Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — impjegati skrivana

Question

Peress li Transport Malta għandha fi ħdanha impjegati li jaħdmu bħala skrivani minn kumpanija privata, kif ukoll skrivani oħrajn li qegħdin jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' skrivani minn din il-kumpanija u kemm hemm impjegati li jesegwixxu xogħolhom b'kuntratt? Jista' jindika min hija l-kumpanija u jgħid jekk hemmx pjanat li xi wħud min dawn isiru tal-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant fir-risposta li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15392, jien infurmat li bħalissa hemm 32 skrivan fi Transport Malta li huma minn kumpanija privata u cioe' mis-Secretarial Services Ltd. Jien infurmat ukoll li Transport Malta m'għandhiex skrivani bil-kuntratt u m'hemm l-ebda ħsieb li l-iskrivani tal-kumpanija msemmija b'xi mod dirett isiru tal-post ma' Transport Malta. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta' nies ma' Transport Malta huwa regolat mill-Employment and Training Corporation Act, mill-Authority for Transport in Malta Act, kif ukoll mill-Kostituzzjoni kif applikabbli għall-entitajiet tal-Gvern.

Transport Malta — Maritime Affairs Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ l-Maritime Affairs Committee fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika min huma l-membri ta' dan il-kumitat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Maritime Supervisory Committee huwa mmexxi mis-Sur Mark Portelli fil-kariga ta' Chairman ta' dan il-kumitat. Il-Membri ta' dan il-kumitat huma s-Sinjura Francesca Mamo u s-Sur Josie Licari.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

talba għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistax isir reserved parking għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li għadu kif ħa l-kura barra minn Malta u jinsab marid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

rotta tal-linja miċ-ċimiterju sal-Belt

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa' jopera s-servizz tal-karozza tal-linja li kien hemm minn ħdejn iċ-ċimiterju sal-Belt, li qabel kienet ir-rotta numru 11, peress li tkun ta' għajnuna kbira għal dawk li jżuru l-istess ċimiterju?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaċ-Ċimiterju Maria Addolorata, ninsab infurmat li dan is-servizz jeżisti diġà.

Transport Malta — karozzi tal-linja mil-Luxol Ground għas-Swieqi u l-Ibraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tinvestiga l-għadd ta' ilmenti ta' residenti tas-Swieqi u l-Ibraġġ li biex jmorru il-Belt qed ikollhom jaqbdu żewġ buses u ħafna drabi jimxu sa fejn il-Luxol Grounds minn fejn partikularment fi żmien it-turisti ħafna mill-buses li jkunu ġejjin, ikunu diġà mimlijiet nies u b'hekk qed idumu ferm sabiex jaslu għad-destinazzjoni tagħhom - apparti l-inkonvenjent li jkollhom mixja fiż-żmien tal-maltemp u l-kesħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn Ottubru 2011, residenti tas-Swieqi u l-Ibraġġ ma kellhomx għalfejn jaqbdu żewġ karozzi la biex imorru l-Belt Valletta u lanqas biex imorru l-Isptar Mater Dei.

Transport Malta — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti kapitali li se jkunu finanzjati mill-gvern iżda li se jkun maneġjat minn Transport Malta u cioè bħalma huma bini ta' toroq? Jista' jindika l-ammont stmat li se jkun allokat għas-sena 2012?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Lista' ta' proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti kapitali li se jkunu finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' tali proġetti? Jista' jgħid kemm se tammonta l-parti tal-gvern bħala konfinanzjament għall-istess proġetti?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — lista ta' impjegati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-impjegati, bl-indikazzjoni tal-grad ta' kull wieħed, tal-impjegati fi ħdan Transport Malta u liema impjegati ma kenux jagħmlu parti mill-Awtorità dwar it-Trasport kif qabel kienet magħrufa?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — analiżi fl-estimi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi dettaljata stante li dik preżentata fl-estimi ta' Transport Malta 2012 mhija xejn ċara, li turi break analysis dettaljat tad-dħul u ħruġ kollu mill-parti tad-Direttorat għas-sena 2012, flimkien ma' analiżi dettaljata komparattiva tal-istess għas-sena 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bormla — Sur San Pawl - ħofor fit-trejqa għall-appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jara li għal anqas jimtlew il-ħofor kbar li hemm fit-trejqa li tagħti għall-appartamenti f'Sur San Pawl Bormla ?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li t-trejqa in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mellieħa — xogħlijiet fit-toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq arterjali li bħalissa qed isiru fl-inħawi tal-Mellieħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fil-Bypass ta' Penellu, Mellieħa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2012, fil-waqt li dak fi Triq il-Marfa, Ċirkewwa, Mellieħa - huwa mistenni li jitlesta għall-aħħar ta' Lulju 2012. Dan dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevist.

Transport Malta — San Pawl il-Baħar - toroq irranġati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar li jaqgħu taħt ir-responsabiltà ta' Transport Malta biex isiru mill-ġdid, jew li qatt ma saru, u meta hu mistenni li dawn l-istess toroq jinbnew/jiġu rranġati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Livell ta' konnettività bl-IT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32672 dwar studju biex jiġi stabbilit il-livell ta' konnettività bl-IT biex f'Għawdex ikun hemm is-sapport meħtieġ għal livell b'saħħtu f'dan is-settur u fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru talabni nindika jekk kontx qed nirreferi għall-persentaġġ ta' konnettività fid-djar jew għall-qawwa tal-konnettività f'Għawdex, nirreferi lill-Ministru għad-dokument ta’ Eko-Għawdex paġna 12 Sezzjoni 2.1 Ekonomija fejn il-Gvern qed jipproponi li “assess the level of the IT connectivity required by Gozo to support a healthy level of activity in this sector” u peress li kont għamiltha lill-Ministru għal Għawdex li minn naħa tagħha talbitni nagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, jista’ l-Ministru allura jara għalxiex qed tirreferi din il-proposta u jagħtini t-tagħrif mitlub fl-imsemmija mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Nista nikkonferma li minn naħa tal-MCA ma sarux studji ta’ dan it-tip fl-2010 u fl-2011. Madanakollu, nista nghid li għalkemm il-livell ta' konnettivita’ bejn Malta u Għawdex hu sufficienti għall-bżonnijiet tal-lum, l-avvanzi fit-teknoloġija, u l-miri tal-gvern fir-rigward tal-livell ta użu tal-ICT, kemm mill-individwi kif ukoll mill-intrapriżi għall 2020, jirrikjedu li isir kull sforz biex jiġu stallati aktar ‘ cables’ bejn Malta u Għawdex. Fir-rigward tal-aspetti ta’ konnettività għall-utenti, illum kull resident f’Malta u Għawdex għandu dritt għall-konnessjoni ta’ mhux inqas minn 4Mbps (f’każijieti eċċezzjonali 2Mbps). F’Għawdex ukoll l-MCA qed topera tletin (30) Wi-Fi ‘hotspot’ b’xejn, waqt li ġie stabbilit ċentru fix-Xewkija operat bejn l-MCA u l-ETC li joffri taħriġ issussidjat fl-użu tal-informatika.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Patri Andrew Azzopardi - Bini tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34033 u jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbena Triq Patri Andrew Azzopardi Ħaż-Żebbuġ peress li f'din it-triq hemm ħafna residenti u fl-istat li hi toħolqilhom inkonvinjent kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

informazzjoni dwar it-tul tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsaxlokk — Triq San Franġisk - periklu għat-tfal tal-iskola

Question

B' referenza għall-ittra li ġġib id-data tad-19 t'April mibgħuta mill-Kunsill lokali ta' Marsaxlokk lil Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju tal-periklu li qed jiġu esposti għalih ta' kuljum it-tfal tal-iskola, għaliex Triq San Franġisk mhux qed tingħalaq kif , u fil-ħinijiet li talab saħansitra l-Kunsill tal-Iskola? Għaliex minkejja dan il-periklu, sal-lum għadu ma sar xejn dwar it-talba tal-kunsill lokali għall-ftuħ ta' Triq S. Bartolomi, li tista' tkun instrumentali biex tissolva din il-problema mingħajr ma jinħoloq aktar inkonvenjent lir-residenti bl-għeluq ta' Triq San Frangisk f'ħinijiet partikulari?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta — Triq Patri Ġużè Delia S.J. - triq li trid titranġa

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex tkun rranġata parti minn triq fil-Mosta li hija Triq Patri Ġużè Delia S.J. kantuniera ma' Triq Camillo Sciberras peress li minn din it-triq tgħaddi l-karozza tal-linja X3 u tali ħsara qed tikkawża periklu għall-vetturi li jkunu ġejjin isuqu fl-istess triq tal-vettura?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li dan ix-xogħol ma jaqax taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

rifjut biex cruise liners jużaw il-port ta' San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (u qabilha l-Awtorità Marittima ta' Malta) qattx irrifjutat il-permess lil xi cruise liners biex jidħlu fil-port ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva meta sar din ir-rifjut?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta, jew l-Awtorità Marittima ta' Malta qabilha, ma rċevietx talbiet sabiex cruise liners isorġu ġewwa San Pawl il-Baħar.