Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #19358 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-Ċivil li jgawdu mill-Continous Professional Development

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kategoriji u sezzjonijiet ta' kategoriji li jaħdmu maċ-Ċivil li jgawdu mill-Continous Professional Development?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku hemm numru ta’ ftehim settorjali li jipprovdu għal għoti ta’ Continous Professional Development (CPD) lil diversi uffiċjali pubbliċi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kategorija ta’ uffiċjali pubbliċi li huma ntitolati għal CPD.
Leg 11 PQ #19359 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

deċiżjoni dwar min jingħata l-Continuous Professional Development

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi deċiż liema professjoni jew grupp ta' ħaddiema jaqgħu taħt il-kategorija ta' Continuous Professional Development u liema mhumiex? Kif jiġu magħżula u min jagħmel din l-għażla? Hemm xi bord li jiddeċiedi dan? Kemm hemm ħaddiema tal-gvern u liema huma l-kategoriji li jaħdmu fiċ-Ċivil li mhumiex f'din il-kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku jingħata Continuous Professional Development (CPD) u dan skont diversi ftehim settorjali negozjati bejn il-Gvern u l-Unions. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi li jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ CPD partikolari. Ninsab infurmat ukoll illi s-Servizz Pubbliku b’mod kostanti, joffri diversi opportunitajiet ta’ taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibqgħu aġġornati bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fil-qasam tagħhom. Għal dan il-għan fl-2009, il-Gvern alloka €159,370 u ibbenefikaw 5138 uffiċjal pubbliku minn dawn l-opportunitajiet. Il- prospectus ta’ taħriġ offrut jiġi aġġornat on-line . Fuq livell nazzjonali hemm ukoll skemi oħra li joffru opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp personali bħal ma hi l-iskema tal-iSteps u l-Malta Government Scholarships Scheme li minnhom jibbenefikaw numru mhux żgħir ta’ uffiċjali pubbliċi. Dawn huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. B’rabta ma’ dan kollu għandu jingħad ukoll li l-Gvern mhux biss jiffinanzja s-CPD u l-parti l-kbira tat-taħriġ msemmi, imma issa investa ukoll b’fondi nazzjonali f’Ċentru ta’ taħriġ li ser jiġi inawgurat fil-ġranet li ġejjin. Dan iċ-Ċentru ikkolabora mal-Università ta’ Malta biex għal l-ewwel darba, minn dan ix-xahar, 43 uffiċjal pubbliku ser jibdew Higher Diploma in Public (Accounting and Finance) li apparti l-valur fiha nnifisha, għandha marbuta magħha garanzija ta’ career advancement biex kull min jiggradwa jieħu pożizzjoni ta’ Manager (Accounting and Finance) fi skala 7. Minn naħa tiegħu il-Gvern hu kommess li jtejjeb dejjem aktar l-opportunitajiet ta’ taħriġ u kien għalhekk li, fost l-oħrajn applika (u ġie approvat) proġett ko-finanzjat mil-Unjoni Ewropea sabiex, flimkien ma’ l’ École Nationale d’Amministration ta’ Franza u numru ta’ Aġenziji oħrajn, isir taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi. Il-Gvern, konxju mill-ħtieġa li l-uffiċjali pubbliċi jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jappellalhom biex jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet billi, iwieġbu għas-sejħiet tat-taħriġ, skont il-każ u ċ-ċirkostanzi partikolari.
Leg 11 PQ #19360 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

flus allokati għal Continuous Professional Development

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jiġu allokati flus ħalli jkompli jkun hemm Continuous Professional Development? Kif jiġu mqassma dawn il-flus lejn professjonijiet differenti u kemm hemm professjonijiet li bbenifikaw minn dan il-fond matul is-sena 2009? Jista' jgħid kif irid jagħmel ħaddiem li jkun jixtieq jibbenefika minn dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku hemm numru ta’ ftehim settorjali li jipprovdu għal għoti ta’ Continuous Professional Development (CPD) lil diversi uffiċjali pubbliċi. Fl-2009, fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, ġew allokati €3427.40 għal CPD. Għar-rigward il-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi. Għar-rigward kemm hemm professjonijiet li huma ntitolati għal CPD, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 19358. Sabiex uffiċjal pubbliku li skont il-ftehim settorjali tiegħu jkun intitolat mit-tali ħlas, l-uffiċjal konċernat għandu jagħmel talba lid-Direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru tiegħu sabiex jiggwidah skont il-parametri tal-ftehim settorjali applikabbli. Aparti l-flus li jingħataw bħala CPD skont id-diversi ftehim settorjali, ninsab infurmat illi sabiex l-uffiċjali pubbliċi jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibqgħu aġġornati bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fil-qasam tagħhom fl-2009, is-Servizz Pubbliku, permezz tal-i Staff Development Organisation u Centre for Development, Research and Training alloka €159,370 f’taħriġ u sponsorships lil uffiċjali pubbliċi. Il-gradi tal-uffiċjali pubbliċi li ibbenefikaw minn dan it-taħriġ u l- isponsorships jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sabiex uffiċjal pubbliku jattendi għal dan it-taħriġ, huwa għandu jimla formola li tinsab fil- prospectus li joħroġ kull sena u li jinsab on line .
Leg 11 PQ #19361 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Continuous Professional Development — fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Continuous Professional Development iġġibx flus minn fondi mill-Unjoni Ewropea, jew jekk il-fondi li għandha li jagħmlu użu minnhom il-ħaddiema humiex kollha provduti mill-Gvern Malti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-fondi għal ħlas ta’ Continuous Professional Development (CPD) li hemm stipulate fid-diversi ftehim settorjali fis-Servizz Pubbliku huma kollha provduti mill-Gvern Malti.
Leg 11 PQ #20506 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sit ta' bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar is-sit, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn il-bini sar b'tali mod li qed jieħu parti sew mill-bankina, tant li omm lanqas tista' tgħaddi bil-pushchair minn fuqha, fejn ma kienx hemm rispett lejn il-linja li suppost żammet il-binja, kif ukoll nuqqas ta' netting xieraq u dan kollu kien ta' inkonvenjent għar-residenti? Kif wieħed jispjega l-fatt li kuntrarju għal kull bini ieħor f'din it-triq żgħira inħareġ il-permess biex saħansitra jibnu basement u garaxx? X'passi ttieħdu s'issa fid-dawl tad-diversi rapporti li waslu għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll minħabba artiklu li deher fit-Times of Malta aktar kmieni dan ix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20715 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Waste Directive 98

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19927 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk il-Waste Directive 98 ġietx transposed fil-Leġislazzjoni ta' pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttiva 2008/98/KE tagħti terminu ta’ żmien sat-12 ta’ Diċembru 2010 sabiex tiddaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri. Il-MEPA diġa għamlet konsultazzjoni permezz tal-MEUSAC fuq din id-Direttiva u jiena nfurmat illi l-proċess ta’ traspożizzjoni jinsab għaddej skont it-timeframe tad-Direttiva.
Leg 11 PQ #20716 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EIA dwar l-Għallis

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19973, 19246 u 18860 u jgħid min qed jagħmel l-Environmental Impact Assesment dwar l-Għallis? Meta mistenni jitlesta? Minn min ġie commissioned?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-update tal-Environmental Impact Assessment qed jiġi kkordinat minn naħa ta’ ADI Associates. Dan l-istudju ġie commissioned minn Wasteserv Malta Ltd. S’issa għadu mhux magħruf meta dan l-istudju ser jiġi sottomess lil MEPA.
Leg 11 PQ #20761 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — proġetti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti għandha l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu llum għal San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Fiex jikkonsistu dawn il-proġetti? Meta bdew jitwettqu u meta hu maħsub li jitlestew? Kemm hu maħsub li se jqum kull proġett? Ladarba l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu tlesti dawn il-proġetti għandhiex il-ħsieb ta’ proġetti oħra għall-inħawi tal-Gżira, Ta' Sliema u San Ġiljan, għall-inħawi tal-Kottonera u għall-inħawi ta’ Wied il-Għajn u Birżebbuġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20850 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tarzna — rapport fuq l-impatt fuq l-ambjent

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari19805, jista' l-Prim Ministru jgħid x’se jiġri jekk kemm il-darba il-Palumbo, l-operatur tat-Tarzna, jinstab li jmur kontra l-provedimenti tad-direttiva 96/61 fuq l- Integrated Pollution Prevention Control? X’evalwazzjoni saret qabel ma ġie iffirmat il-kuntratt finali u meta beħsiebha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ id-deċizjoni jekk il-Palumbo u l-operat tagħha, taqax taħt din id-direttiva jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-operat tat-tarzna ma jaqax taht l-iskop tad-direttiva 2008/1/EC.
Leg 11 PQ #19351 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skrivani ġodda mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu ingaġġati l-iskrivana l-ġodda li għaddew diġà mill-eżami tal-gvern u li qed jistennew li jiġu ingaġġati? Jista' jgħid kemm għaddew minn dawn l-iskrivani li poġġew għal dan l-eżami, kemm fil-fatt poġġew għall-eżami u kemm huwa ppjanat li jidħlu skrivani ġodda mal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 19111.
Leg 11 PQ #20430 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — operat illegali tal-Green MT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’għamel il-gvern permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex minkejja li kien konxju dwar l-operat illegali tal-Green MT għal ċertu perjodu ta' żmien, ħalla lil għadd ta’ kunsilli lokali jidħlu f’arranġamenti ma' skema illegali u bla permess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-MEPA ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni fuq l-arranġamenti kontrattwali li jidħol fihom il-Kunsilli Lokali ma terzi. Il-permess li jkopri l-operat ta' skemi ta' l-ippakeġġjar u l-iskart li joriġina mill-ippakkeġġjar ma jirregolax arranġamenti bejn l-iskema u kunsilli lokali. Il-MEPA ma kinitx involuta fin-negozjati bejn il-kunsilli u l-Green MT. Ta’ min jinnota ukoll li Artiklu 7 ta’ l-Avviż Legali 337 ta’ l-2001 tpoġġi obbligi fuq kulħadd (inkluż kunsilli lokali) sabiex jużaw biss is-servizzi ta' entitajiet/stabbilimenti/skemi awtorrizati, skond l-istess msemmija liġi.
Leg 11 PQ #20437 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Livell ta’ popolazzjoni proġettat għal tas-Sliema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19598 u jgħid x’inhu l-livell ta’ popolazzjoni proġettat mill-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar għal Tas-Sliema biex tiżgura ippjanar urban u żvilupp sostenibbli għall-inħawi? Jekk din it-tip ta’ proġettazzjoni ma saritx, xi kriterji jużaw l-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar u entitajiet oħra governattivi biex jiżguraw żvilupp sostenibbli li jissalvagwardja s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ tas-Sliema? X’policies ta’ sostenibbilità qed jiġu segwiti fl-istrateġija ta’ żvilupp għal dik il-belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji fuq il-popolazzjoni saru permezz tad-dokument "Demography Topic Paper" li jagħmel proġezzjonijiet fuq il-popolazzjoni fuq livell Nazzjonali. F'Tabella 20 - MODERATE VARIANT POPULATION PROJECTIONS BY LOCAL PLAN: il-popolazzjoni għan-North Harbours Local Plan ġiet indikata li ser titla minn 61,800 ruħ għal 64,100 ruħ bejn is-snin 1995 sal-2020. Dan id-dokument jinstab fuq il-website tal-MEPA. Għal raġunijiet tekniċi, ma setgħux isiru proġezzjonijiet lokalita b’ lokalita. Saru diversi interventi fil-pjan lokali tat-Tramuntana tal-Portijiet f'Tas-Sliema biex titnaqqas id-densita ta' l-iżvilupp billi tonqos il-limitazzjoni fl-għoli tal-bini f'ċertu inħawi, minkejja id-diffikultajiet kbar li kien hemm sabiex dan isir. Tas-Sliema jibqa ċentru dinamiku u ħaj li jiġbed eluf ta' impjiegi, viżitaturi u turisti li mingħajrhom l-ekonomija tal-lokalita tbati. Minbarra il-ġid, dan kollu iġib ukoll ċertu skumditajiet. Qed jiġu esplorati alternattivi sabiex il-kwalita tal-ħajja ġewwa tas-Sliema tirreġistra aktar titjib bil-provista ta' aktar interventi intenzjonati għal titjib fl-ambjent ġenerali u faċilitajiet għat-tgawdija tal-pubbliku in ġenerali.
Leg 11 PQ #20438 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sliema — Villa Bonici - Bdil fl-istatus tal-ġonna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19597 u jgħid għaliex u meta l-istatus tal-ġonna ta’ Villa Bonici f’Tas-Sliema ġie mibdul minn Urban Conservation Area għal ‘unspecified as included height in the NHLP 2006’?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li il-ġonna ta’ Villa Bonici ġew esklużi mill-Urban Conservation Area meta ġie approvat il-Pjan Lokali għal Portijiet tat-Tramuntana fit-tlieta ta’ Awissu, 2006. Għalkemm is-sit kien inkluż fl-Urban Conservation Area, qabel l-approvazzjoni tal-Pjan Lokali din l-art ma kella l-ebda zoning indikat. Dan ifisser illi is-sit kien meqjus bħala white area, jiġifieri bla ebda limitazzjonijiet stipulati fuq it-tip u l-ammont jew densita ta’ żvilupp illi jista’ jseħħ fuqu. Il-linji gwida tal-MEPA fuq il-kontroll tal-Iżvilupp fl-Urban Conservation Areas ukoll ma jagħtix il-livell ta’ protezzjoni xieraq li dan is-sit jistħoqlu peress illi fil-parti B, paragrafu 2 ta’ dan id-dokument hemm stipulat dan li ġej: Sites on the periphery of the historic core (near to recent urban development) with better access to the main road network, will generally be subject to fewer constraints. Minħabba dan l-istat ta’ fatt, waqt il-formulazzjoni tal-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana kien hemm il-bżonn illi il-parametri għall-iżvilupp fuq dan is-sit jiġu studjati bir-reqqa u fil-fond. Dan l-istudju jista’ jitwettaq permess ta’ eżerċizzju separat ta’ ippjanar illi jissejjaħ Development Brief . Għalhekk il-Pjan Lokali approvat immarka dan is-sit bħala Development Brief area u ħejja Policy NHSJ13 illi tistipula parametri bażiċi ta’ pjanar illi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni waqt illi qed jiġi iffurmulat id- Development Brief għal dan is-sit. Ta’ min wieħed jinnota illi f’ Policy NHSJ13 hemm indikat illi il-partijiet kollha ta’ Villa Bonici u tal-ġonna tagħha illi għandhom valur storiku u arkitettoniku għandhom jiġu protetti.
Leg 11 PQ #20466 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — flus għal għajnuniet u skemi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ibbenefika minn għajnuniet u ċioe anki skemi kull kunsill lokali fi flus mill-gvern ċentrali fis-snin 2008, 2009, 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #20467 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — enforcement orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu enforcement orders mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lill-kunsilli lokali fis-snin 2008, 2009, 2010? X'kienet il-raġuni ta' kull ordni? Liema huma l-kwalitajiet milquta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont is-sistema diġitali tagħha, l-MEPA ħarġet 15-il Ordni ta' Infurzar lill-Kunsilli Lokali mill-2008 'l hawn. Dawn inħarġu hekk : 4 fuq il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ 2 fuq il-Kunsill Lokali tar-Rabat 1 kull wieħed lill-Kunsilli Lokali ta' H'Attard, Birżebbuġa, l-Furjana, Kerċem, Marsaskala, l-Mellieħa, l-Mosta, n-Nadur u San Ġwann. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #20504 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Proġett ta' Flyover fil-Kappara

Question

Jista' l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra fiex waslet l-applikazzjoni pendenti bin-numru 04417/09 mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-proġett tal-flyover ta' Triq Reġjonali - M. Vassalli Street fil-Kappara? Qed jiġu kkunsidrati pjani alternattivi oriġinali jew le? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Environment Impact Assessments dwar dan il-proġett li kien sar fis-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ipproċessar ta' l-applikazzjoni bin-numru PA4917/09 l-Awtorità qed tistenna sottomissjonijiet mingħand l-applikant. L-alternattivi ser jiġu studjati waqt il-proċess tal-Environmental Impact Assessment li qed isir fuq din l-applikazzjoni u li għadu mhux konkluż. Madwar is-sena 2004 ġie sottomess 'Environmental Appraisal' li jkopri l-proġett kollu tat-TEN-T Malta.
Leg 11 PQ #20530 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċini tal-Ħames Kumitati tar-Reġjuni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn jinsabu l-uffiċini tal-Ħames Kumitati tar-Reġjuni cioe 4 f'Malta u ieħor f'Għawdex fi ħdan il-politika tal-kunsilli lokali? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti? Meta ħareġ sejħa għall-offerti għal kull uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi sa issa id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kera tlett postijiet biex jintużaw bħal uffiċini tal-Kumitati Reġjonali. Dawn huma: Kumitat Reġjonali Għawdex: Dar l-Għaqda, Triq il-Kastell, Rabat, Ghawdex Kumitat Reġjonali Ċentru Binja tal-Kunsill Msida, Pjazza Menqa, Msida Kumitat Reġjonali Nofsinhar 40, Dar il-Kunsill, Triq l-Iskola, Hal Safi Kopja tal-iskritturi privati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar ir-Regjun tax-Xlokk, intlaħaq ftehim mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex jinkera parti minn proprjetà tiegħu li bħalissa fiha hemm ukoll l-Uffiċċju tal-Kumitat Konġunt ta’ dak ir-Reġjun u għandha tiġi iffirmata l-iskrittura fil-ġranet li ġejjin. Dwar ir-Reġjun tat-Tramuntana għadhom għaddejin it-taħdidiet li fihom hemm involut il-Kumitat Konġunt tar-Reġjun u għaldaqstant m’iniex f’pożizzjoni li nagħti iktar dettalji għalissa.
Leg 11 PQ #20565 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

convenant of mayors — tibdil tal-klima

Question

Jista’ l-Prim Ministru jaghti informazzjoni kemm hemm lokalitajiet li ssieħbu fil-convenant of mayors? Jista’ jgħid x’tip ta’ pjan t’azzjoni se jwettqu għal tibdil tal-klima f’kull lokalità u jekk hemmx xi forma ta’ liasoning mal-kunsilli fuq bażi individwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-Covenant of Mayors. Hemm tletin (30) lokalità li huma imsieħba fil-Patt tas-Sindki. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija is-Supporting Structure ta’ dan il-Patt mal-Kummissjoni Ewropea. Numru ta’ Kunsilli li ħejjew Sustainable Energy Action Plan (SEAP) li ġie sottomess lill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki fi Brussel. Il-proposti jinkludu diversi inizjattivi li jistghu jsiru fuq bażi lokali bħal per eżempju, żieda fl-użu tal-enerġija solari, użu ta' lampi ambjentali, żieda fis-seperazzjoni tal-iskart, kampanji edukattivi maċ-ċittadini u sistemi ġodda ta' transport. u ohrajn. Il-Gvern qed jagħti għajnuna finanzjarja permezz ta’ diversi skemi ta’ fondi speċjali, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tibqa’ tipprovdi l-għajnuna tagħha lill-Kunsilli Lokali Aktar taghrif dwar dan is-suġġett jista’ jinkiseb minn fuq il- websites tal-Patt tas-Sindki www.eumayors.eu u tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali www.lca.org.mt.
Leg 11 PQ #20614 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ċifra globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20441 u 20208 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17468, jista' l-Prim Ministru jaġġornani bl-istess informazzjoni għax-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru separatament? Jista' wkoll jgħid kemm hemm każijiet pendenti x'jitħallsu għall-perjodu ndikat f'din il-mistoqsija parlamentari u l-mistoqsija parlamentari 17468 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20615 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — flus globali għal hospitality

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20442 u 20182 u jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Prim Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.