Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fond għall-kawżi ġusti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 175 u jgħid tul is-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur 2008 kemm kien hemm għaqdiet tal-persuni b'diżabilita' li ngħataw flus mill-Fond għall-Kawżi Ġusti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 175.

Liċenzji ta' Kummerċ

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji tal-kummerċ u x'ġeneru ta' liċenzji huma, fl-inħawi ta' Bugibba, San Pawl il-Baħar u Qawra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif turi t-tabella anessa fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar hemm dawn it-tipi ta’ negozji iżda mhux specifikati jekk humiex fil-Qawra jew Buġibba.

Ħlas ta' Ground Floors

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex stabilimenti kummerċjali bħal ristoranti qed jintalbu jħallsu tant kull metru kwadru tal-ground floor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ristoranti ma jaqgħux taħt id-Direttorat tal-Liċenzji fid-Diviżjoni tal-Kummerċ iżda taħt l-Awtorita tat-Turiżmu.

Pestiċidi fuq ħxejjex importati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 364 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali, u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importati? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħwejjeġ importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pestiċidi mportati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 365 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jara li t-talba li qed issir lid-Dipartiment ta' l-Artijiet mill-familja, li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, tiġi kkunsidrata u l-kumpens involut jingħata jew jibda jsir djalogu kif dan il-kumpens se jingħata?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern f'ċifra ta' flus globali mit-taxxa tal-VAT matul l-ewwel xhur tas-sena 2008? Jista' jgħarrafni bl-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separtament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-Gvern f’ċifra globali mit-taxxa tal-VAT matul Jannar – April 2008 u matul is-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 kien kif spjegat fit-tabella annessa:

Taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħarrafni bil-breakdown tad-dħul mit-taxxa tal-VAT matul l-ewwel 4 xhur tas-sena 2008? Jista' jgħarrafni bl-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separtament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 235.

Good Causes Fund

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fondi mill-Good Causes Fund lill-għaqdiet/soċjetajiet matul is-sena 2007 u Jannar, Frar, Marzu 2008 xahar b'xahar? Lil min ingħataw f'kull każ u għal liema kawża? Jista' jgħid jekk f'kull każ saritx investigazzjoni u jekk kull xogħol li għalih ingħataw il-fondi sarx verament? Xi prova intalbu, u jekk hemmx każi fejn il-fondi ntefqu mhux għall-kawża oriġinali?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Stabilimenti kummerċjali — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul dovut f'ċifra ta' flus globali minn fuq il-permessi ta' stabilimenti kummerċjali matul l-2007? Kemm minn din iċ-ċifra tħallset matul l-istess sena lill-uffiċċju u dipartimenti eċċ, konċernati?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-liċenzji tal-kummerċ fl-2007 kien ta’ EUR 1,273,586 (Lm546,750.47) li minnhom EUR 870,831 (Lm373,847.75) kienu dħul mill-liċenzji ta’ 2007 filwaqt li EUR 402,755 (Lm172,902.72) kienu arretrati għas-snin ta qabel.

Ċnus u qbiela

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali minn fuq iċ-ċnus u qbiela matul l-2007?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali minn fuq iċ-ċnus u qbiela matul is-sena 2007 kien ta’ Eur 21,426,861 (Lm 9,198,552).

Karozzi mpurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm karozzi ġodda ġew impurtati fis-sena 2007 u fl-ewwel 4 xhur ta' l-2008 u kemm ġew impurtati karozzi second hand fl-istess żmien?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi in-numru ta’ karrozzi ġodda u second hand li ġew impurtati min barra l-Unjoni Ewropeja għas-sena 2007 u fl-ewwel 4 xhur tas-sena hu kif jidher hawn taħt: 2007 2008 (Jannar - April) Ġodda 2,924 1,133 Second Hand 2,996 1,587

Bridge Manwel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għat-tiswijiet tal-Bridge Manwel Dimech u kemm ser tlaħħaq is-somma globali meta jitlesta x-xogħol? Kemm tħallas s'issa mill-ammont kemm mill-Gvern u kemm mill-EU?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bdiewa — Residenzi

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru sostanzjali ta' bdiewa li għandhom ir-residenza tagħhom mibnija fuq art tal-gvern, ikunu jistgħu jixtru dawn l-istess residenzi mingħajr aktar dewmien, għaliex m'humiex ftit il-każi fejn in-nuqqas ta' xiri qed joħloq diffikultajiet lil min joqgħod f'dawn il-postijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bdiewa li bnew ir-residenzi tagħhom fuq art tal-Gvern skond il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-titlu legali li bih l-art in kwistjoni ġiet mogħtija lilhom, jistgħu japplikaw biex jixtru l-istess residenzi.

Artijiet agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment ta' l-artijiet jieħu l-passi neċessarji biex l-artijiet agrikoli li huma mogħtija lill-bdiewa "in solidum" ma jibqgħux hekk, għaliex ħafna drabi dan il-fatt qed iġib miegħu diżgwid u nkwiet bla bżonn fost dawk li jaħdmu l-istess raba'?

Response (FENECH, TONIO)

Bdiewa rikonoxxuti in solidium fil-qbiela ta’ l-art mikrija lilhom għandhom drittijiet u doveri lejn xulxin li joħorġu mil-Liġi, u li ilhom jeżistu għal snin kbar. Biex dan jinbidel irid allura jiġi l-ewwel studjat kemm hu possibli li jsiru l-emendi neċessarji fil-Liġi.

Fond għall-kawżi ġusti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 175 u jgħid tul is-sena 2007 u l-ewwel tliet xhur 2008 kemm kien hemm għaqdiet tal-persuni b'diżabilita' li ngħataw flus mill-Fond għall-Kawżi Ġusti?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Joint Office — Qbiela tar-raba'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex proċedura tal-Joint Office li jittrasferixxi art minn fuq persuna li sal-lum għadha tħallas il-qbiela tar-raba’ lin-neputi tagħha li se jkun qed jaħdem r-raba' hu f'ismu, dan għaliex l-persuna hija miżżewġa imma mingħajr ulied? Jekk ir-risposta għal din il-mistoqsija tkun fin-negattiv, jista’ jgħid fil-preżent x’inhi l-proċedura li juża l-imsemmi dipartiment biex jittrasferixxi l-qbiela tar-raba’ minn fuq persuna għal oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi persuna li għandha f’isimha qbiela li titħallas lill-Uffiċċju Konġunt tista’ tittrasferixxi l-inkwinilat tar-raba’ lill-axxendenti jew dixxendenti lineari, skond id-definizzjoni ta’ membru tal-familja, a tenur tal-Kapitolu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta. Fil-każ in kwistjoni, persuna miżżewġa li ma jkollhiex ulied, ma tistax tittrasferixxi l-qbiela tar-raba’ lil ħutha jew lit-tfal ta’ ħutha. F’każijiet bħal dawn l-Uffiċċju Konġunt jipproċedi bil-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti, skond il-proċedura stabbilita’ ai termini tal-Artikolu 3 ta’ l-Att dwar Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern, Kapitlu 268 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Education Consultative Council

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-terms of reference tal-kumitat Education Consultative Council mwaqqaf mill-MFSA? X'tip ta' organizzazzjonijiet jiffurmaw parti minn dan il-kumitat u fuq liema kriterji ġew magħżula? Hemm xi membri fuq dan il-kumitat li huma msieħba jew jiffurmaw parti minn organizzazzjonijiet kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi It-‘terms of reference’ tal-kumitat ‘Education Consultative Council’ imwaqqaf mill-MFSA jinkludu il-ko-ordinament ta’ taħriġ vokazzjonali u dak ta’ natura regolatorja immirat għall-impjegati attwali u prospettivi fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-kumitat jippromwovi inizzjattivi flimkien ma’ entitajiet governattivi relevanti biex ikun hawn aktar tagħrif lill-studenti f’livell sekondarju u post sekondarju dwar karrieri f’dan is-settur. Għaldaqstant, l-MFSA nfisha, l-MCAST u l-‘Guidance Unit’ tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni huma rrapreżentati f’dan il-kumitat. Il-membri l-oħra huma: - Il-‘Malta International Training Centre’; - L-‘Institute of Financial Services – Malta’; - L-‘Institute of Legal Studies – Malta’; - L-‘Institute of Financial Services Practitioners’; - L-‘Institute of Directors – Malta’; u - Is-‘Society of Trust and Estate Practitioners - Malta’ L-għazla ta’ dawn il-membri kienet determinata mill-fatt, li matul is-snin, huma offrew b’mod konsistenti programmi speċjalizzati ta’ natura vokazzjonali, teknika u professjonali li huma direttament relevanti għall- oqsma differenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Ta’ min isemmi ukoll li t-‘terms of reference’ ta’ l-‘Education Consultative Council’ jippermettu d-dħul ta’ membri ġodda jekk jinħass il-bżonn u sakemm il-kumitat ikun jista’ jaħdem b’mod dinamiku u effiċjenti L-ebda wieħed mill-membri ma jifforma parti minn organizazzjonijiet kummerċjali. David Fabri Board Secretary

Prezzijiet ogħla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sid ta' ristorant, ħanut, night club eċċ nstab li għolla l-prezzijiet wara l-1 ta' Lulju, 2007? Kemm kienu ġustifikati? X'passi ttieħdu kontra dawk li ma kellhomx raġun?

Response (FENECH, ANTONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi mill-1 ta’ Lulju 2007, nstabu mitejn u ħmistax (215) -il ħanut, ristorant, etc li għollew il-prezzijiet. Minn dawn tmienja u sebgħin (78) minnhom nstabu li kienu ġustifikati għaliex iż-żieda fil-prezz kienet tirrifletti ż-żiediet fil-materja prima u fl-ispejjeż ta’ l-operat tal-istabbiliment. L-Osservatorju ta’ l-Ewro baqa jsegwi dawk l-istabbilimenti li ma kellhomx raġun permezz ta’ l- ittra ufficjali - ‘First Direction letter’ u viżti regolari lill-istabbilimenti konċernati sakemm tittieħed l-azzjoni rimedjali . Ħlief għal żewġ każijiet li għadhom pendenti, dawn l-istabbilimenti kollha qablu li jniżżlu il-prezz jew reġgħu lura għall-prezz originali.