Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti ta' Ħal Safi fuq l-istallazzjoni ta’ radar kbir fil-barracks tas-suldati f'Ħal Safi? Fil-każ li r-risposta hija fin-negattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan kienx nuqqas daparti tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u għaliex ġara hekk? Kien hemm xi oggezzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi fuq l-istallazzjoni tar-radar?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzja tar-radam fil-barriera ta' Wied Inċita f'Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard, li r-ritratti u d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Għaliex mhux jitteħdu passi sabiex l-għoli tar-radam f'Wied Inċita ma jibqax jogħla aktar? Għaliex ma tteħdux passi sabiex l-impjant tal-bricks bla permess li hemm f'Wied Inċita jieqaf jaħdem? Għaliex għadhom ma ttieħdu l-ebda passi sabiex fil-barriera f'Wied Inċita, Attard, li hi art tal-Gvern mogħtija b'ċens temporanju, fejn it-tqattigħ fil-barriera spiċċa jerġa' jiġi riabilitat għall-art agrikola u dan kif obbligat jagħmel skont il-kuntratt taċ-ċens temporanju?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20407 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20197, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-tneħħija tat-taraġ storiku f'Melita Street bejn Triq id-Dejqa u Triq l-Ifran hux kopert bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20336 u jgħid kemm daħlu ilmenti lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn ċittadini privati dwar trab iswed fil-proprjetà tagħhom sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema lokalità dawn iċ-ċittadini kienu ġejjin?
Fgura u Tarxien — Studju fuq l-impatt fuq is-saħħa minħabba trab iswed
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20337 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'jgħidu l-esperti tiegħu dwar l-impatt li jista' jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar it-trab iswed li misterjożament qed jaqa' fil-btieħi, bjut u fl-aperturi tad-djar tal-familji tal-irħula suiccitati? Saru studji dwar dan? X'ġie konkluż? Min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar risposta li ta’ l-Onor. Ministru tas-Saħħ, Anzjani u Kura fil-Komonita’ f’ mistoqsija Parlamentari nru. 20337
Jista' l-Prim Ministru jara li l-postijiet storiċi importanti li nbidlilhom isimhom tul iż-żmenijiet, ikollhom ukoll l-isem preċedenti miżjud bi prominenza fuq il-faċċata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għall-liema postijiet storiċi qed jirreferi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20481 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandiex policy dwar bus depots? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din il-policy ma teżistix jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm tali policy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li matul is-snin il-MEPA nediet numru ta’ policies li kellhom x’jaqsmu mat-trasport fosthom policy PTR 11 fil-Pjan ta’ Struttura li titratta l-bus depots b’mod speċifiku. Minn mindu twaqfet l-Awtorità Dwar it-Trasport u wara it-Transport Malta dawn il-policies bdew b’mod gradwali jiġu integrati u aġġornati minn dawn l-aġenziji.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20483 u jgħid, bħala l-Ministru responsabbli mill-politika ambjentali kif ukoll mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fejn jistgħu jirrikorru ċittadini li jkunu jixtiequ jirrappurtaw xi tip ta' rapport marbut ma' kull tip ta' abbuż jew problema ambjentali? Fid-dawl ta' dan jista' jinvestiga ftit x'ġara fil-premises ta' kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li fl-20 ta' Ottubru 2010 xi residenti semgħu splużjoni fil-premises tagħhom u minkejja li ppruvaw jirrappurtaw lil xi awtorijatjiet governattivi ma wasslu mkien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li meta jkun hemm xi każ ta’ abbuż ambjentali, ċittadini jistgħu jċemplu fuq 20699595 biex jirrapurtaw. Il-każ ta’ allegat splużjoni fuq Hompesch Steel qed jiġi investigat.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20434 u 19748 u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20390 u 20237 u jispeċifika x'inhu awtorizzat li jiġi ġestit kummerċjalment skont il-permit tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-fond ġo Sliema/San Ġiljan li l-informazzjoni dwaru qed tingħata separatament? Jista' jispeċifika jekk il-mużika hijiex permessa li tindaqq fl-istess fond u jekk iva, x'inhuma l-limitazzjonijiet mposti mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mil-Licencing Department?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — persuni magħżula fuq bordijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula l-persuni sabiex iservu bħala membri fuq il-bordijiet li se jissostwixxu l-bordijiet tad-DCC fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? X'inhi r-raġuni għala dawn il-persuni kellhom bżonn l-approvazzjon tal-Ministru, f'dan il-każ il-Prim Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-Sejħa pubblika li saret għall-persuni interessati sabiex iservu bħala membri tal-Kummissjoni għall-Ambjent u l-Ippjannar. F'dan l-Avviż hemm imniżżla ir-rekwiżiti mitluba. Nirreferi ukoll lill-Onorevoli Interpellant għal klawsola 35(2) tal-Liġi għall-Ambjent u Żvilupp li tgħid li l-membri tal-Kummissjoni iridu jinħatru mill-Prim Ministru.
Żejtun — Housing Estate ta' Ganza - inkonvenjent tat-trasport
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20482 u ċioe: Peress li bosta residenti Żwieten qed jilmentaw mill-fatt li kumpannija ewlenija fit-trasport f'pajjiżna, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u li qed toħloq inkonvenjent f'żona residenzjali 'l isfel mill-Housing Estate Ta' Ganza fiż-Żejtun stess, jista' l-Prim Ministru jgħid x'alternattivi hemm biex dan l-inkonvenjent ma jibqax? Jista' jgħid ukoll jekk dan il-kuntrattur ġiex avviċinat biex jinstabu alternattivi minn fejn jista' jaħdem mingħajr ma jkun ta' inkonvenjent għal xi residenti? X'kienu dawn l-alternattivi jew soluzzjonijiet?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Armata tippermettix sabeix membri tagħha jmorru jistudjaw l-Università matul il-ħin tax-xogħol? Jista' jgħid kemm kien hemm min ibbenefika minn din l-opportunità matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Għalxiex daħlu jistudjaw f'kull każ u fiex iggradwaw? Xi jkunu l-vantaġġi u benefiċċji li tgħaddi l-Armata lil min ikun irnexxielu jispiċċa l-kors?
Nefqa f'konsulenza mill-ministeri u segretarji parlamentari
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17731 u jgħid kemm intnefqu flus f'konsulenza fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 mill-ministeri u segretarjati ta' segretarji parlamentari, dekasteru b'dekasteru?
rilokazzjoni ta' fabbrika f'Raħal il-Ġdid — ilmenti
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li wasluli minn residenti f’Raħal Ġdid li minħabba r-relocation tal-fabbrika, li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament, fi Triq Pawlu Boffa qed twassal għal aktar tniġġiż tal-arja fl-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment tal-Onor. Interpellant lill-Awtorità kompitenti għall-konsiderazzjoni tagħha.
kunsilli lokali — fondi għall-inizjattivi fil-qasam tal-enerġija
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' fond waqqaf il-gvern għall-użu tal-kunsilli lokali biex jieħdu inizjattivi fil-qasam tal-enerġija nadifa? Min għamel użu minn dan il-fond ċioe liema kunsilli lokali applikaw u liema kunsilli ibbenefikaw? Kemm kien l-ammont finanzjaru għal dan il-fond? Kemm ħa kull kunsill mill-Gvern Malti ? Kemm ħareġ kull kunsill biex titwettaq din l-inizjattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Iskema dwar Proġetti ta’ Enerġija Alternattiva 2010 li l-Gvern Ċentrali nieda għall-kunsilli lokali permezz ta’ Memo 10/2010 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali nhar it-8 ta’ Jannar 2010.
Ninsab infurmat li din l-iskema tinsab fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-48 kunsilli lokali li applikaw taħt din l-iskema b’65 sottomissjoni, l-Onor. Interpellant jifhem li aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw fil-mument opportun.
Intant, kif anke jaf l-Onor. Interpellant, peress li huwa jirċievi kopja ta’ kull Memo li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, inkluż dan il-Memo partikolari, il-fond għal din l-iskema huwa ta’ mhux aktar minn € 300,000 u kull kunsill jista’ jingħata sa massimu ta’ € 10,000.
fondi lill-kunsilli lokali — attivitajiet kulturali u sportivi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' fond waqqaf il-gvern biex jintuża għal attivitajiet kulturali u għal attivitajiet sportivi mill-kunsilli lokali? Min għamel użu minn dan il-fond ċioe liema huma il-kunsilli lokali? Kemm ħa kull kunsill lokali mill-Gvern Ċentrali ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-iskemi dwar l-attivitajiet kulturali u inizjattivi sportivi li l-Gvern Ċentrali nieda għall-Kunsilli Lokali fuq inizjattiva tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, kunsilli lokali u Konsultazzjoni Pubblika, permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali f’dawn l-aħħar sentejn. Ta’ min inżid li l-iskema dwar l-attivitajiet kulturali ssir bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu waqt li dik favur aktar inizjattivi sportivi fil-lokalitajiet issir bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Isport.
Ninsab infurmat li huma bosta l-kunsilli lokali li ħadu vantaġġ minn dawn l-iskemi u nedew diversi inizjattivi sportivi u attivitajiet kulturali. Għaldaqstant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra erba’ tabelli (Tabelli 1-4 – PQ 20123) li jagħtu dettalji tal-attivitajiet kulturali u inizjattivi sportivi li saru f’diversi lokalitajiet f’dawn l-aħħar sentejn kif ukoll il-flus li kull Kunsill Lokali rċieva taħt dawn l-iskemi rispettivament.
Intant infurmat li fis-6 ta’ Lulju 2010 il-Gvern nieda l-aħħar skema sa issa dwar Inizjattivi ta’ Attivitajiet mill-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 95/2010 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif jaf ben tajjeb l-Onor. Interpellant, peress li huwa jirċievi kopja ta’ kull Memo li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Din l-Iskema dwar Inizjattivi ta’ Attivitajiet tinsab fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tat-58 Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi li applikaw taħt din l-iskema b’87 applikazzjoni (Tabella 5 – PQ 20123), l-Onor. Interpellant jifhem li aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw fil-mument opportun.
Infurmat ukoll li fit-3 ta’ Settembru 2010 il-Gvern Ċentrali nieda wkoll l-aħħar skema sa issa dwar Inizjattivi Sportivi fil-Lokalitajiet għall-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 121/2010 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Din l-Iskema dwar Inizjattivi Sportivi fil-Lokalitajiet għadha kemm għalqet u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali rċieva 38 applikazzjonijiet mingħand 30 Kunsill Lokali u Kumitat Amministrattiv. Filwaqt li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet (Tabella 6 – PQ 20123), l-Onor. Interpellant jifhem li aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw fil-mument opportun.
Mehmuż: Tabella 1 – PQ 20123;
Tabella 2 – PQ 20123;
Tabella 3 – PQ 20123;
Tabella 4 – PQ 20123;
Tabella 5 – PQ 20123
Tabella 6 – PQ 20123
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kunsilli lokali bbenefikaw mill-fondi speċjali? Kemm hu t-total li ħa kull kunsill lokali minn dan il-fond speċjali ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika dwar liema skema partikolari qiegħed jirreferi għaliha
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx fond għal ħidma soċjali fi ħdan il-kunsilli lokali? Min qed jagħmel użu minn dan il-fond? X'tip ta' ħidma qed jagħmel kull kunsill lokali f'dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Iskema ta’ Finanzjament għall-Inizjattivi fil-Qasam Soċjali għall-kunsilli lokali li l-Gvern Ċentrali kien ħabbar permezz ta’ tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali nhar il-31 ta’ Diċembru 2009.
Ninsab infurmat li din l-iskema għadha ma tneditx għalissa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li mhux aċċessibli għal kulħadd? X'passi qed jittieħdu biex din il-problema tispiċċa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kunsilli lokali li l-uffiċini amministrattivi tagħhom mhumiex aċċessibli għal kulħadd. Intant il-bqija tal-kunsilli lokali l-oħrajn li mhumiex fil-lista rrappurtaw lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li huma aċċessibli għal kulħadd.