Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk infetħux xi applikazzjonijiet biex wieħed jissieħeb mal-Korp tal-Pulizija? Jekk iva, f’liema gradi? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm xi reklutaġġi, ingaġġi u/jew promozzjonijiet li diġà saru fil-Korp tal-Pulizija matul l-2017? Jekk iva, f’liema gradi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017, fil-Korp tal-Pulizija kien hemm l-ingaġġi u promozzjonijiet kif jidhru hawn taħt: Promozzjonijiet Numru ta’ promozzjonijiet Data Minn Kuntistabbli għar-rank ta’ Surġent 52 08.03.2017 Minn Assistent Kummissarju għall-grad ta’ Deputat Kummissarju 4 15.03.2017 Minn Surġent Maġġur tat-tieni klassi għar-rank ta’ Surġent Maġġur tal-ewwel klassi 2 24.04.2017 Minn Kuntistabbli għar-rank ta’ Surġent 16 15.05.2017 Minn Supretendent għall-grad t’Assistent Kummissarju 10 23.06.2017 Supretendent, Surġent u ex-Surġent kellhom il-promozzjoni tagħhom mogħtija b’lura, wara deċiżjoni tal-‘ Grievances Review Board’ . Ingaġġi Numru Data Riservisti 33 23.03.2017 Re-Instatements (2 Kuntistabbli) 2 26.05.2017 Re-Instatements (Surġent Maġġur u 3 Kuntistabbli) 4 16.06.2017 Rekluti ġodda 101 99 from 19.09.2017 2 from 22.09.2017 Barra minn hekk, tlieta u tletin (33) membru tal-Korp (Surġenti u Kunstistabbli) flimkien ma’ ħames (5) kandidati minn barra (38 b’kollox) temmew b’suċċess il-parti kwalifikatorja tal-kors għar-rank ta’ Spettur u mistennija jilħqu Spetturi tal-Pulizija bi Prova. F’Ottubru 2017 ser jibdew kors ta’ sena full-time fl-Università ta’ Malta fid-‘ Diploma in Policing’ . Jekk jgħaddu mill-kors, jiġu konfermati bħala Spetturi tal-Pulizija (2018).

Forzi Armati ta’ Malta – ħlas ta’ arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tħallas jew għandu jitħallas bħala arretrati lill-membri tal-Forzi Armati ta' Malta bħala konsegwenza tal-885 promozzjoni - ħafna minnhom backdated - li ngħataw fil-Forzi Armati fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Forzi Armati ta’ Malta – żieda fil-payroll

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’żieda kien hemm fil-payroll tal-Forzi Armati ta’ Malta konsegwenza tal-885 promozzjoni li ngħataw fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1601, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li ż-żieda fil-payroll, b’konsegwenza tal-promozzjonijiet li ngħataw fil-perjodu msemmi, hi ta’ €25,075, dawn jinkludu każi ta’ inġustizji li ġew riżolti fl-aħħar xhur.

Priġunieri — parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inmates li ħarġu mill-ħabs bil-parole mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017, 10 inmates ħarġu mill-ħabs bil-parole.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illli t-tagħrif għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – inflatable rescue cushions

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwiex mgħammar b’inflatable rescue cushions sabiex jintużaw fl-eventwalità li persuna tkun se taqa’ jew taqbeż minn għoli minħabba emerġenza jew raġuni oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu inflatable rescue cushion waħda u jumping sheet.

Korp tal-Pulizija – uffiċjali assenjati fil-Weapons’ Offices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali li kienu assenjati fil-Weapons’ Office tal-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu mill-Korp fix-xahar ta’ Settembru 2017 u Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma rriżenja u ma telaq ebda uffiċjal li kien assenjat fil-Weapons’ Office tal-Korp tal-Pulizija fix-xhur ta’ Settembru 2017 u Ottubru 2017. L-uniku uffiċjal li m'għadux f'dan l-uffiċċju kien surġent li laħaq Spettur bi prova f'Ottubru.

Taqsima ta’ Kontra d-Drogi — qabda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mit-Taqsima ta’ Kontra d-Drogi fil-perjodu Jannar - Lulju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ droga li nqabdet mit-Taqsima ta' kontra d-Drogi fil-perjodu ben Jannar 2017 sa Lulju 2017, kien kif jidher fit-tabella hawn taħt. Drug type - Quantity Cocaine - 315838.711g Heroin - 155.321g Cannabis Resin - 1293.655g Cannabis Grass - 13409.098g Ecstasy - 253 Cannabis joints - 82 Cannabis seeds - 22 synthetic drugs - 7.596g Cannabis plants - 5 MDMA Powder - 15.933g LSD - 4 Ketamine - 4.188g Tramadol - 96800000 Amphetamine - 0.389g mephedrone - 0.62g clonazepam - 7980 Synthetic powder - 1000 g

Probation officers – każijiet ta’ individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm każijiet għandhom il-probation officers ta’ individwi differenti afdati lilhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninformal lill-Onor. Interpellant illi preżentament id-Dipartiment tal-Probation & Parole qed isegwi numru komplessiv ta’ persuni li jammonta għal 1,025.

Il-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġia – rapporti lill-pulizija – vandaliżmu fuq proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti lill-Pulizija ta’ vandaliżmu fuq proprjetà privata fis-segwenti lokalitajiet: il-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi informazzjoni relatata ma’ vandaliżmu tidħol taħt it-titlu ta' ħsara volontarja, meta tiġi rrapurtata lill-pulizija u din tinkludi kemm il-ħsara fuq privat u dik pubblika flimkien. Matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Settembru 2017, fil-lokalitjiet indikati fil-mistoqsija, u ċioè l-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa, l-ammont ta' rapporti li kien hemm kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Locality Total cases reported Birżebbuġa 18 Ħamrun 23 Marsa 21 San Pawl il-Baħar 101

Neqfa f’pubbliċità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa xahar b’xahar f'pubbliċità fil-mezzi tax-xandir inkluż stazzjonijiet tat-televiżjoni u radju, gazzetti, news portals u mezzi oħra fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa totali fuq pubbliċità fil-mezzi tax-xandir fil-perjodu mitlub kienet tammonta għal € 127,537.68.

Elenku tal-gazzetti, stazzjonijiet tat-televiżjoni, stazzjonijiet tar-radju jew media house

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-gazzetti, stazzjonijiet tat-televiżjoni, stazzjonijiet tar-radju jew media house li bbenefikaw minn reklamar u pubbliċità mill-Ministeru u jgħid kemm intefqu fuq kull gazzetta, stazzjon tar-radju, stazzjon tat-televiżjoni u media house?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – żjarat barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel barra l-pajjiż fil-kwalità tiegħu ta’ Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali mill-4 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għamilt erba’(4) żjarat barra l-pajjiż fil-kwalità tiegħi ta’ Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali mill-4 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – żjarat barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu ż-żjarat li għamel barra mill-pajjiż mill-5 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017? Kemm kienet l-ispiża għal kull waħda miż-żjarat li għamel u minn min kienet komposta d-delegazzjoni li akkumpanjatu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn il-5 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2017 għamilt dawn iż-żjarat: 1. Estonja – (Informal Meeting of the Ministers of Justice and Home Affairs) 2. Tuniżija – (2nd Meeting of the Ministers of Interior of the Central Mediterranean Countries) 3. Estonja – (Informal EU Defence Ministers Meeting) 4. Belġju – (JHA Council Meeting) Qed nelenka l-ispiża għal kull waħda miż-żjarat: Vjaġġ Spiża (€) Estonja (żewġt iljieli) 12,693.61 Tuniżija (żewġt iljieli) 2,749.60 Estonja (żewġt iljieli) 7,010.64 Belġju (żewġt iljieli) 2,624.83 Dawn l-ammonti jinkludu biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni u s-subsistence. Qed nelenka d-delegazzjoni għal kull żjara li saret: 1. Estonja – Hon. Minister, Chief of Staff, Communication Coordinator, Director Policy Development and Programme Implementation. 2. Tuniżija – Hon. Minister, Chief of Staff, Director Policy Development and Programme Implementation, Uffiċjal tal-AFM. 3. Estonja – Hon. Minister, Chief of Staff, Communication Coordinator, Director Defence Matters. 4. Belġju – Hon. Minister, Communication Coordinator, Director Policy Development and Programme Implementation.

Ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata bi ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni nstabu ħatja u x’kienet il-piena li ngħataw mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2013 sal-11 ta' Ottubru 2017 kien hemm tliet każijiet fejn tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati bi ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla. Żewġ persuni li kienu involuti f'żewġ każijiet separati imma fl-istess ġurnata fis-sena 2014 instabu ħatja waqt li persuna ta' każ fis-sena 2013 kien illiberat. Dettalji jidhru fit-tabella t'hawn taħt: Mressqa minn Sena Numru ta' persuni li ġew imressqa l-Qorti Riżultat tal-każ Admin. Law Enforcement 21 ta’ Lulju 2013 Persuna waħda Liberata Admin. Law Enforcement 12 t’Awwissu 2014 Persuna waħda Misjuba ħatja u mmultata mitt ewro Admin. Law Enforcement 12 t’Awwissu 2014 Persuna waħda Misjuba ħatja u mmultata mitt ewro

Kummisarju tal-Pulizija, Deputat Kummissarju u Assistenti Kummissarji – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju ġdid li l-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u Kummissarju tal-Pulizija għandhom u li ma tħabbarx pubblikament mill-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-pakkett finanzjarju tal-Kummissarju tal-Pulizija, id-Deputati u l-Assistenti Kummissarji huwa l-istess pakkett li jgawdu uffiċċjali tal-Gvern li għandhom headship position u fi skali ugwali.

Sejħiet għal Supretendenti tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sejħa li jmiss għal Supretendenti fil-pulizija, hux se jkun il-każ li membri tal-Korp apparti Spetturi tal-pulizija se jkunu eleġibbli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-applikanti kollha li applikaw għas-sejha interna li saret fil-21 ta' Lulju 2017 għal grad ta' Supretendent tal-Pulizija kienu kollha spetturi anzjani (tmien snin servizz iservu fil-grad ta' spettur wara li jkunu ġew ikkonfermati f'dan ir-rank). Din kienet waħda mill-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li kien hemm imniżżla fis-sejħa tal-applikazzjonijiet.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 784 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fl-imsemmi żmien kienet ta’ €3,842.08 (VAT inkluż).

Faċilità YOURS — residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti ġewwa l-Faċilità YOURS xahar b’xahar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.