tunnellata.