Legislature:
Category:
Reset
Active:

Domestic Violence Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ewwel ħaġa li l-pulizija tad-Domestic Violence Hub tgħid lill-vittma hi li jekk ħa jsir rapport, il-każ ser jispiċċa l-Qorti u jekk l-allegat aggressur jagħmel l-istess allegazzjonijiet, il-pulzija tipproċedi kontriha wkoll?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull vittma ta’ vjolenza domestika mhux biss tkun infurmata bid-drittijiet kollha tagħha, iżda fil-hubs li twaqqfu għal dan il-għan illum jsibu mhux biss il-protezzjoni u l-għajnuna ta’ taqsima speċjalizzata tal-Korp tal-Pulizija, iżda wkoll minn professjonisti esterni għall-Korp li jaħdmu fis-settur kif kien diġa’ spjegat fid-dettall għal numru ta’ domandi parlamentari li saru u twieġbu f’din il-Kamra.

Domestic Violence Shelter — Irġiel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix domestic violence shelter għall-irġiel? X’arranġamenti hemm biex persuna maskili jkollha xelter sikur f’każ ta’ periklu għalih innifsu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm suwiċidji f'Jannar u Frar 2025 u x’kienu l-etajiet tal-persuni involuti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li f’Jannar 2025 kien hemm tlett każi ta’ suwiċidju u żewġ każi fi Frar 2025. Il-persuni kollha kienu maskili u l-etajiet tagħhom kienu kif jidher fit-tabella. Xahar Jannar 2025 Frar 2025 Età 32 58 76 26 59 Total Numru ta’ każi 1 1 1 1 1 5

WRO- Diskrepanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-Wage Regulation Orders (WRO) bejn setturi varji tal-impjieg b’mod li hawn min għandu għaxart ijiem sick leave bil-paga sħiħa u hawn min għandu 30 ġurnata sick leave bil-paga sħiħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija — Vetturi għall-użu ta' kuljum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li l-Korp tal-Pulizija għandu għall-użu ta' kuljum? Kemm minn dawn il-vetturi jintużaw fl-għases, u kemm jintużaw minn diviżjonijiet oħra, jekk hu l-każ? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi capping fuq l-ammont ta' fuel li jintuża minn dawn il-vetturi u kemm minn dawn il-vetturi huma elettriċi jew hybrid?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija għandu 430 vettura li minnhom 97 huma muturi. Infurmat ukoll li m’hemmx capping fuq il-fuel għaliex il-vetturi qegħdin hemm biex jintużaw skont il-ħtieġa. Il-Korp tal-Pulizija għandu għaxar vetturi elettrici, u 61 vettura li jintużaw mid-distretti, għases u mill-pulizija tal-komunità, li jagħmlu użu wkoll minn 38 electric bicycle.

Sewqan taħt l-effett tal-alkoħol – Persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24322 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti minħabba li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol f'dawn l-aħħar ħames snin, bil-figuri maqsuma għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom instabu ħatja u x’pieni weħlu maqsuma għal kull sena għall-istess perjodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni hi kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Sentenza ta’ inqas minn 24 xahar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn 24 xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li li matul is-sena 2024 kien hemm 537 il-persuna jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn 24 xahar.

Bejgħ ta’ Reżina tal-Kannabis

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25830 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u ċjoè: Fid-dawl li l-assoċjazzjonijiet jibdew ibiegħu r-reżina tal-kannabis, jista’ l-Ministru jgħid min ser jipprovdi din is-sustanza u x’tip ta’ verifikar ser isir?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 24614, ġejt infurmat illi l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni li l-Gvern jibqa’ kommess li japplika politika u miżuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex jissaħħaħ l-istatus ta’ persuni b’diżabilità - impjegati kif spjegajt fl-interpellanza su referita.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' xi entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħtu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W353.

Vjolenza Domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-rapporti ta’ vjolenza domestika fl-2024 kienu jinkludu relazzjonijiet każwali - li jkunu ltaqgħu darba jew ftit, mhux relazzjoni intima u ma tinvolvix partners li jgħixu taħt l-istess saqaf?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull każ huwa differenti u li l-każijiet ta‘ vjolenza domestika jiġu trattati kollha skont ir-realtajiet partikolari. Din hija ħidma li llum qed issir permezz ta‘ multi-disciplinary approach. Dawn huma dettalji li l-vittmi jagħtu b’mod kunfidenzjali. Nitlob ukoll lill-Onorevoli membru tirreferi għal mistoqsija parlamentari numru 24268.

Vjolenza Domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti li saru lill-pulizija fuq vjolenza domestika li saru fuq xulxin, jiġifieri l-ewwel imur partner A, imbagħad imur partner B jagħmel rapport fuq vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapporti li jsiru lill-Pulizija fuq vjolenza domestika, isiru b’mod kunfidenzjali. L-għan tal-Pulizija u tal-Professjonisti kollha li jaħdmu fil-Gender Based and Domestic Violence Hub li l-pajjiż għandu għall-ewwel darba huwa li jassistu bl-aħjar mod lil dawk li jersqu ‚l quddiem. Kif jindika l-Crime Observatory Report, fl-2024 reġgħet kienet reġistrata żieda fir-rapporti ta‘ vjolenza domestika, b’total ta‘ 2,255 każ li 78% minnhom kienu marbuta ma‘ rapporti ta‘ vjolenza psikoloġika. Għalhekk, irridu nkomplu nżidu l-għarfien biex aktar nies jersqu `l quddiem u jfittxu l-għajnuna.

Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed niżguraw li fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, l-aggressur mhux qed juża l-istess sistema biex jivvittimizza għal darb’oħra lill-vittma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin żdiedu s-servizzi li jingħataw vittmi ta' vjolenza domestika, kif diġà kelli ċ-ċans niprovdi informazzjoni lill-Parlament, b'mod speċjali l-iffurmar tal-gender based and domestic violence unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u l-ewwel hub għall-vittmi ta' vjolenza domestika. Infurmat li l-ħaddiema li jaħdmu f'dan il-qasam huma mħarrġa sabiex jagħtu dejjem l-aqwa servizz possibli.

Vjolenza Domestika — Investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investigazzjoni tagħmel il-pulizija fil-każijiet ta’ vjolenza domestika qabel tipproċedi bil-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li qabel ma tipproċedi bil-Qorti f’każijiet relatati ma' kull rapport ta' vjolenza domestika, il-pulizija tibda billi twettaq investigazzjoni ħolistika. Dan jinkludi li kull vittma tiġi mitkellma, flimkien ma' xhieda oħra li setgħu kienu preżenti waqt l-allegat każ, u fl-istess ħin tinġabar kull evidenza materjali rilevanti. Matul tali investigazzjoni, jiġi evalwat ukoll il-valutazzjoni ta’ riskji li jsir fuq il-vittma, u jiġi interrogat l-allegat aggressur. F’każijiet serji, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiġi kkonsultat, speċjalment minħabba li f’ċerti reati, il-prosekuzzjoni titmexxa minn avukat mill-istess uffiċċju. Abbażi ta’ dan kollu, jittieħdu passi l-Qorti. Fl-isfond ta’ dan kollu Irrid nirrimarka wkoll li matul dan il-process, il-vittma llum tingħata s-sapport kollu meħtieġ hekk kif illum qiegħed jintuża dak li jissejjaħ multi-disciplinary approach mill-ewwel Gender-Based and Domestic Violence Hub li fetaħ il-bibien tiegħu taħt din l-amministrazzjoni, l-istess bħal ma waqqafna l-Victim Support Agency li qegħda tagħmel differenza fil-ħajja tal-vittmi mhux biss tal-vjolenza domestika imma anke ta’ kriminalita oħra.

Vjolenza Domestika

Question

Peress li l-każijiet ta’ vjolenza domestika huma ex officio u jkun hemm evidenza ċara li kien hemm vjolenza (bħal tbenġil, ċertifikat mediku, tkissir ta’ proprjetà u CCTV footage), jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-pulizija xorta togħqod tistenna l-istatement tal-vittma qabel tibda tinvestiga l-każ? Jekk il-vittma ma tagħmilx rapport, il-pulizija ma tipproċedix?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f’kull każ ta’ vjolenza domestika, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jiskattaw, speċjalment f’każijiet fejn ikun hemm evidenza li trid tinġabar, u għalhekk ma tistenniex l-istqarrija tal-vittma qabel tibda tinvestiga l-każ. Minkejja dan il-Pulizija, infurmat, li dejjem tħeġġeġ lill-vitma tirrilaxxa stqarrija biex din tikkumplimenta l-evidenza li jkollha l-Pulizija u għaliex din tkun ukoll essenzjali, f’nuqqas ta’ evidenza materjali. Irrid nirrimarka wkoll li l-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija issa għandu f’Santa Luċija huwa l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f'Malta li fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 2024, wara li għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra specjali il-Gender based and domestic violence unit fl-2020 sabiex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Filwaqt li bħalissa apparti dawk ta’ Santa Luċija, hemm timijiet minn din it-taqsima, li ma kinitx teżisti qabel introduċiha l-Korp tal-Pulizija taħt din l-amministrazzjoni, jaħdmu mid-depot tal-pulizija fil-Floriana, fiż-żmien li ġej se tinfetaħ hub oħra fl-Imtarfa.