Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ismijiet b'ittri Maltin

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn l-ġenituri għadhom ma jistgħux isemmu t-tfal tagħom b'ismijiet li fihom ittri Maltin, hekk kif qed ikunu infurmati mir-Reġistru Pubbliku, meta kien deher artiklu fil-mezzi soċjali li dan kellu jkun possibbli mill-2017?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta u l-MITA komplew jaħdmu fuq soluzzjoni biex fil-ġimgħat li ġejjin l-użu tat-tipa Maltija ikun possibbli meta tirreġistra jew tagħmel korrezzjoni għall-isem f’dan ir-rigward. Is-sistema l-ġdida tal-IT tar-Reġistru Pubbliku diġà tippermetti l-użu tat-tipa Maltija iżda ma stajniex nibdew noffru dan is-servizz mal-ewwel għaliex hemm sistemi oħra fis-servizz pubbliku li jirrikorru għal din id-data u li mhumiex kompattibbli jew li ma jaċċettawx il-karattri tat-tipa Maltija. Għalhekk qed issir ħidma kollettiva biex dawn is-sistemi, li ilhom hemm is-snin u li oriġinarjament ma ġewx iddiżinjati għal din il-faċilià, ikunu jistgħu jilqgħu għal dan it-tibdil u b’hekk inkunu nistgħu nibdew noffru dan is-servizz minn l-aktar fis possibbli. F’abbozz ta’ emendi għall-liġijiet li ħejjejna u li se nkunu qed inresqu daqt se nagħmluha possibbli biex f’dawk il-każijiet fejn hu meħtieġ li jsir dan it-tip ta’ korrezzjonijiet minuri għall-isem, isiru bl-inqas mod burokratiku b’sempliċiment talba lid-direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn li l-applikant jagħmel rikors fil-Qorti.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – skrivani tal-Parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skrivani tal-Parole taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar tas-sena 2019 kien hemm skrivan anzjan wieħed tal-Parole taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – rapporti tal-Bord tal-Parole mressqa lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport tal-Bord tal-Parole għas-snin 2016 , 2017, 2018 u 2019 ġewx imressqa lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ir-rapport tal-Bord tal-Parole għall-2019 se jkun qed jitressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatiriċi Kap 516 fi żmien li ġej. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti għas-snin l-oħra li qed jirreferi għalihom l-onorevoli interpellant.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – rapport tal-Bord tal-Parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk irċeviex ir-rapport li għandu l-Bord tal-Parole taħt is-subartikolu 3 tal-Art 9 taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 13795.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – Parole Dossiers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Parole Dossier ġie mressaq taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant dwar kemm-il Parole Dossier ġie mressaq taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019, it-tweġiba hija kif tidher hawn taħt: Fl-2017: Wieħed u sittin (61) Parole Dossier Fl-2018: Sitta u erbgħin (46) Parole Dossier Fl-2019: Tmienja u ħamsin (58) Parole Dossier

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – każijiet ta’ droġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ droga kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’April 2020 u x’kienet id-droga li nstabet? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu u jikkonfermax li f’każ minnhom ġiet imkeċċija uffiċjal korrettiv?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar ta’ April 2020 ma nstabet l-ebda droga fil-ħabs u lanqas tkeċċiet xi Uffiċjal Korrettiv kif qed jingħad fid-domanda tal-Interpellant.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — binja ġdida

Question

Billi hemm iffullar fiċ-ċelel tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li tinbena binja ġdida sabiex tiġi solvuta l-problema tal-iffullar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jistudja kull soluzzjoni possibli.

Marsaskala – barranin li huma residenti mressqa fuq reati kriminal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13216 u jgħid kemm tressqu l-Qorti barranin li huma residenti f'Marsaskala fuq reati kriminali, matul l-2019? Jista’ jgħid x'kienet in-nazzjonalità f'kull każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ barranin li huma residenti f'Marsascala u li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali, matul l-2019 kien ta’ ħamsa u għoxrin (25). In-nazzjonalità tagħhom kienet kif jidher hawn taħt: Numru ta’ każi Nazzjonalità 6 Sirjani 5 Taljani 4 Somali 2 Brittaniċi 2 Serbi 1 Iraqqini 1 Slovakki 1 Rumeni 1 Vjetnamiżi 1 Ċeki 1 Russi Total: 25

Persuni li weħħlu l-ħabs minħabba stupru

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm persuni li weħlu l-ħabs minħabba stupru f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’kienet is-sentenza mogħtija lilhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li weħlu l-ħabs minħabba stupru f’dawn l-aħħar tliet snin u sat-28 t’April kien ta’ sbatax (17). Is-sentenza mogħtija lilhom hija kif tidher hawn taħt: 3 snin sa inqas minn 5 snin 5 5 snin sa inqas minn 10 snin 7 10 snin sa inqas minn 20 sena 1 20 sena u iktar 2 Ordni ta’ Protezzjoni taħt l-Artiklu 412c tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta 1 Miżmuma fl-MCH skont l-Art. 402(4) u 623 tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta 1

It-Tielet Distrett – Rapporti relatati ma' Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13643 u jindika kemm daħlu rapporti għand il-Pulizija relatati ma’ vjolenza domestika fil-lokalitajiet tat-Tielet Distrett fis-snin 2017, 2018 u s-sena l-oħra b’mod separat u lokalità b’lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti relatati ma’ vjolenza domestika li saru mal-Pulizija fil-lokalitajiet tat-Tielet Distrett u cioe Marsaskala, iz-Zejtun, Marsaxlokk u Hal-Għaxaq fis-snin 2017, 2018 u 2019, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Lokalita 2017 2018 2019 Total Marsaskala 37 66 77 180 Zejtun 53 45 57 155 Marsaxlokk 22 13 11 46 Hal-Għaxaq 11 26 17 54

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li daħħlu l-ħabs

Question

Billi jidher li kien hemm 19-il persuna li ddaħħlu l-ħabs fil-ġimgħa s-sena l-oħra, jista’ l-Ministru jindika fuq liema reati dawn il-persuni ġew ammessi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ reati li dawn il-persuni ġew ammessi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Droga – overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żieda f'overdoses f'dan l-aħħar xahar? Kif qed tidħol id-droga issa f’Malta minħabba r-restrizzjonijiet li hawn fuq l-ivvjaġġar? Hawn nuqqas ta' droga fis-suq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm żieda fin-numru ta’ overdoses f’dan l-aħħar xahar komparat max-xhur preċedenti ta’ din is-sena, fejn jirrigwarda użu ta’ sustanzi perikolużi. Fejn intużaw pilloli bi preskrizzjoni kien hemm anqas każi mix-xhur ta’ qabel. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija infurmat illi peress illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru tista’ possibilment tippreġudika l-operat tal-Pulizija, l-informazzjoni mitluba minnu ma tistax tingħata.

Serq irraportat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar xahar kinux irrappurtati aktar serqiet mis-soltu? Qed isiru aktar patrols matul il-ġurnata u billejl?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f’dan l-aħħar xahar u ċjoè f’Marzu, meta kkomparat max-xahrejn ta’ qabel ma kinux irrappurtati aktar serqiet mis-soltu, anzi l-ammont fil-perjodu indikat kien anqas. Infurmat illi ‘patrols’ qatt ma waqfu f’dan il-perjodu imma żdiedu kemm matul il-ġurnata kif ukoll billejl.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – Każijiet trattati mill-Bord għat-Tnaqqis ta’ Sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie trattat mill-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi u l-eżitu tagħhom taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap 516 fis-sena 2017?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2017 ġew diskussi 169 każ fejn ingħataw lura 412 ġurnata mir-remission mitlufa.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — kuntratti mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal liema kuntratti qiegħda tirreferi.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12992, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tad-Dipartiment tal-Pulizija u kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tal-LESA?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-każ tal-Pulizja l-ammont ta’ karozzi allokati lid-dipartiment hu ta’ mitejn u tlieta u ħamsin (253). Fir-rigward tal-LESA, l-Aġenzija fil-preżent għandha disgħa u għoxrin (29) karozza għad-dispożizzjoni tagħha.

Ilmenti mill-Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13479 u jgħid kemm kien hemm ilmenti bil-miktub jew verbalment mill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u jekk dawn ġewx rimedjati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar tliet snin kien hemm 215-il ilment. Id-dettalji l-oħra mitluba minnu ma jistgħux jingħataw skont is-SL 260.03 Regolamenti Dwar il-Ħabs, l-artiklu 116, u ċjoè, “(2) Dik l-informazzjoni kunfidenzjali li l-Bord ikollu għandha tkun privileġġata u m’għandha tiġi pubblikata ebda data personali mingħajr il-kunsens espress tal-persuna involuta.

Ċentru ta' Detenzjoni — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13380 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13105 jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm persuni fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fiċ-ċentri ta’ detenzjoni hemm 1,978 persuna. Minn dan l-ammont hemm 23 persuna li jinsabu fil-proċess sabiex jiġu ddeportati mill-pajjiż. Il-kumplament huma immigranti rregolari li waslu f’pajjiżna bil-baħar.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – każijiet trattati mill-Bord għat-Tnaqqis ta’ Sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie trattat mill-Bord għat-Tnaqqis tas-Sentenzi u l-eżitu tagħhom taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap 516 fis-sena 2018?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2018 ġew diskussi 123 ka¿ u fihom ingħataw lura 218 ġurnata mir-remission mitlufa.