Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #20756 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Quality Service Charter

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għadux jiġi mħaddem il-Quality Service Charter fid-Dipartimenti tal-Gvern, f’entitajiet tiegħu u f’kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, fejn u x’inhu l-iskop tiegħu u jekk hemmx applikazzjonijiet biex dan jibda jitħaddem minn oħrajn? Jekk inhu hekk minn min saru dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li filwaqt li hemm diversi Dipartimenti u entitajiet li jħaddnu xi forma ta’ Quality Service Charter, il-Gvern ser ikun qed jimxi pass ieħor u jara li jamalgama l-Quality Service Charter f’kuntest aktar wiesgħa. Il-Gvern qed ifassal programm ta’ ħidma, fejn id-Dipartimenti u entitajiet jidħlu għal sistema ta’ moniteraġġ ċentrali li għandu jwassal biex jitjieb mhux biss is-servizz imma anki tiżdiet l-effiċjenza fis-Settur Pubbliku ġenerali.

MTA — policy biex tattira turista mir-Russja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għandhiex policy biex tattira turisti mir-Russja? Jekk iva, x'qed isir? Jekk le, qed tħejji xi policy?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20846 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja tar-Rinella — permessi ta' ristoranti u gabbani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19793, jista’ l-Prim Ministru jelenka l-permessi kollha li ħarġu għall-ristoranti/gabbani/snack bars fil-bajja tar-Rinella u fil-viċinanzi tal-bajja tar-Rinella kif mitlub fl-istess mistoqsija msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita`, fil-bajja tar-Rinella hareg permess wiehed ghal snack bar, hekk kif spjegat fi twegiba ghal mistoqsija 19793, cioe` PA 3742/06. Saru zewg applikazzjonijiet ohra ta' dan it-tip, izda dawn ma gewx milqugha. L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ma ħarġet l-ebda permess għall-ristoranti, gabbani jew snack bars fil-bajja tar-Rinella u fil-viċinanzi ta’ l-istess bajja. Wara investigazzjoni l-Awtorità osservat li fl-istess bajja hemm indikazzjoni li jistgħu qed jiġu operati żewġ stabbilimenti tal-ikel mingħajr il-permessi neċessarji ta’ l-Awtorità li ser tkompli tinvestiga u tieħu l-passi neċessarji skont il-liġi.
Leg 11 PQ #20847 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja tar-Rinella — permessi ta' ristoranti u gabbani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19793, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-gabbani/ristoranti/snack bars imsemmija, humiex konformi mal-liġijiet kollha eżistenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 20846.
Leg 11 PQ #20914 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Selmun — Fort Campbell - restawr

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jinvestiga li dak li kien Fort Campbell f'Selmun (għaliex minnu insterqu ħafna affarijiet) jiġi restawrat u użat għal xi skop nazzjonali? X'informazzjoni għandha l-Awtorità dwar dan il-forti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20653.
Leg 11 PQ #20408 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej għat-tibdil tal-karta tal-identità

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19563 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Fondi Ewropej u l-proċess għat-tibdil tal-karta tal-identità? Jista' jagħti l-aħħar dettalji sħaħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proġett ġie approvat kif inhu indikat fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta’ Ġestjoni www.ppcd.gov.mt. Nixtieq ngħid ukoll li kif ġie spjegat waqt mistoqsijiet supplementari fis-seduta tat-Tnejn, 18 ta' Ottubru 2010 fuq l-istess suġġett, bdew diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-proġett mal-kuntrattur. Hu ppjanat li t-tiġdid tal-karti tal-identità jibda lejn l-aħħar kwart tas-sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #20410 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — bir għall-ħażna tal-ilma

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20078 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19205, jista' l-Prim Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-informazzjoni li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hijiex koretta peress li ma naħsibx li tagħmel sens li minn 68 kunsill lokali, 12-il uffiċċju amministrattiv biss għandhom bir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra hija l-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali rċieva mingħand il-kunsilli lokali fit-tweġibiet li taw kull wieħed minnhom għall-Mistoqsija Parlamentari 17865 u li ntbgħatet lilhom permezz ta’ Memo 82/2010. Nemmen li l-informazzjoni li għaddewlna l-kunsilli lokali hija korretta u żgur li ma għandhomx għaliex jgħidu mod ieħor. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi dubju dwar xi tweġiba mingħand xi kunsill partikolari nistiednu jgħaddili d-dettalji sabiex id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jinvestiga skont il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #20425 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Studju fuq l-gżejjer artifiċjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19587 dwar gżejjer artifiċjali, jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istudji irrispettivament mill-eżitu tagħhom? Meta ġew ikkumissjonati u meta ġew mitmuma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ dawn l-istudji. Dan l-istudju ġie ikkumissjunat f’Novembru tal-2006 u x-xogħol fuqu beda f’Marzu tal-2007. L-istudju ntemm f’Settembru tal-2008.
Leg 11 PQ #20427 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — skemi reġistrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li sa l-aħħar tas-sena 2009 kien hemm żewġ skemi reġistrati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skont il-provvedimenti tal-Avviż Legali 277 tas-sena 2006 – dik amministrata minn GreenMT kumpanija sussidjarja tal-GRTU u l-Green Dot Malta Ltd li tħaddan l-iskema Green Pak? Jikkonferma illi filwaqt li l-liċenzja għall-iskema operata mill-Green Dot Malta Ltd ġiet mġedda mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-bidu tas-sena 2010 sal-aħħar tas-sena 2010, dik tas-soċjetà GreenMt Ltd ma ġietx mġedda għal din is-sena iżda ġiet maħruġa waħda ġdida fil-25 ta' Ġunju 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel permess li nħareġ lill-kumpanija GreenPak fil-qasam tal-waste packaging kien fis-7 ta’ Ottubru 2005. Dan il-permess ġie mġedded fil-21 ta’ Diċembru 2009. Kull permess huwa validu sal-31 ta’ Diċembru (l-aħħar tas-sena). L-ewwel permess li nħareġ lill-kumpanija GreenMT fil-qasam tal- wastepackaging kien fl-1 ta’ April 2009 u kien validu sa l-aħħar tas-sena. Bejn Jannar u Ġunju 2010 il-MEPA u l-GreenMT kienu għaddejjin b’diskussjonijiet tekniċi rigward l-applikazzjoni tal-GreenMT liema diskussjonijiet waslu sabiex il-GreenMT tkun f’pożizzjoni li terġa' tapplika għall-permess liema permess ħareġ fil-25 ta’ Ġunju 2010.
Leg 11 PQ #20428 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Green MT — permessi meħtieġa

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li minkejja li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għajr għall-ġimgħa tax-xahar ta' Ġunju, s-soċjetà Green MT ma kellhiex permess jew awtorità mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tagħmel hekk, xorta waħda baqgħet topera l-istess skema u tagħti servizzi ta’ waste management u dan bi ksur dirett tal-artikolu 6 ta’ l-Avviz Legali 337 ta’ l-2001? Jikkonferma li fl-istess perjodu Green MT Ltd saħansitra rkuprat 'il fuq minn sitt elef tunnellata ta’ skart minn wieħed u erbgħin kunsill lokali differenti ġewwa pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20429 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kwestjoni dwar permessi lil Green MT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet qed tmur kontra kull prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq, meta minkejja li l-liċenzja li ġiet maħruġa lis-soċjetà Green MT Ltd inħarġet fil-25 ta' Ġunjun 2010, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha kontra dak li jsir is-soltu tat permess lill-istess kumpanija sabiex tkopri l-obbligazzjonijiet tal-membri tagħha b’effett mill-1 ta' Jannar 2010 u sabiex tirraporta l-attività tagħha ta’ l-irkupru u riċiklaġġ tal-iskart fil-perjodu meta l-istess skema kienet qed topera b’mod allegatament illegali? Jekk dan huwa minnu ma jaħsibx li dan imur kontra l-permess innifisu għaliex fl-istess liċenzja hemm indikat illi l-permess huwa validu mill-bidu tas-sena 2010 u għaldaqstant b’dan l-aġir l-istess awtorità kienet b’mod konxju qed tissanzjona attivitajiet illegali altru minn proċess pubbliku u trasparenti kif qal fi stqarrija riċentement Ministru tal-Kabinett tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20747 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — staġun tal-football

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk f’dan l-istaġun tal-football l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu hux qed tisponsorja lil xi team barrani fil-kampjonati nazzjonali tal-Ingilterra, tal-Italja jew ta’ x’imkien ieħor? Jekk fl-affermattiv, liema hu t-team li qed jiġi sponsorjat u fiex jikkonsisti dan l-isponsorship?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #19207 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Family Friendly measures

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma il-family friendly measures (FFM) li jistgħu japplikaw għalihom il-ħaddiema tal-gvern? Jista' jgħid kif iridu japplikaw għalihom dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid jekk hemmx xi ċirkostanza li minħabba fiha dawn ma jkunux jistgħu japplikaw għall-FFM? Min jiddeċiedi jekk ħaddiem jistax japplika biex jingħataw lilu/ha dawn il-FFM, jew le? Jekk ħaddiem jiġu rifjutati lilu l-FFM, fejn jista' jagħmel l-appell tiegħu jekk hemm post għal dan? Kemm hemm ħaddiema li ingħataw lilhom dawn il-FFM matul l-ewwel 6 xhur tas-sena 2010? F'liema kategoriji jinsabu jaħdmu u ma' liema dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm numru ta’ miżuri favur il-familja li bħalissa huma implimentati fl-Amministrazzjoni Pubblika. L-FFM huma applikabbli għall-ħaddiema kollha kemm fis-Servizz kif ukoll fis-Settur Pubbliku u huma elenkati f’Kapitlu 5 tal-Public Service Management Code (PSMC). Hemm ukoll manwal dwar il-family–friendly measures li jiġbor flimkien il-miżuri kollha. L-impjegati kollha huma nfurmati bil-miżuri favur il-familja permezz ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet li huma aċċessabbli fuq l-internet kif ukoll permezz ta’ ċirkularijiet. Kemm Kapitlu 5 tal-PSMC, kif ukoll il-manwal jagħtu dettalji dwar kif l-impjegati għandhom japplikaw għal dawn il-miżuri, min japprova u ċ-ċirkostanzi meta l-FFM ma jkunux applikabbli. Għall-benefiċċju tal-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-miżuri favur il-familja (Appendiċi ‘A’), il-Family-Friendly Measures Handbook (Appendiċi ‘C’). F’każ li ħaddiem jiġu rrifjutati lilu l-FFM, il-proċess t’appell huwa stabbilit permezz taċ-Ċirkulari tal-MPO Nru 36/2010. Kopja ta’ din iċ-Ċirkulari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala Appendiċi ‘D’. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2010, kien hemm 2608 ħaddiema fl-amministrazzjoni pubblika li ngħataw FFMs. L-informazzjoni dwar il-kategorija u dipartimenti ta’ dawn il-ħaddiema qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala Appendiċi ‘E’.
Leg 11 PQ #20335 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Spetturi tal-Ambjent - proċeduri legali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inbdew proċeduri legali mill-Ispetturi tal-Ambjent tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, sena b'sena mill-2002 sal-2009? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta' speċi protetti, twaqqigħ ta' ħitan tas-sejjieħ, importazzjoni ta' speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta' impjanti mhux skont ir-regoli ambjentali u rimi ta' skart? Kemm minn dawn ġew deċiżi mill-qorti u f'kemm minn dawk deċiżi l-akkużat instab ħati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra ir-rapporti li saru f'dak li ghandu x'jaqsam ma kazijiet ta' natura.
Leg 11 PQ #20557 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied il-Mielaħ — kopja tal-grant agreement

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedule dwar il-proġett ta’ Wied il-Mielaħ - towards an ecologically and culturally sensitive, sustainable tourism (Ref no 022) iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 20557, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relatat.
Leg 11 PQ #20558 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija u ta’ Tarxien — kopja tal-grant agreement

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedule dwar il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija u ta’ Tarxien (ERDF Ref no 032 ) iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 20558, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relatat.
Leg 11 PQ #20744 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu — programm ta’ investiment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-programm ta’ investiment tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u kemm hu maħsub li se jqum dan l-investiment? X’kien il-prorgamm tal-investiment is-sena li għaddiet, x’sar minnu u x’kienet in-nefqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20134 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — binijiet aċċessibli

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna offra l-Gvern Ċentrali lill-kunsilli lokali biex il-binjiet tal-kunsilli ikunu aċċesibbli għal kulħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal Memo numru 24 tal-2009 u Memo numru 7 tal-2010 li hu diġa irċieva u li kopja tagħhom qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #20159 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Agrikoltura — permess għall-bini ta' park għall-familja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Agrikoltura kienx ikkonsultat qabel inħareġ il-permess bin-numru PA 1258/2009 għall-bini ta' park għall-familja ġewwa tal-Ibraġġ limiti tal-Mellieħa? Jekk iva, x'kien il-parir tal-imsemmi Dipartiment u jekk le x'inhuma r-raġunijiet għala l-case officer naqas milli jitlob din il-konsulenza meta l-iżvilupp se jsir propju fuq art agrikola fertili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li PA 1258/09 kienet applikazzjoni li talbet li jsiru emendi għall-permess PA2806/04, li kien ‘full development application’ għal pjan ta’ afforestazzjoni. Id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura kien ikkonsultat qabel il-ħruġ tal-permess PA 1258/09 fil-proċess tal-applikazzjoni għal permess outline PA4020/99. Id-Dipartiment talab għal ċertu kjarifiki fuq il-proposta. Dawn kienu mitluba lill-applikant u kienu riżolti mal-ipproċessar tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni ta’ l-2009 kienet maħsuba biex tipprovdi aktar faċilitajiet rekrejattivi f’dan is-sit mingħajr ma jnaqqas xejn mill-pjan ta’ afforestazzjoni. Wieħed irid jiftakar ukoll li art fertili għall-afforestazzjoni mhux neċessarjament hija għammiela għall-biedja. Fiż-żewġ applikazzjonijiet kien ikkonsultat, fost oħrajn, id-direttorat ta’ l-ambjent minħabba konsiderazzjonijiet ambjentali ovvji. Fil-PA1258/09 id-Direttorat ta’ l-Ambjent daħħal fil-kundizzjonijiet tal-permess, diversi kindizzjonijiet ambjentali fosthom li ma jistgħax isir bini fuq il-ħamrija li jkun hemm fis-sit u, jekk tixxammar xi ħamrija, din għandha terġa tintuża fis-sit stess. Jekk il-ħamrija ma tkunx se tintuża fis-sit stess, ikun jinħtieġ il-permess tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura.
Leg 11 PQ #20160 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Nature Protection Unit - Orkidi Piramidali ta' Malta - speċi endemika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk in-Nature Protection Unit fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġitx xi permess biex Orkidi Piramidali ta' Malta Anacamptis urvilleana, speċi endemika protetta bil-liġi, jinqalgħu minn fuq sit ġewwa tal-Ibraġġ, liema sit qiegħed jiġi żviluppat f'Park għall-Familja mil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jekk le x'passi ħadet wara li din ġiet infurmata mill-pubbliku b'tali reat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Environment and Planning Directorate rċieva informazzjoni dwar il-preżenza ta’ dawn il-pjanti wara li l-permess kien diġa nħareġ. Ta’ min jgħid li waqt il-fażi ta’ konsultazzjoni u l-proċess ta’ applikazzjoni l-eżistenza ta’ din l-ispeċi fuq is-sit ma kinitx magħrufa. l-applikant issottometta applikazzjoni għall-possibilità li tiġi applikata deroga prevista mid-direttorat tal- Habitats biex dawn il-pjanti jiġu relokati jekk dawn ikunu l-uniku mezz biex jiġu mħarsa, liema appikazzjoni qed tiġi proċessata mill-MEPA skond il-provvediment tal-Unjoni Ewropea dwar il- Habitats . Il-MEPA m’għandha l-ebda informazzjoni jew evidenza li nqatgħu pjanti ta’ dan it-tip minn fuq is-sit.