Legislature:
Category:
Reset
Active:

nies employed — taħt kompjutazjoni joint

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu, matul is-sena 2010, l-ammonti ta' nies employed li ddikjaraw ammont ta' income, taħt kompjutazjoni joint fil-kategoriji: €0 - €8000; €8001 - €13000; €13001 - €18000; €18001 - €23000; €23001 - €28000; €28001 - €33000; €33001 - €38000; €38001 - €43000; €43001 - €48000; u €48001 jew iktar seperatement f'kull kategorija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

power station il-ġdida — testing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk waqt it-testing li qed isir tal-power station il-ġdida jew aħjar l-estensjoni jekk qed jintużax l-abatement equipment? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jiffunzjona kollu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li t-testing u l-provi tal-impjant il-ġdid jnkludi wkoll l-‘Abatement Equipment’ u qed isir bħalissa. L-‘Abatement Equipment’ qed jintuża waqt il-ħin li l-impjant il-ġdid qed jiġi ttestjat, però hemm ħinijiet fejn partijiet tal-impjant jista’ ma jkunx qed jaħdem imħabba bżonn ta’ xi tibdil jew adjustments, li wara kollox huwa l-iskop tat-testing.

valur tal-esportazzjoni ta' affarijiet ta' merċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta’ affarijiet ta’ merċa (goods) xahar b'xahar fl-2011 u sa l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Xewkija — applikazzjoni mill-MEPA għall-Micro Enterprise Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-proġett tal-micro enterprise park tax-Xewkija? Jekk fl-affermattiv, x’inhuwa n-numru tal-applikazzjoni? Jista’ jpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jpoġġi kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34564 li oriġinarjament saret lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux konxju li trakkijiet mgħobbija waste ġej mill-impjant f'Ta Barkatt Xgħajra, qed jgħaddu miċ-ċentru ta' Bormla, u jħallu irwejjaħ kbar? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jgħaddu mill-istess rotta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rotta tat-trakkijiet li jieħdu l-waste minn Ta’ Barkat ma tistax tinbidel. Din ġiet magħżula sabiex jiġi imminimiżżat l-inkonvenjent għal dawk li joqogħdu fl-inħawi tal-madwar ta’ l-impjant. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma immodifikat ħames skippijiet sabiex dawn ikunu ssiġillati waqt it-trasport tal-materjal. Xi ftit trips għadhom qed isiru bi skippijiet mikxufin iżda dawn ser jiġu mibdula b’oħrjan issiġillati f’Ġunju li ġej u b’hekk l-inkonvenjent ta’ l-irwejjaħ ser jiġi prattikament eliminat.

Air Malta — passiġieri

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm ġarret passiġieri l-Air Malta minn Jannar sa April 2012 u kif jinkompara mal-istess żmien ta' 2011 u 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Meetings tal-bord tad-diretturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma minn meta bdiet il-policy il-ġdida tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew fejn aġent jew partner Malti jkun mitlub joħroġ il-barra minn meeting meta jkun hawn il-prinċipali barranin tiegħu? Meta ġiet deċiża? Meta ġiet approvata mill-bord tad-diretturi u meta ġiet approvata mill-Ministeru? Kemm-il aġent intbgħat barra mill-meetings bħal dawn s'issa din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — funds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu funds (kwantità u ammonti) u kienu approvati mill-Malta Enterprise bejn 2009 sa 2012? Kemm min dawn il-kumpaniji (kwantità u ammonti għal kull sena li ġew approvati) kienu kompluti? Kemm min dawn ġew imħallsa (kwantità u ammonti għal kull sena li ġew approvati)? Min dawk li għadhom ma tħallsux, kemm minnhom għandhom garanzija li jitħallsu u meta? Min dawk li għadhom ma tħallsux u l-ebda ħlas għadu ma ġie approvat, x'qed iżomm milli jsir dan il-ħlas? Kien hemm xi pagamenti li kienu approvati mill-Malta Enterprise u li issa qed jiġu evalwati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Malta Enterprise tapprova assistenza taħt tliet kategoriji ta’ għajnuna: - Inċentivi fiskali - Għotjiet lokali - Għotjiet taħt fondi Ewropej Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata tal-assistenza kollha approvata u mogħtija mill-Malta Enterprise. Matul il-perjodu 2009 – 2012 (sa l-aħħar ta Marzu 2012), il-Korporazzjoni approvat 5,143 proġett għal total ta’ madwar €200 miljun, li fil-maġġor parti tagħhom kienu assistenza fiskali li tiġi approvata wara li l-investiment ikun diġà sar. Il-krediti ta’ taxxa imbagħad jitnaqqsu mit-taxxa dovuta mill-kumpanija lid-dipartiment tat-taxxa. L-assistenza għar-riċerka u żvilupp, u proġetti li jagħmlu użu minn Access to Finance (li jinkludu soft loans, loan guarantees u interest subsidies) normalment jingħataw fuq perjodu ta’ bejn sentejn u seba’ snin u għalhekk dawk elenkati ikunu għadhom qed jitwettqu. Assistenza taħt inċentivi oħra fuq-proġetti li jiġu approvati, normalment titlob li l-proġetti għandhom jitlestew fuq medja ta’ 24 xahar. Wara il-31 ta’ Marzu 2012, il-Malta Enterprise għandha impenn li tħallas assistenza approvata imma pendenti ekwivalenti għal €18,368,055. F’dawn il-każi, it-talbiet jiġu imħallsa wara li l-proġett ikun komplut u għaldaqstant din l-assistenza hi maqsuma fuq numru ta’ snin. Fir-rigward tal-proġetti li qed jiġu implimentati bħala benefiċjarji tal-fondi ERDF, dawn ser jitħallsu fl-24 xahar li ġejjin u jammontaw għal €21,805,671. Uħud minn dawn il-proġetti għadhom fi stat ta’ implimentazzjoni filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu verifikati qabel jitħallsu. Il-Malta Enterprise bħalissa qeda tevalwa 156 talba taħt dawn l-iskemi li flimkien jammontaw għal €6,657,919. Dawn it-talbiet jagħddu minn proċess ta’ verifikazzjoni li jinkludi numru ta’ żjarat fuq is-sit li fih ġie implimentat il-proġett, kumpilazzjoni ta’ rapport dwar kull proġett, kif ukoll kontroll finanzjarju tad-dokumenti kollha sottomessi. Infakkar ukoll li r-rimborżi tal-fondi ERDF ma jitħallsux mill-Malta Enterprise direttament iżda mit-Teżor. Ta’ min jinnota illi diġà ġew imħallsa proġetti li flimkien ammontaw il-fuq minn €12–il miljun ewro.

talba għal P3

Question

Jista' l-Ministru jara jekk tistax tinħareġ il-P3 ta' bejn l-1986 u l-1988 tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li mhux qed tieħu l-ammont kollu tal-pensjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Xemxija — Fekruna Point - lampi b'bozoz maqtugħin

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbidlu l-lampi fil-Fekruna Point ġewwa x-Xemxija li ilhom ġimgħat sħaħ maqtugħa u tefgħu fid-dlam l-inħawi fejn hemm lukanda għat-turisti u jkun tassew tal-mistħija jekk jitħallew kif inhuma għal iżjed żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni meħtieġa saret fid-19 ta’ Mejju 2012.

Limbodrin — tneħħija ta' arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tneħħi arblu tad-dawl li waqa' f'għalqa fl-inħawi tal-Limbordin u l-bidwi tal-għalqa ilu żmien jitlob li jitneħħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-arblu msemmi ġie mneħħi kif kien ipprogrammat, fit-23 ta’ Mejju.

Malta Enterprise — perkaċċi liċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi li se jingħataw lill-persuna li tħabbret li intagħzlet bħala chairman tal-Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi ċ-Chairman il-ġdid tal-Malta Enterprise għandu remunerazzjoni ta’ €16,305.61 fis-sena, u għandu allowance għall-użu ta’ vettura.

Enemalta — stock tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx fadal x’imkien fil-Korporazzjoni Enemalta, stock (drum jew tnejn) tal-mercaptan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

prezz tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif jinħadem il-prezz tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol? Jista' jagħti l-mod kif jasal għal prezz finali ta' kull tip ta' fuel kull gallun mill-pompa tal-petrol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-prezz finali tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol ’ jiġi ikkalkulat fuq il- bażi tal–fatturi segwenti: Spiza tal prodott - li tirrifletti il-prezz tal- ‘Platts’ li bih ikun inxtara il-prodott. Jiġi ikkunsidrat wkoll il-movimenti li jkun hemm fil -valur ta’ stock li jkun fadal bħala bilanċ mix- xahar ta’ qabel. Barra minn hekk jitnaqqas wkoll il-valur tal-bejgħ li jkun sar matul ix-xahar. B’hekk jigi ikkalkulat il-prezz ta’ kull prodott fuq il-bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet. F’dawn il–kalkoli jiġi wkoll ikkunsidrat l-element ta’ tibdil fir-rata tal-kambju (EUR/USD), kif wkoll id-‘density factor’ tal-prodott sabiex il-prezz jiġi ibbażat għal kull litru miflok għal kull tunnellata. Opening Stock value (EUR/ltr) Less Cost of Sales value (EUR/ltr) Plus delivery value (EUR/ltr) Dan l-element jifforma l-bażi li fuqu jiġi stabilit il-prezz ta’ kull tip ta’ fuel.

ħaddiema full-time fis-settur tal-edukazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33998 fejn irreferieni għall-mistoqsija parlamentari 33996, peress li n-News Release Numru 088/2012 li ħarġet nhar it-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2012 ma tagħtix l-informazzjoni li jien tlabt dwar Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fis-settur tal-Edukazzjoni f'Għawdex u f’Malta separatament fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 bħala: 1) full-time; 2) part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; u 3) part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33528 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Enterprise — skema tal-energy grants

Question

Jista' l-Ministru jgħid, il-Malta Enterprise meta ddeċidiet li tissospendi temporanjament l-iskema tal-energy grants għall-industrija? Kemm kien hemm applikanti b’kollox għall-iskema? Kemm kien hemm kwotazzjonijiet li allegatament ġew sottomessi li ma kenux in buona fede? Dawn kollha kienu ġejjin minn supplier wieħed jew aktar? Jekk iva, jista' jsemmi min kien/u s-supplier/s? Id-ditta/ditti involuti kienu f’xi mod involuti fil-każ preċedenti tal-iskema tas-sena 2010 li kienet ġiet sospiża wkoll minħabba allegati rregolaritajiet? Hemm xi ħjiel min naħa tal-awtoritajiet meta l-iskema se tiġi riattivata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema ERDF Energy laqgħet total ta’ 395 applikazzjoni fi tliet sejħiet separati. L-iskema ġiet sospiża f’Mejju 2012 kif imħabbar fil-Press Statement li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

power station ta’ Delimara — xiri ta' spare parts

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li wasluli li fil-power station ta’ Delimara spiss qed jinxtraw spare parts li ma jkunx hemm bżonnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-‘Spare Parts’ jinxtraw skond il-bżonn, u jinqasmu fi tlett kategoriji:- 1 Dawk li huma magħrufa bħala ‘ Consumables’, li huma parts li jkunu rikkomandati li jinbidlu skond l-użu. L-ammont ta’ stokk ta’ dawn il-parts jiddependi fuq l-użu attwali tal-impjant. 2 Parts għall-‘ Preventive/Planned Maintenance’ , huma parts mixtrija bl-antiċipazjoni li jintużaw waqt ‘overhaul’ jew għall-manutenzjoni tar-rutina. Huwa mportanti li jkun hemm stokk ta’ dawn il-parts f’każ ta’ bżonn, ħalli jistgħu jinbidlu mingħajr dewmin u waqfien fit-tul tal-impjant. 3 Parts li jissejħu ‘ Strategic Spares’ , dawn mhux neċessarjament jiġu użati, imma jinżammu għal użu f’każ ta’ emerġenza. Dawn huma parts li jkollhom ‘lead time’ twil ħafna biex jiġu pprovduti għax f’ħafna każijiet dawn ikollhom jiġu manifatturati fuq ordni. L-istokk ta’ dawn il-parts jiddependi fuq kemm jintużaw fuq l-impjant u kemm ikun kritiku dan il-part għall-operat tal-istess impjant. Ninsab infurmat ukoll li m’hemmx spare parts li qed jinxtraw bla bżonn.

LPG mingħajr mercaptan

Question

Jista' l-Minsitru jikkonferma li fl-imgħoddi dejjem kienet il-prattika li qatt ma kien jinġieb l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat miegħu? Jista' jikkonferma wkoll li f’dawk il-każijiet rari fejn xi drabi l-LPG ma jkunx diġà fih l-mercaptan, il-Korporazzjoni Enemalta nnifisha kienet tara li r-raffinerija minn fejn kien jitgħabba l-prodott, kienet tipprovdi wkoll anki mercaptan u/jew fuq il-vapur waqt li jkun ġej, jew inkella meta jkun qed iħott l-LPG għal ġol-istallazzjoni tal-Qajjenza sabiex issir it-taħlita meħtieġa? Huwa minnu li sa ftit żmien ilu ma kienx jinxtara l-mercaptan sfuż? Minn meta beda jsir dan? Min kien ħa d-deċiżjoni li jibda jinxtara l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat mal-prodott? Ġie stabbilit għaliex inxtrat dik il-kwantità kbira ta’ mercaptan meta ma kienx se jiġi użat? Meta nxtraw dawn it-tankijiet ikkonċernati bil-mercaptan li kienu suġġetti għall-inkjesta riċenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Żieda tal-Għoli tal-Ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx joħroġ iż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa b'effett mis-sena 2008 lil dawk li kienu ġew kostretti jieħdu l-iskema ta' irtirar kmieni mit-tarzna fis-sena 2003? Għaliex qed ikompli joħloq anomlalija ma' dawn il-pensjonanti meta kien l-istess Ministru li kien ħabbar fil-budget għas-sena 2008 li se jżid lill-pensjonanti kollha ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja? Għaliex din l-anomalija? Il-provediment li hemm fil-kuntratt privat li jinkorpora din l-iskema ta' irtirar kmieni kien ġie ffirmat fis-sena 2003 meta dak iż-żmien il-gvern kienu għadu ma tax iż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti, għaldaqsant, għaliex ma kkoreġiex din l-anomalija fil-kuntest tad-deċiżjoni li ttieħdet wara? Għaliex se jħalli din id-diskriminazzjoni tkompli sseħħ bejn il-pensjonanti Maltin u Għawdxin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskemi ta’ rtirar kmieni mit-Tarzna kienu dejjem meqjusa bħala skemi ad hoc li inħarġu mit-Tarzna b’kundizzjonijiet speċifiċi li huma differenti minn dawk li fuqhom tinħadem il-pensjoni offruta mill-Gvern permezz tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali fl-eta’ ta’ rtitar. Per eżempju, il-pensjonanti tat-Tarzna tal-2008 jieħdu 2/3 tal-paga li jkunu spiċċaw biha mit-Tarzna u mhux pensjoni ibbażata fuq l-aħjar tlett snin minn l-aħħar għaxar snin ta’ mpjieg u b’limitu ta’ salarju li ma jeċċedix il-livell stipulat mill-liġi. Fl-aħħar ta’ kull sena, dawn jieħdu wkoll bonus ta’ 8% tal-paga sħiħa li huma kellhom fit-Tarzna. Il-kundizzjonijiet tat-Tarzna dejjem indikaw li min jagħzel li jieħu l-iskema ta’ rtirar kmieni ikun intitolati għal 2/3 taż-żieda tal-għoli tal-ħajja u din il-kundizzjoni baqgħet tiġi applikata anke wara li l-Gvern kien ħabbar żieda sħiħa għal-pensjonanti li jieħdu pensjoni mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali fl-2008. Din kienet kundizzjoni miktuba ċara fl-iskema u għalhekk baqgħet tiġi applikata.