Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa – impjegati li mardu bil-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull impjegat li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mar fi kwarantina. Sat-8 ta’ April ta’ din is-sena, kien hemm 52 impjegati fid-dipartimenti u fl-entitajijet tal-Ministeru għas-Saħħa li kienu fi kwarantina.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – servizz ta’ MRI

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament meta fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser jibda jkun hemm servizz xieraq ta’ MRI?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tal-MRI f’Għawdex huwa ppjanat u maħsub li jitnieda mat-tlestija tal-bini ta’ sptar akut ġdid.

Sptar Ġenerali t’Għawdex — speċjalisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament liema speċjalisti qed iservu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fil-mument? Għal kemm ħin fix-xahar qed iservu kull wieħed minn dawn l-ispeċjalisti? Hemm xi restrizzjonijiet fl-għoti tas-servizz minn dawn l-ispeċjalisti minħabba l-pandemija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi hemm 112 speċjalisti/ konsulenti li jservu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li minnhom 30 jagħtu is-servizzi tagħhom speċifikament f’dan l-isptar biss. Is-servizzi minn dawn l-ispeċjalisti/konsulenti mhux qed jiġi affetwat mill-pandemija tal-Covid-19.

Persuni residenti f’Għawdex li rriżultaw pożittivi għall-varjant Ingliż

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament kemm persuni residenti f'Għawdex irriżultaw pożittivi għall-varjant Ingliż tal-COVID-19 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija Parlamentari? Kemm minnhom fiequ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sat-8 ta’April 2021 kien hemm 1225 persuna residenti f'Għawdex li rriżultat pożittiv għal-COVID-19 li minnhom 32 kienu attivi sad-data msemmija. Ninfurmah ukoll illi ta’ kull ġimgħa qed jittieħed il-genome sequencing minn kampjuni ta’ każijiet pożittivi u huwa smat illi mill-każijiet pożittivi kurrenti 75% huma pożittivi bil-varjant B117.

Persuni residenti f’Għawdex – tilqima tal-COVID-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament kemm persuni residenti f'Għawdex ingħataw it-tilqima tal-COVID-19 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-tilqimiet kienu Pfizer u kemm minnhom kienu AstraZeneca?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sat-8 t’April tal-2021, ingħataw 13,306 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 lill-persuni residenti f’Għawdex.

Servizz ta’ GU Clinics

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex mhux il-mediċini kollha relatati mal-Genitourinary jistgħu jingħataw mill-ispiżerija tal-komunità permezz tas-sistema tal-POYC? Jista’ jgħid liema kundizzjonijiet jirrigwardaw dawn il-mediċini?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċini li huma fil-formularju jingħataw mill-ispiżeriji tal-komunità kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, permezz tas-sistema tal-POYC. Skont l-Avviż Legali 188 tal-2009, l-Gentiourinary drugs li ma jingħatawx mill-POYC għax ma jaqawx taħt l-iSkeda Ħamsa, l-pazjenti li jattendu l-klinika jew li ġew riferuti lill-klinika, issirilhom preskrizzjoni u jingħataw dawn il-mediċini bla ħlas mill-konsulent, mill-GU Clinic direttament.

HIV – tqassim tal-mediċina minn Għawdex

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Parlament jekk il-mediċina kwantu l-kundizzjoni tal-HIV titqassamx minn Għawdex u jekk iva minn fejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċina kwantu l-kundizzjoni tal-HIV titqassam minn Għawdex, mill-ispiżerija tal-isptar.

Emerġenza 112

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta xi ħadd minn Għawdex iċempel fuq il-112 jaqbad ma’ Malta? Jista' jgħid għaliex kien hemm okkażżjonjiet fejn persuni ċemplu 112 minħabba xi emerġenza f'Għawdex u x’ħin qabdu talbuhom in-numru u qalulhom biex jaqtgħu t-telefonata u li ser iċemplulhom lura minn Għawdex? Ma jaħsibx li dan għandu jinbidel biex it-telefonata tgħaddi direttament fl-emerġenza f'Għawdex u dan għaliex f'ċertu ċirkostanzi kull minuta tgħodd biex tiġi salvata ħajja ta 'persuna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

COVID-19 — Persuni mlaqqma minħabba safar għal kura

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li sas-16 ta’ Marzu 2021 ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 minħabba li se jmorru barra minn Malta għal kura (treatment abroad)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sas-6 t’April ta’ din is-sena kien hemm 279 persuna li ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 minħabba li se jmorru barra minn Malta għal kura.

COVID-19 — Persuni li ħadu t-tilqima u jaħdmu f’Segretarjat ta’ Ministri/Segretarji Parlamentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19 li jaħdmu fis-Segretarjat ta’ Ministri u/jew Segretarji Parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema vaċċin ġie amministrat lil dawn il-persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa issa diġa ngħataw il-fuq minn 243,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Ħlief fil-każ tal-frontliners u ħaddiema f’setturi essenzjali tagħrif dwar l-impjieg ta’ persuni li jiġu mlaqqma ma tinżammx.

COVID-19 — Persuni li jaħdmu f’supermarkets u ħwienet oħra essenzjali - tilqima

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hux minnu li qed ikun hemm firxa ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19 u/jew xi varjant minn supermarkets? Jekk dan huwa minnu, x’qed jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward? Meta biħsiebu jlaqqam il-persuni li jaħdmu f’supermarkets u ħwienet oħra essenzjali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-trasmissjoni tal-Covid-19 fil-komunità hija relatata ma' kuntatt mill-qrib bejn persuni. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu relatati mal-households filwaqt li f'numru ta' każijiet sporadiċi, is-sors mhuwiex identifikat. Hemm standards li huma fis-seħħ rigward il-mitigazzjoni tar-riskju fis-supermarkets.

Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena u li ħadu tilqima

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20088, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'kull kategorija msemmija minnu kemm fadal persuni biex jiġu vvaċinati? Kemm hu l-persentaġġ ta' persuni vvaċinati f'kull kategorija u fuq livel nazzjonali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-11 t’April ta’ din is-sena kien hemm 21,400 persuni li għandhom iktar minn 80 sena li ħadu l-ewwel doza tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19; 79,230 persuni bejn is-60 u 79 sena; 10,900 li huma meqjusa frontliners, 30,800 li huma Ħaddiema f’setturi essenzjali (li jinkludu ħaddiema fis-settur tal-edukazzjoni) u 18,600 li huma vulnerabbli. Ninfurmaha ukoll illi fl-aħħar jiem it-tilqima bdiet tingħata wkoll lill-persuni ‘l fuq minn 50 sena, li minnhom 12,307 diġa ħadu l-ewwel doża.

COVID-19 – vaċċin — Nutara prattikanti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa aċċettawx it-talba li saret xhur ilu mill-Kunsill Nutarili sabiex in-nutara kollha prattikanti f’Malta u Għawdex jingħataw il-vaċċin kontra l-COVID-19 peress li huma uffiċjali pubbliċi li jagħtu servizz essenzjali għaċ-ċittadini u għan-negozji? Jekk iva, jista' jgħid meta ser jibda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 lin-nutara kollha prattikanti f'Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament qed niffokaw fuq it-tilqim tan-nies skont l-età u dawk li huma vulnerabbli. Is-sekwenza ta’ tilqim qed issir skont il-pjan maqbul mal-esperti tas-saħħa. Il-proċess għadu għaddej.

Professjonisti fil-Qasam tas-Saħħa Mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12004, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika xi professjoni jħaddnu il-515 professjonist li jaħdmu fil-Qasam tas-Saħħa Mentali? F’liema sezzjoni qegħdin jaħdmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 543 professjonisti li fil-pre¿ent qegħdin jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali. Dawn il-professjonijiet huma diversi fostom Allied Health Professionals, Medical Professionals, Nursing staff, Pharmacy staff, Psychologists kif ukoll Social workers.

Vaċċini kontra l-COVID-19 f’pajjiżna

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti figuri ta' kemm vaċċini kontra l-COVID-19 waslu Malta xahar b’xahar sal-aħħar ta' Frar 2021 u ta' liema ditta huma?Jista’ jgħid kemm hu previst li ser jasal vaċċin f'Marzu 2021 u ta' liema ditta huma u x'ser tkun l-allokazzjoni ta' Malta mit-300 miljun vaċċin li l-Kummissjoni Ewropea nnegozjat l-akkwist tagħhom bejn April u Ġunju 2021 u ta' liema ditta ser ikunu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar ta’ Marzu tal-2021 waslu Malta total ta’ 240,300 dożi tal-vaċċin tal-Covid 19.

Immigranti illegali minn pajjiżi taż-Żona Schengen – tilqim

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega xi pjanijiet hemm sabiex jitlaqqmu l-eluf ta' immigranti llegali li daħlu hawn f'Malta minn pajjiżi oħra taż-żona Schengen u li ma jirriżultawx fir-records uffiċjali? X'effett jista' jkollhom in-nuqqas ta' tilqim ta' dawn l-individwi fuq l-objettiv li tintlaħaq l-immunità tal-merħla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanet illi t-tilqima kontra l-COVID-19 qed tingħata skont l-età ta’ dawk il-persuni li huma residenti f’Malta, inkluż persuni barranin. Barranin oħra, bħal turisti u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali rreġistrati fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu preżenti f’Malta fiżikament għal perjodu temporanju u għaldaqstant m’humiex eleġibbli għat-tilqima.

Dangerous Drug Card – persuni li jieħdu l-Cannabis Mediċinali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm hemm persuni reġistrati li jieħdu l-Cannabis Mediċinali permezz tad-Dangerous Drug Card?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 1377 persuna reġistrata biex tieħu l-Cannabis Mediċinali.