Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każijiet ta' rape jew indecent assault din is-sena? Fejn saru l-każi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 49 każ ta’ stupru jew violent indecent assault, f’diversi lokalitajiet, fosthom:-
Balzan
Luqa
Rabat
Valletta
B’Kara
Marsa
San Ġiljan
Valletta
B’Buġia
M’Scala
San Ġwann
Ħaż Żebbuġ
Fgura
Mosta
San Pawl il-Baħar
Sannat - Għawdex
Gudja
Paola
Sliema
Żebbuġ - Għawdex
Gżira
Pembroke
Swieqi
Ħamrun
Qormi
Tarxien
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' kalkolazzjoni ta' arretrati dovuti lill-Pulizija għar-rigward tas-sigħat żejda li ħadmu bejn l-1993 u l-2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija dwar il-modalitajiet ta’ kif se jitmexxa 'l quddiem il-proċess li għandu jwassal biex, bi qbil bejn il-partijiet konċernati, tkun riżolta l-kwistjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'mizuri qed jieħu l-gvern biex tfal ma jispiċċawx il-ħabs u xi pjanijiet għandu l-gvern rigward tfal li jispiċċaw jiċċappsu mal-kriminalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-liġijiet tagħna diġà jipprovdu miżuri sabiex minorenni nvoluti f’azzjonijiet kriminali jingħataw opportunità li jirriformaw. Il-Qorti tal-Minorenni, li fiha jinstemgħu każijiet ta’ persuni sa sittax-il sena, tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċjali li jikkaratterizzaw dawn il-każijiet u tista’ tikkunsidra li tingħata sospensjoni tas-sentenza.
Nagħmel referenza wkoll għall-provvedimenti li hemm taħt il-liġi tal-
Probation
li, permezz tagħhom, tista' tingħata Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni qabel jinqata’ l-każ sabiex, f’dan il-perjodu, jkun hemm iż-żmien biex isir pjan ta’ rijabilitazzjoni għal minorenni. Marbut ukoll mal-
Probation
, hemm ir-rapporti ta’ qabel is-sentenza, magħrufa bħala
Pre-Sentencing and Social Inquiry Reports
li jgħinu lill-Qorti tibni stampa aktar ċara tal-
background
soċjali tal-minorenni u tal-problemi li jistgħu jkunu marbuta magħhom u jagħmlu rakkomandazzjonijiet ta’ kif wieħed jista' jigwidhom biex ikun hemm titjib fl-imġieba, u finalment riforma dejjiema.
Finalment irrid inżid li l-proċess li se jirriżulta mir-riforma tal-Ġustizzja Riparatriċi se jgħin biex inkomplu niffukaw aktar fuq l-attenzjoni speċjali li jirrikjedu minorenni li jsibu ruħhom involuti f’attivatijiet kriminali.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18566, jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-progress li sar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-riżultat tal-għażla ġie ppubblikat mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fis-7 t’Ottubru 2010 filwaqt li l-ittra mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li tawtorizza l-ingaġġ tal-persuni magħżula għal post ta’ Avukat tat-Tfal ħarġet fis-27 t’ Ottubru 2010. Infurmat ukoll li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku bħalissa qed tikkonsidra sottomissjonijiet magħmula minn kandidati oħra li pparteċipaw f’dan il-proċess ta’ għażla. Huwa maħsub li matul il-ġranet li ġejjin id-Diviżjoni tal-Qorti tkun f’pożizzjoni li timpjega l-kandidati magħżula.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex fid-distrett tal-pulizija ta' Għawdex ġiet addottata s-sistema fejn erba' surġenti f'kull każ ġew assenjati xogħol indoor, outdoor u fil-Mobile Squad? X'inhuma d-doveri rispettivi ta' xogħol indoor u outdoor? Meta xi uffiċjal inkarigat minn doveri barra jinqabad fuq commitments oħra, min qed jiġi assenjat ix-xogħol ta' barra? Kien hemm xi kriterji partikolari li wasslu biex issir l-għażla ta' dawk li se jagħmlu xogħol barra, ġewwa, jew fil-Mobile Squad rispettivament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tqassim ta’ doveri fil-Korp tal-Pulizija jsir skont il-ħtiġijiet u fl-aħjar interess tas-Servizz. Kien f’dan ir-rigward illi l-amministrazzjoni tal-Korp ħasset illi jkun espedjenti għas-Servizz illi fl-Għassa tar-Rabat Għawdex ikun hemm il-preżenza ta’ Surġent il-ħin kollu, filwaqt li Surġent ieħor jieħu ħsieb ix-xogħol li jkun jenħtieġ li jsir barra mill-Għassa. Infurmat ukoll illi s-Surġent li jkun xogħol ġewwa huwa responsabbli mir-rapporti li jidħlu l-Għassa u xogħol ieħor li jkun hemm bżonn isir fl-Għassa filwaqt li x-xogħol tas-Surġent ta’ barra huwa li jkun responsabbli mill-investigazzjonijiet, r-ronda u s-superviżjoni tal-membri tal-Korp li jkunu xogħol fid-diversi lokalitajiet madwar Għawdex. Meta wieħed minn dawn is-Surġenti jinqabad fuq xi biċċa xogħol u jidħol xogħol ieħor li jkun jirrikjedi intervent immedjat, is-Surġent li jkun disponibbli jagħmel dak ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew convicted of a criminal offence din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' dawn il-convictions u jgħid x'weħlu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena kien hemm 2,429 persuna misjuba ħatja li kkommettew xi reat kriminali u ġew ikkundanati skont kif kontemplat fil-Liġi ta' Malta. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar it-tipi ta' reati.
Attachments:21502 - Persuni li gew convicted of a criminal offence.xls
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali din is-sena u għaliex? Kemm saru mill-pulizija? Kemm hu l-ammont kollu fi flus?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena ingħataw 67,647 ċitazzjoni mill-Pulizija dwar ksur tar-regolamenti tat-traffiku f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-servizz pubbliku jiftaħ l-applikazzjonijiet għal spetturi tal-pulizija? Kemm spetturi tal-pulizija sa nofs is-sena d-dieħla se jkun għalqilhom iż-żmien tas-servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Rigward l-ewwel domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 20439. Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta' Ġunju tas-sena d-dieħla se jkun hemm ħames Spetturi tal-Pulizija li se jkollhom 25 sena servizz.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-White Paper dwar il-Liġi konċernanti l-parole? Meta hu pjanat li tidħol fis-seħħ din il-liġi? Jista' jgħid jekk hux qed isir training għal Parole Officers?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni u analiżi li kkaratterizzaw il-White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jkun rifless fl-Abbozz ta’ Liġi li mistenni jitressaq quddiem il-Parlament fi ftit ġimgħat oħra. Il-liġi għandha tidħol fis-seħħ hekk kif tgħaddi mill-istadji kollha tal-Kamra. Ninforma wkoll li bħalissa qed isir xogħol biex jiġi ristrutturat id-Dipartiment tal-Probation biex jinkorpora l-funzjonijiet ġodda ta’ parole u victim support li jagħmlu parti intrinsika mir-riforma.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11026 bid-data 6 ta' Ġunju 2009, jista' l-Ministru jindika kemm se tiġi l-ispiż jekk jiġu attwati il-64 rakkmandazzjoni tar-rapport dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ implimentazzjoni li tirrikjedi l-inizjattiva tal-Ġustizzja Riparatriċi jmur lil hinn mill-64 rakkmandazzjoni li qed jirriferi għalihom. Huwa proċess li jrid jiddaħħal fis-seħħ b'għaqal kbir u b’mod gradwali biex jintegra bla skossi mar-riforma u ristrutturazzjoni li trid titwettaq fil-Faċilità Korrettiva. Għalhekk huwa prematur li wieħed jipprova jikkwantifika l-ispiża marbuta ma' dawn ir-rakkmandazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq każi ta' moħqrija fuq annimali? X'weħlu dawk li nstabu ħatja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 15-il persuna dwar każi ta’ moħqrija ta’ annimali. Infurmat ukoll illi 4 kellhom il-każ tagħhom deċiż, fejn 2 ingħataw multa; 1 ingħata sentenza sospiża u 1 ingħata sentenza sospiża u multa. Il-każijiet l-oħra għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu minorenni f'postijiet ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu, din is-sena u fejn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, il-Pulizija qabdet 124 persuna taħt is-sbatax-il sena f’diversi postijiet ta’ divertiment ġewwa San Ġiljan, Sliema, Rabat, Ta’ Qali, Mosta, Buġibba, Wied il-Għajn, Valletta, Qormi, B’Buġia, Żurrieq u Rabat Għawdex.
Jista' l-Ministru jindika kemm itellgħu persuni l-Qorti fuq reati konnessi ma' pedofelija fis-snin 2006-2009? Kemm minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiz u s-sentenzi mogħtija lill-aggressuri? Kemm hemm każijiet li għadhom pendenti u kemm ilhom pendenti quddiem il-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti fuq reati relatati ma' abbużi sesswali fuq tfal huwa kif ġej:
2006
2007
2008
2009
Numru ta’ persuni imressqa l-Qorti
38
45
42
60
Nurmu ta’ persuni li kellhom il-każ deċiż u sentenzjati
20
15
16
20
Numru ta’ persuni li għandhom il-każ tagħhom pendenti
17
28
26
40
Suspettat miet
1
2
-
-
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mobiles reġistrati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jgħid kemm ġie jiswa l-kont ta' kull mobile matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2010? Jista' jgħid jekk jeżistix xi limitu dwar l-ispiża fuq kull mobile? F'każ li iva, jista' jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm każijiet fejn dan il-limitu inqabeż u x'azzjoni ttieħdet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 12-il mobile phone reġistrat fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili . Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn tindika kemm ġie jiswa l-kont ta' kull mobile phone bejn Jannar sa Settembru tal-2010.
Infurmat ukoll li l-użu tal-mobile phones u nfiq konness miegħu huwa regolat skont Sezzjoni 2.6.1.3. tal-Public Service Management Code u li s'issa hemm każ wieħed fejn il-limitu stabbilit inqabeż u għalhekk qed tiġi applikata l-proċedura stabbilita skont is-sezzjoni msemmija.
Jista l-Ministru jgħid jekk hux se tispiċċa t-taqsima tal-klieb tal-Protezzjoni Ċivili? Jekk le, min se jkun qed imexxi din it-taqsima u jħarreġ il-klieb li bħalissa qed jinżammu fit-taqsima tal-Klieb tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li t-taqsma tal-klieb tal-Protezzjoni Ċivili se tibqa' topera. Infurmat ukoll li din it-taqsima qiegħdha titmexxa mill-operations manager, li huwa persuna kwalifikata u liċenzjata bħala search and rescue dog instructor mis-soċjetà tas-Salib l-Aħmar ġewwa l-Italja.
persuni li jaħdmu fit-taqsima tal-klieb tal-protezzjoni ċivili
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li persuni li kienu fit-Taqsima tal-Klieb tal-Protezzjoni Ċivili tneħħew b'effet minn nhar it-Tlieta, 9 ta' Novembru 2010? Jekk iva, jista' jgħid għal liema raġuni sar dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi b'effett mid-9 ta' Novembru 2010, il-persuni li kienu fit-Taqsima tal-Klieb tal-Protezzjoni Ċivili tpoġġew f'taqsimiet oħra tad-dipartiment biex jaqdu funzjonijiet oħra importanti fil-qasam tal-assistenza u salvataġġ. Infurmat ukoll li dan sar wara li d-dipartiment ikkunsidra talbiet li saru minn dawn l-impjegati stess fejn urew ix-xewqa li ma jibqgħux iservu f'din it-taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il preliminary reference kien hemm fil-qrati tagħna lill-qorti tal-Unjoni Ewropea taħt l-artiklu 234 tat-trattat konsolidat tal-Unjoni Ewropea? X'kienu l-ismijiet f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi taħt l-Artiklu msemmi mill-Onor. Interpellant kien hemm preliminary reference waħda quddiem il-qrati lokali li d-dettalji tal-kawża huma s-segwenti:-
1210/2008 RCP, fl-ismijiet: AJD Tuna Limited vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd et, Qorti Ċivili Prim'Awla.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — żbalji fil-pagi tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar xhur kienu qed jittieħdu ammonti ta’ żbalji fil-pagi tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jekk iva, jista' jgħid x’kien qed iwassal għal dawn l-iżbalji? Jista' l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex dawn l-iżbalji ma jibqgħux jirrepetu ruħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamel eżerċizzju biex jirrevedi l-proċess tal-ħidma u ħrug tal-pagi. Dan kien jinkludi fost oħrajn tibdil fis-sistema biex l-impjegati jingħataw tagħrif uffiċjali dwar l-ammont ta’ sahra u allowances li jkunu inklużi f’kull paga li jirċievu.
Infurmat ukoll li waqt dan l-eżerċizzju nqalgħu xi problemi ta’ natura teknika fil-proċess ta’ komputazzjoni tas-sahra u
allowances
. Dawn il-problemi ġew identifikati minnufih u azzjoni korrettiva ttieħdet fil-pagi suċċessivi.