Legislature:
Category:
Reset
Active:

Noise Control Commission

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2915, tista’ l-Ministru tgħid f’liema perjodu/perjodi kienet tiffunzjona n-Noise Control Commission? Tista’ tgħid jekk kinux ingħataw pariri lill-Ministru kkonċernat dwar storbju ġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali inkluż bars, ristoranti, hotels, postijiet ta’ divertiment eċċ? Jekk iva, x’kienu l-pariri li ngħataw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-Noise Control Commission kienet topera sa mhux aktar tard mill-2019 u kwalunkwe pariri tathom f’leġiżlatura differenti. Fir-rigward tal-istorbju li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta, dan huwa kopert b’qafas legali li dwaru tista’ tressaq il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Enemalta – Applikazzjonijiet għal bozoz ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il applikazzjonijiet għall-bozoz ġodda daħlu għand l-Enemalta matul din is-sena għal kull lokalità tas-7 u tat-12-il distrett, separatament għal kull lokalità? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati, u kemm le? Fejn ma ġewx approvati x'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-lokalitajiet li qed tirreferi għalihom, matul din is-sena daħlu 117-il applikazzjoni għad-dwal fit-toroq. 109 applikazzjoni ġew approvati u 8 għadhom qed jinħadmu. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, maqsuma skont il-lokalità.

Enemalta — Executive Director tal-Finanzi

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-Executive Director tal-Finanzi tal-Enemalta? Peress li l-aħħar audited accounts li ġew ippubblikati juru li l-Enemalta tilfet għexieren ta’ miljuni f’sena waħda biss, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk din il-persuna responsabbli mill-finanzi, ingħatax żidiet kemm ilha tokkupa din il-kariga u kemm kienu?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-audited accounts li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant jindikaw biċ-ċar li t-telf soffert mill-EneMalta kien riżultat ta’ diversi fatturi internazzjonali, it-tnaqqis fid-dħul li kkawżat il-pandemija u l-ispejjeż relatati mal-inċident tal-interconnector. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt mitlub. Il-kundizzjonijiet applikabbli huma dawk stabbiliti għal pożizzjonijiet simili fil-livell maniġerjali u kwalunkwe żieda titħallas skont il-provvedimenti tal-istess kuntratt.

Kalkara: Ġnien ir-Rinella — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Ġnien ir-Rinella, il-Kalkara tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ġnien Rnella infetaħ nhar l-Erbgħa u se jservi bħala spazju aħdar għar-rikreazzjoni soċjali kemm għall-familji u kif ukoll għat-turisti, mingħajr ma tilef il-prestiġju storiku tiegħu. Dan il-proġett qed iħares l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u l-protezzjoni tal-ambjent naturali. L-introduzzjoni ta’ solar paving, smart benches u kif ukoll solar smart bins, jifformaw parti minn strateġija ferm akbar li tenfasizza l-importanza ta’ enerġija nadifa u arja aħjar. Is-Solar Paving se jkun qed jiġġenera biżżejjed enerġija għall-użu tal-ġnien. L-ilma tax-xita kollu li jaqa’ ġewwa l-ġnien qed jinġabar f’erbat ibjar u wara jkun jista’ jintuża għat-tisqija neċessarja f’sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika. Fiċ-ċentru tal-Belvedere ġiet installata ‘drinking water fountain’, li se tkompli żżid l-faċilitajiet għal-viżitaturi tal-istess ġnien. Tħawlu numru ta’ siġar u pjanti indiġeni biex joffru ambjent isbaħ li jkun jista’ jservi bħala spazju edukattiv għall-istudenti u l-familji.

Santa Luċija: Ġnien iċ-Ċiniżi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Ġnien iċ-Ċiniżi, Santa Luċija tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proġett fuq spazju miftuħ ġewwa Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija qiegħed fl-istadju ta’ evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti. Dan is-sit se jiġi trasformat fi spazju rikreattiv ieħor mhux biss għat-tfal imma għal persuni ta’ kull età.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kappuċċini – sinjali tat-traffiku

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kappuċċini f’Ħaż-Żabbar, tista’ l-Ministru tara li jerġgħu jsiru s-sinjal mal-art inkluż stop signs u marki sofor peress li wara li fl-aħħar sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skemi għal insulazzjoni tas-soqfa u għad-double glazing

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk u meta ser jerġgħu jiftħu l-iskemi ta’ għotjiet għall-insulazzjoni tas-soqfa u għad-double glazing, fiex ser ikunu jikkonsistu, għal liema lokalitajiet u jekk hux ser ikunu retrospettivi sabiex jinkludu installazzjonijiet li saru fil-perjodu li dawn l-iskemi kienu magħluqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu kkunsidrati l-aktar skemi opportuni. Il-Gvern ser jibqa’ jinċentiva l-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Dettalji ta’ skemi li joħroġ l-Gvern jitħabbru fil-mument opportun.

Proġetti ta' parks, spazji miftuħa u afforestazzjoni

Question

Tista' l-Ministru telenka lista ta' proġetti ta' parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili li diġà bdew u mhux mistenni li jkunu lesti sal-aħħar tal-2022 u tinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali, u kemm mistennija tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – infiq ta’ flus fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2828 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta’ ġbir tal-borża tal-iskart riċiklat

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3021, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li dawk il-lokalitajiet li għandhom ġurnata waħda biss fil-ġimgħa li fiha jsir il-ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat jibdew jirċievu dan is-servizz għal aktar minn darba fil-ġimgħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart li jwassal sas-sena 2030, sal-aħħar ta’ din is-sena il-lokalitajiet kollha se jkollhom l-istess tip u livell ta’ ġbir matul il-ġimgħa. Dan qed isir ukoll bħala parti mill-proċess ta’ ‘regionalisation’ tal-ġbir tal-iskart li qed jitmexxa mir-Reġjuni Lokali. Il-pjan jipprevedi li l-ġabra tal-iskart domestiku tal-borża s-sewda jibda jinġabar darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt, sabiex imbagħad nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa jinġabar l-iskart organiku u nhar ta’ Erbgħa jinġabar l-iskart riċiklabbli.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — infiq f’reklamar fuq media

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2753 u tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2017 sal-lum, l-ammont imħallas fir-riklamar li qed jirreferi għalih kien ta’ ftit inqas minn tliet mija u sittin elf ewro (EUR 359,350).

Żejtun – Triq Toni Zahra – riħa qawwija tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tara ma’ dawk konċernati li tinstab soluzzjoni fi Triq Toni Zahra ġewwa ż-Żejtun, speċjalment il-parti ta’ ġewwa minħabba li hemm riħa qawwija ta’ drenaġġ? Tapprezza l-Ministru li dan huwa inkonvenjent lil dawn ir-residenti u allura l-urġenza fl-azzjoni hija meħtieġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korprazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għadha kemm lestiet intervent temporanju billi għamlet xogħol preventiv fuq it-tappieri fl-inħawi sabiex tittaffa l-problema ta’ rwejjaħ. Hemm bżonn isir xogħol iktar sinifikanti sabiex ikun hemm soluzzjoni permanenti u dan billi madwar tmenin fil-mija tad-drenaġġ li jgħaddi minn din it-triq jkun ddevjat f’postijiet fejn is-sistema tiflaħ iżjed.

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proġetti relatati mal-medical cannabis

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-proġetti relatati mal-medical cannabis approvati mill-Malta Enterprise fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena kemm minnhom fil-verità bdew joperaw u kemm minnhom għadhom joperaw fil-preżent? Tista' tgħid kemm hemm impjegati f'kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, tista’ l-Ministru tgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx tali persuni.

REWS – Ħatra ta’ Uffiċjal Eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tiċċara min hu finalment responsabbli għall-ħatra tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fi ħdan ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) tenut kont li l-artikolu 6(7) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 jipprovdi li l-ħatra ta’ dan l-uffiċjal issir kemm mir-Regolatur kif ukoll mill-Ministru: “(7) L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u l-kapijiet tad-direttorati, dipartimenti, diviżjonijiet u sezzjonijiet għandhom jinħatru mir-Regolatur għall-perijodu stabbilit mir-Regolatur li fl-ebda każ m’għandu jkun inqas minn tliet snin: Iżda l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni għandu jkun maħtur mill-Ministru.”. F’dan ir-rigward, tista’ l-Ministru tqis li tiġi emendata l-liġi biex jiġi ċċarat dan il-punt u ma jkunx hemm dubji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-traskrizzjoni ta’ laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi li kienet saret nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju 2015, fejn, waqt li kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, kien tqajjem dan il-punt u kien ġie spjegat li fl-abbozzar ta’ liġi hija ħaġa normali li l-ewwel tiġi speċifikata r-regola ġenerali u mbagħad isir provvediment għal kwalunkwe deroga. Kien intqal li kuntrarju għal dak li kien isir fil-passat, fejn il-Ministru kien jappunta kemm lis-CEO kif ukoll il-kapijiet ta’ direttorati u ta’ units oħrajn, fil-każ tal-liġi li dakinhar kienet qed tiġi diskussa kien se jkun biss l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni li kien se jinħatar mill-Ministru.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtha ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Far – Riħa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta’ ħut

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x' passi ttieħdu mill-ERA biex tkun investigata riħa insapportabbli li ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa? Tista’ tgħid jekk din il-fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut hix tiffunzjona skont l-Environmental Permit maħruġ lilha mill-ERA?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2997.

Manikata direzzjoni lejn ix-Xemxija – tqegħid ta’ mains tal-ilma

Question

Billi matul l-aħħar xhur saru xogħlijiet ta’ tqegħid ta' numru ta' mains tal-ilma mill-Manikata fid-direzzjoni tax-Xemxija u billi partijiet minn dawn il-mains ilhom ix-xhur li tqiegħdu mingħajr ma ngħata l-wiċċ finali tat-triq fejn saru dawn ix-xogħlijiet, bil-konsegwenza li qed jirriżulta periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn dawn l-inħawi, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fejn hemm il-gandott li fih tqiegħdu l-mains, fil-fatt jingħata wiċċ ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ix-xogħol f’din it-triq għadu għaddej, u miexi skont il-programm mibgħut u kkonfermat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Il-Mellieħa – Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ fiċ-Ċumnija

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta’ drenaġġ li preżentament qed jiġi ttrattat u kemm hu l-ammont massimu previst li jista’ jiġi ttrattat mill-impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ fiċ-Ċumnija, il-Mellieħa? Tista’ tgħid kemm hu maħsub li jiżdied l-ammont ta’ drenaġġ li ser jiġi ttrattat, sena b’sena, matul is-snin li ġejjin mill-istess impjant, speċjalment minħabba l-probabilità ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni fil-lokalitijiet li minnhom jasal id-drenaġġ f’dan l-impjant? X’passi se jittieħdu biex jiġi assigurat li matul is-snin li ġejjin l-impjant ilaħħaq mad-domanda għal trattament tad-drenaġġ li jasal fih? Tista’ tgħid jekk dan l-impjant hux maħsub li jitkabbar jew jiġi upgraded? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2021, l-impjant imsemmi tratta medda ta’ ftit inqas minn 8,800 metru kubu ta’ drenaġġ kuljum. Il-massimu li bħalissa jiflaħ l-impjant hu ta’ 10,000 metru kubu kuljum. L-istimi eżistenti jindikaw li sal-2030, l-impjant jista’ jkun qed jirċievi medja ta’ bejn it-13,000 u l-15,000 metru kubu ta’ drenaġġ kuljum. Madankollu, ninsab infurmata li f’dan l-istadju wieħed ma jistax jagħti stima annwali b’mod preċiż għax ix-xejriet tal-aħħar snin kienu impattati mil-pandemija. Fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi tħejjijiet sabiex l-impjant imsemmi u kif ukoll is-sistema tad-drenaġġ fit-tramuntana ta’ Malta jsirilhom titjib sostanzjali sal-2025. Dawn l-interventi se jibdew is-sena d-dieħla.