Tista' l-Ministru tikkonferma li attwalment meta ħaddiem governattiv jgħaddi Bord mediku u jiġi dikjarat invalidu huwa jibda jipperċepixxi l-pensjoni lilu spettanti b'mod immedjat fis-sens li dak li jkun ma jkollux għalfejn jistenna sa 61 sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onor Interpellant li fil-każ ta’ impjegat tal-gvern, dan ikun irid l-ewwel jiġi boarded out mix-xogħol mal-Gvern. Jekk il-persuna tħoss li l-kundizzjoni medika u fiżika tagħha tirrendiha mhux tajba għal ebda xogħol, tista’ ukoll tagħmel talba għal Pensjoni għal Invalidità taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, liema talba tiġi kkunsidrata mill-Bord Mediku maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jekk il-Bord Mediku jikkonferma li l-persuna mhix tajba għax-xogħol din tirċievi Pensjoni għal Invalidità abbażi tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha. Din il-pensjoni titħallas b’effett mill-ewwel Sibt mid-data tat-talba jew mill-ewwel Sibt wara egħluq is-sitt xhur mid-data li l-persuna tkun għamlet l-ewwel ċertifikat tal-mard (liema minnhom tiġi l-aħħar).
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-manual of procedures tal-Aġenzija Appoġġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Manual of Procedures tas-servizzi kif qed jidhru hawn:
1. Court Services Manual
2. Supportline 179
3. Proġett Ulied Darna
4. High Support Services
5. Adoption Team
6. Men’s Services
7. GĦabex (women’s Shelter)
8. Boffa
9. San Vincenz De Paule Residence Service
10. Qormi Health Centre Services
11. Benniena
12. Family Therapy Services
13. Community Services
14. Generic Services
15. Hotline (helpline)
Is-servizzi li jidhru hawn għandhom
manuals of procedures
li bħalissa qegħdin jiġu reveduti u għal daqstant ma jistawx jiġu mqiegħda fuq il-Mejda:
1. Initial Response Services
2. Supervised Access Visits
3. Youth in Focus (servizz ġdid u għal daqstant il-manual għadu qed jiġi fformolat)
4. Customer Care
5. Child Protection Services
6. Fostering
7. Looked After Children
8. Mater Dei
9. Psychological Services
10. Homestart (Il-manual internazzjonali jintuża għal dan is-servizz)
Tista' l-Minsitru tgħid wara s-sentenza tal-qorti li saret quddiem l-Imħallef li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament dwar eks ħaddiema tal-cable and wireless, f'liema sentenza ġie deċiż li dawn l-ħaddiema huma intitolati għall-pesnjoni skont l-Kap 93 tal-Liġijiet ta' Malta, u jgħid jekk il-kumpanija Go p.l.c. għandhiex allura issa l-obbligu li tirrfondi kemm il-kwart għal 12-il sena u nofs, somma li ma titħallasx taxxa fuqha bħall-ħaddiema tal-gvern li għandhom din l-iskema ta' pensjoni, kif ukoll arretrati tal-pesnjoni tal-invalidità, mill-gurnata li dawn ġew dikjarati boarded out mit-tobba tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali - electronic boards u t-time clocks bil-ħsara
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk ġiex riferut lilha d-diżappunt kbir li esperjenzaw l-għawwiema żgħar u l-ġenituri tagħhom, li kienu qed jieħdu sehem waqt is-Swimming Time Trials fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq ta’ nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju 2011 meta rriżulta li l-electronic boards u t-time clocks ma kenux qed jaħdmu sew u b’hekk it-trials ġew imħarbta? Għaliex seħħ dan? Għaliex qabel ma jsiru dawn il-kompetizzjonijiet, l-uffiċjali responsabbli ma jassigurawx li kollox ikun qed jaħdem kif suppost biex il-parteċipanti f’dan l-isport tal-għawm jottjenu l-aħjar riżultati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-apparat li l-Onorevoli Interpellant għamel referenza għalih bħala electronic boards mhumiex propjeta tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) imma tal-Assoċċjazzjoni Sportiva li organizzat l-istess swimming time trials. Min-naħa l-oħra, it-time clock jew l-electronic score board kien qiegħed jaħdem fil-ġurnata indikata mill-Onorevoli Interpellant.
Il-KMS ikkonfermat mal-Aquatic Sports Association (ASA) illi t-tlielaq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant saru kif kien maħsub u l-ħinijiet tal-għawmiema ġew kollha irrekordjati kif suppost fuq l-apparat eletroniku li qiegħed għand l-istess assoċjazzjoni. Minhabba ħsara fl-apparat tal-assoċċjazzjoni dawn il-ħinijiet ma setgħux jidhru fuq l-i
scoreboard
li hemm fil-kumpless.
kwestjoni dwar pensjonanta li tixtieq tospita l-istudenti barranin
Question
Tista' l-Ministru tinfurmani jekk pensjonanta li għandha pensjoni ta' €400 fix-xahar, u tieħu tal-mard u sussidju tal-kera, tistax tospita studenti barranin, bla ma titlef l-ebda minn dawn il-benefiċċji? Jekk fl-affermativ , hemm xi ceiling ta' dħul? Jekk fin-negattiv, hemm xi tama li din titranġa biex il-persuna tkun tista' tgħix aħjar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fit-test tal-meżżi biex persuna tikkwalifika għall-Għajnuna Medika, ma jistax ikollu dħul ta’ aktar minn €131.80 fil-ġimgħa. Dan id-dħul jinkludi wkoll kull tip ta’ pensjoni.
Meta persuna tospita studenti mid-dħul iġġenerat ta’ sena sħiħa, jiġu imnaqqsa €3500 bħala spejjeż u mill-bilanċ jiġu kkunsidrati biss 35% minnhom. Dan huwa dħul li jrid jiġi kkalkulat wkoll fit-test tal-meżżi.
Peress li t-tip ta’ pensjoni (jekk hux kontributorja jew le) tista’ tagħmel differenza, nitlob lill-Onor Membru biex jagħti parir lill-persuna biex titkellem direttament mal-Uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid ir-raġuni għall-inkonsistenza fil-programm tal-Aħbarijiet tal-Ħadd fis-7am fejn jirrigwardja x-xandir tal-kontenut tal-ġurnali, jiġifieri għalfejn dan ġieli jsir u ġieli ma jsirx? Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni f'kull każ li l-gurnali ma ġewx imxandra l-Ħadd filgħodu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fiż-żewġ każijiet differenti meta ma ħarġux l-analiżi tal-gazzetti l-Ħadd filgħodu, kien ħtija jew tal-ġurnalist jew tal-editur responsabbli mill-muntaġġ li ma daħalx fil-ħin biex jitlesta x-xogħol li jkun hemm bżonn. F’kull każ, l-impjegat konċernat ingħata twissija mill-management.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' nies li qed jirreġistraw għax-xogħol u li ġejjin, minn kull waħda mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li qed jirċievu ċ-children allowances f'kull waħda mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali? F'kull każ, kemm hu n-numru ta' single mothers li qed jirċievu dawn l-allowances?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk dan l-aħħar tħassrux xi eżamijiet tas-City and Guilds li kellhom isiru minn studenti ta' xi istituti tal-MCAST u l-istudenti ġew avżati fl-aħħar minuta? Għaliex tħassru? Meta se jsiru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li l-eżami tas-City & Guilds tal-
hairdressing
sar l-ewwel darba din is-sena, dan ġie rreġistrat taħt sistema
online
magħrufa bħala GOLA meta ġejna nfurmati li r-reġistrazzjoni kellha ssir taħt sistema differenti. Peress li kien hemm żball fid-data tal-eżami, fuq talba tal-istudenti, l-MCAST għamel arranġamenti biex l-eżami jsir fit-tieni ġimgħa ta’ Lulju. Dan sar biex jipprovdi aktar ċans għal reviżjoni minn naħa tal-istudenti.
Bormla — naħa ta' Santa Liena - ħsarat fil-pavimentar
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26522 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilha u tgħid x'passi se tieħu l-Ministeru tagħha rigward il-proġett tal-Awtorità tad-Djar li se jsir in-naħa ta' Santa Liena Bormla fir-rigward il-ħsarat li faċilment jista' jkun hemm fil-pavimentar taż-żonqor u ż-żonqor tal-bankina?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-awtorità se żżomm mal-obbligi kollha tagħha skont l-Att Legali 295 tal-2007.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-maximum state pension kull ġimgħa għal persuni rġiel li jaqbżu l-61 u nisa li jkollhom iktar minn 60 sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rata massima ta’ pensjoni taż-żewġ terzi li tista’ titħallas din is-sena lill-irġiel li jilħqu l-età ta’ 61 u lil nisa li jilħqu l-età ta’ 60 hi ta’ €220.20 fil-ġimgħa.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-MCAST ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Audited Accounts tal-MCAST għas-sena 2009.
L-Audited Accounts tal-2010 se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.
Studenti li tressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina — swat fuq għalliema
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tfal u żgħazagħ tressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina għax inqabdu isawtu lill-għalliema tagħhom? Kemm kellhom età u f'liema skola kienu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’din is-sena skolastika 2010-2011 ma ġie rrapportat l-ebda każ fis-safe school programmes, fi ħdan is-servizzi Edukattivi Psiko-Soċjali, li student sawwat għalliem.
B'referenza għar-rakkmandazzjonijiet imniżżla fil-mistoqsija parlamentari 25448 tar-rapport ta' inkjesta mmexxija mill-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed jintlaħqu l-istandards tal-Fejda u Jean Antide u jekk ġiex kjarifikat ir-rwol tal-Fondazzjoni Vincenzo Bugeja li qed toffri servizzi għat-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara t-tnehdija ta’ dan ir-rapport u sussegwentament ir-rakkommandazzjonijiet rispettivi, ġie mwaqqaf Task Force Inter Ministerjali sabiex jkun jista’ jagħti parir dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rikommandazzjonijiet. Infurmata li dan it-task force qiegħed tiffinalizza r-rapport tiegħu f’dan ir-rigward.
Id-djar residenzjali Fejda u Jeanne Antide jitħaddmu fuq prinċipji fejn l-aħjar interessi taż-żgħażagħ ikunu mħarsa. Id-Dipartiment tal-Ħarsien Soċjali m’għandux rapporti li s-servizzi li qed jingħataw ma jilħqux l-i
standards
minimi. Madanakollu, qed issir ħidma sabiex is-servizzi li jingħataw lil dawn l-adoloxxenti jiġu mtejba.
Ir-rwol tal-Fondazzjoni Vincenzo Bugeja huwa ċar kif stipulat fil-kuntratt li hemm bejn il-gvern u l-istess Fondazzjoni fir-rigward tat-Tmexxija tad-Dar. Il-Kuntratt jistipola li jkun mwaqqaf Board ta’ Tmexxija li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern u minn rappreżentanti min-naħa tal-Fondazzjoni Vincenzo Bugeja. Dan il-Bord jiltaqa’ b’mod regolari, fejn jiġi diskuss l-andament tal-programm min-naħa maniġerjali. Huwa ċar li l-operat ta’ dawn il-Programmi huwa r-responsabbilta’ tal-professjonisti li jmexxu dawn id-djar.
B'referenza għar-rakkmandazzjopnijiet imniżżla fil-mistoqsija parlamentari 25448, tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx indirizzati l-ħtiġijiet kollha elenkati fir-rapport ta' inkjesta dwar is-servizzi mogħtija mill-YMCA u jekk l-Aġenzija Appoġġ għadhiex tuża s-servizzi ta' din l-għaqda mhux governattiva?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Aġenzija APPOĠĠ m’għadiex tagħmel użu minn servizz residenzjali għall-minuri. L-Aġenzija iżda għadha tagħmel użu mix-xelter residenzjali li jieħu fih adulti kif ukoll adulti akkumpanjati mit-tfal tagħhom.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24384, tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-Ministeru tagħha ma jagħmilx spezzjonijiet regolari fid-Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità u fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum bħalma jsiru fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali għad m’għandux sistema ta’ spezzjonijiet minħabba li għad iridu jitfasslu l-istandards meħtieġa wara konsultazzjoni pubblika u mal-entitajiet li jipprovdu dan is-servizz. Sadanittant, il-Fondazzjoni tal-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali tilqa’ u tinvestiga kull ilment li jista’ jkun hemm fl-għoti tas-servizzi lil persuni b’diżabilità.
Tfal li jattendu skejjel primarji u kindergarten statali
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta’ tfal ta’ kull lokalità f’Malta li jattendu l-kindergarten u skejjel primarji statali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Aġenziji Appoġġ u Sedqa għandhomx At Risk Register? Jekk iva, f’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex jgħixu dawn il-familji jew individwi? Kemm-il darba kull xahar iżuruhom il-ħaddiema soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari mill-Onorevoli Interpellant, l-Aġenziji Appoġġ u Sedqa m’għandhomx At Risk Register.
San Pawl il-Baħar — Skejjel primarji privati u tal-knisja u skejjel sekondarji
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' tfal sal-età tas-sittax-il sena li joqogħdu fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar u li jattendu skejjel primarja privati jew tal-knisja (u skejjel sekondarji) kif kienu matul is-sena skolastika li għadha kif intemmet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.