Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Kandja – Shooting Range – Field Officer u Project Manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-Field Officer u l-Project Manager tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja? Kif intgħażlu? X’inhu s-salarju u l-perkaċċi tagħhom? X’kundizzjonijiet ta’ xogħol u doveri għandhom dettaljatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Site Officer tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja ġie magħżul b’direct order b’salarju ta’ €18.00 (mingħajr VAT) għal kull siegħa, sa massimu ta’ €33,264.00. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-doveri ta’ din il-persuna, li isimha qiegħed jingħata separatament lill-Onor. interpellant, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il- Project Manager tax- Shooting Range f’Ta’ Kandja kienu G.C. Consultants Ltd., li kienu ingaġġati għal numru ta’ proġetti u li x- shooting range kien wieħed minnhom. Din il-kumpanija, li titħallas €5,000.00 (mingħajr VAT) fix-xahar, intagħżlet b’ direct order u tipprovdi xogħol ta’ konsulenza. Ebda wieħed minn dawn t’hawn fuq m’għandu perkaċċi.

Libreriji pubbliċi – kotba bil-lingwa Taljana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kotba bil-lingwa Taljana fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi tagħna? Jista’ jgħid ukoll kemm kotba ġodda bl-istess lingwa nxtraw tul dawn l-aħħar erba’ snin u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sistema preżenti ta’ Malta Libraries bħalissa ma tipprovdix l-informazzjoni li turi kemm hemm kotba bil-lingwa Taljana fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi. Rigward kotba ġodda mixtrija, infurmat li matul dawn l-aħħar erba’ snin inxtraw 157 ktieb bil-lingwa Taljana, filwaqt li 15-il ktieb ieħor ġew mogħtija b’donazzjoni.

Libreriji pubbliċi – kotba bil-lingwa Franċiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kotba bil-lingwa Franċiża fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi tagħna? Jista’ jgħid ukoll kemm kotba ġodda bl-istess lingwa nxtraw tul dawn l-aħħar erba’ snin u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sistema preżenti ta’ Malta Libraries bħalissa ma tipprovdix l-informazzjoni li turi kemm hemm kotba bil-lingwa Franċiża fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi. Rigward kotba ġodda mixtrija, infurmat li matul dawn l-aħħar erba’ snin inxtraw 105 ktieb bil-lingwa Franċiża, filwaqt li 13-il ktieb ieħor ġew mogħtija b’donazzjoni.

Libreriji pubbliċi – kotba bil-lingwa Ġermaniża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kotba bil-lingwa Ġermaniża fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi tagħna? Jista’ jgħid ukoll kemm kotba ġodda bl-istess lingwa nxtraw tul dawn l-aħħar erba’ snin u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sistema preżenti ta’ Malta Libraries bħalissa ma tipprovdix l-informazzjoni li turi kemm hemm kotba bil-lingwa Ġermaniża fil-katalogu tal-libreriji pubbliċi. Rigward kotba ġodda mixtrija, infurmat li matul dawn l-aħħar erba’ snin inxtraw 92 ktieb bil-lingwa Ġermaniża, filwaqt li 27 ktieb ieħor ġew mogħtija b’donazzjoni.

Proġett fis-sajf dwar l-assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett fis-sajf dwar l-assenteiżmu? Kemm kien hemm studenti li bbenefikaw minn dan il-proġett mogħti minn social workers f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sajf il-Ħaddiema Soċjali jippjanaw appuntamenti fl-uffiċċju ma’ ġenituri ta’ studenti tal-iskejjel primarji li kienu assenti mill-iskola għal aktar minn 20 jum mingħajr awtorizzazzjoni matul is-sena skolastika. Il-ġenituri ta’ dawk l-istudenti li fallew 30 ġurnata b’kollox, inkluż il-jiem li kienu koperti biċ-ċertifikati mediċi, ġew ikkuntattjati wkoll. Prijorità tingħata lil dawk l-istudenti li fallew l-aktar u dawk li ma sarx kuntatt magħhom matul is-sena skolastika. Saru wkoll kuntatti ma’ bosta studenti sekondarji li fallew aktar minn 25 jum mingħajr awtorizzazzjoni. Il-ġenituri/kustodji ta’ dawn l-istudenti ġew infurmati permezz ta’ ittra bl-appuntament tal-uffiċċju skedat mal-Ħaddiema Soċjali fl-iskejjel jew fl-uffiċini rispettivi. Meta l-ġenituri ma tfaċċawx u lanqas ma ntlaħqu bit-telefown, saru żjarat fid-djar mingħajr twissija. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, infurmat li t-tagħrif mitlub qiegħed jiġi finalizzat min-National School Support Services fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li bħalissa jkun qiegħed jiġbor u jgħaqqad id-data tax-xhur tas-sajf. Dan it-tagħrif ikun jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Informazzjoni Addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL 2296 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 145, l-Erbgħa 17 ta' Ottubru 2018)

Servizz ta’ Speċjalisti għat-Tfal b’Diffikultà fl-Imġiba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettall fiex jikkonsisti s-servizz ta’ speċjalisti għat-tfal b’diffikultà fl-imġiba? Kemm-il sessjoni jkollu kull student mal-professjonisti? Kemm kien hemm studenti li bbenefikaw minn dan is-servizz matul il-ħames snin li għaddew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispeċjalista tal-SEBD (Social, Emotional and Behavioural Difficulties) toffri s-sapport tagħha kemm lill-iskejjel primarji kif ukoll dawk sekondarji ma’ studenti li għandhom diffikultajiet fl-imġiba emozzjonali u soċjali. Tagħti wkoll is-sapport lill-edukaturi li jaħdmu mal-istess student. L-ispeċjalista taħdem f’kollaborazzjoni ma’ professjonisti oħra fi ħdan id-dipartiment, ma’ aġenziji esterni oħra, kif ukoll mal-ġenituri/kustodji. L-istudent li jiġi riferut għal dan is-servizz ikun osservat mill-istess persuna fil-klassi u tagħti miżuri ta’ prattika hands on lill-edukaturi tal-klassi sabiex tnaqqas l-imġiba mhix xierqa li jkun qed joħloq l-istess student. Hija tara bl-aħjar mod kif qed jiġi implimentat u b’liema mod qed jiġi effettiv il-programm ta’ modifikazzjoni ta’ mġiba u tevalwa l-eżitu tal-istess programm. In-numru ta’ sessjonijiet jiddependi min-natura tal-każ. Infurmat li n-numru ta’ studenti li bbenefikaw minn dan is-servizz mis-sena skolastika 2014 sas-sena skolastika 2017-2018 kien ta’ 98 student.

Għalliema – class allowances

Question

B’referenza għall-Class Allowance li l-Gvern ta bħala rikonoxximent lill-għalliema li ilhom 20 sena jgħallmu, filwaqt li din hi miżura ta’ min ifaħħarha, il-ftehim ħalla barra lill-għalliema li għamlu snin jgħallmu bħala supply jew graduate supply, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jirrikonoxxi s-snin ta’ tagħlim li għamlu l-għalliema li kienu supply/graduate supply ? Jekk iva, f’liema stadju wasal il-proċess u meta se jiġi rikonoxxut is-snin ta’ servizz ta’ dawn l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Class Allowance li tirrikonoxxi lill-għalliema li ilhom 20 sena jgħallmu skont il-ftehim settorali hi għall-għalliema li jinsabu fi skala 7.

Ta’ Kandja – direct order għall kull xogħol relatat max-shooting range

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull direct order għal kull xogħol relatat max-shooting range f’Ta’ Kandja, lil min ingħatat, id-data ta’ meta ngħatat, l-ammonti rispettivi u f’kull każ jgħid jekk hu kienx infurmat jew approvax kull direct order elenkata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-lista ta' Direct Orders għal kull xogħol relatat max-shooting range f’Ta’ Kandja hija dik li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn intalbu minn SportMalta u ngħataw l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi skont il-proċeduri finanzjarji stabbiliti.

American University of Malta – tabella mal-ħajt tal-Baċir Numru Wieħed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk 'l hekk imsejħa American University of Malta kellhiex il-jedd li twaħħal tabella tagħha mal-parti esterna tal-ħajt tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’referenza għal din il-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, jirregola biss il-lat edukattiv.

Skejjel tal-Istat – kunsill skolastiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li għandhom Kunsill Skolastiku min-numru totali ta’ Skejjel tal-Istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel statali primarji u sekondarji u dawk post-sekondarji kollha għandhom Kunsill Skolastiku. Hemm żewġ skejjel li m’għandomx. Dawn huma l-iskola Malta Visual and Performing Arts, il-Ħamrun, u Ġuże Ellul Mercer 16+, il-Gżira. Dawn ser ikollhom l-elezzjonijiet f’Jannar 2019.

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi u f’liema skejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi saru f’Jannar tal-2017. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skejjel fejn saru l-elezzjonijiet jew tal-ġenituri jew tal-għalliema. Fl-iskejjel l-oħra ma kienx hemm bżonn issir elezzjoni peress li kien hemm in-numru eżatt ta’ kandidati.

Ġenituri rappreżentanti fil-Kunsilli Skolastiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri rappreżentati fil-Kunsilli Skolastiċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull skola statali fejn hemm Kunsill Skolastiku hemm tliet ġenituri u tliet edukaturi.

Kunsilli Skolastiċi – ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri fil-Kunsilli Skolastiċi li huma ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentri tar-Riżorsi kollha, jiġifieri: Kulleġġ t’Għawdex, Sannat Special Unit, Sannat Għawdex Kulleġġ San Benedittu Helen Keller Resource, Qrendi Kulleġġ San Ġorġ Preca, Guardian Angel Resource Centre, Ħamrun Kulleġġ Santa Klara San Miguel Primary Education Resource Centre, Pembroke u Kulleġġ Marija Reġina, Wardija Resource Centre għandhom Kunsill Skolastiku. F’dawn il-kunsilli hemm ġenituri li għandhom tfal bi bżonnijiet speċjali. Fl-iskejjel statali l-oħra, din l-informazzjoni ma tinġabarx minħabba l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Kunsilli Skolastiċi — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ġeneralment x’jiġi diskuss waqt il-laqgħat tal-Kunsilli Skolastiċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li waqt il-laqgħat tal-Kunsilli Skolastiċi kull kunsill jiddiskuti affarijiet pertinenti għall-iskola partikolari. Xi suġġetti komuni li jiġu diskussi, fost ħafna suġġetti oħra, huma dawn li ġejjin: Proġetti tal-Erasmus School Development Plans Open Days Celebration days Audit Report School Management System Sports Day Christmas activities Tuck shop Student Council matters Financial updates School Refurbishment Parents’ Day Exam results Teaching Practice Induction Day for Year 7 students

Skejjel sekondarji tal-istat – studenti bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bi bżonnijiet speċjali (statemented) fi skejjel sekondarji tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali (statemented) fi skejjel sekondarji tal-istat huwa ta’ 1,148.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Programm Erasmus – Studenti li għażlu li jattendu Università barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-Università ta’ Malta li għażlu li jattendu Università barranija permezz tal-Programm Erasmus matul is-sena Universitarja 2017/2018? Jista’ jgħid liema pajjiżi ġew magħżula minn dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' studenti li bbenefikaw s'issa mill-programm tal-Erasmus+ matul is-sena akkademika 2017-18, kien ta' 332. Il-pajjiżi li l-istudenti tal-Università ta' Malta marru fihom huma: ir-Renju Unit, l-Olanda, l-Irlanda, Franza, il-Polonja, l-Italja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Finlandja, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja, il-Ġermanja, l-Ungerija, id-Danimarka, il-Greċja u l-Iżlanda.

Università ta’ Malta – studenti li mhumiex ta’ nazzjonalita Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija li segwew kors ġewwa l-Università ta’ Malta matul is-sena Universitarja li bdiet fis-sena 2017 u ntemmet fl-2018? Jista’ jagħti lista skont in-nazzjonalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numri ta' studenti, skont in-nazzjonalità tagħhom, li mhumiex ta' nazzjonalità Maltija u li segwew kors ġewwa l-Università ta' Malta matul is-sena akkademika 2017/18.

Santa Luċija — Skola San Tumas More – tiswijiet fil-bieb prinċipali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6623 dwar il-bieb ta’ fuq wara tal-Iskola San Tumas More, Santa Luċija, li jagħti għal Triq Ħal Luqa, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol huwiex finalizzat u jekk iva, kemm ġie jiswa? Jistgħu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ġewwa l-iskola, senjatament fl-ispazju estern tagħha għax tinsab mimlija b’ħaxix ħażin jew niexef?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istima totali fuq dan il-bieb, inkluż ix-xogħol anċillari, hija ta’ €6,263.50. Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ġew finalizzati. Infurmat ukoll li sar il-qtugħ tal-ħaxix fl-ispazju indikat.