Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min hi r-responsabbilità għall-manutenzjoni ta’ bankina u t-triq li mill-Bieb ta’ Sant Anġlu tagħti sal-ponta ta’ Sant’Anġlu u dan peress li hemm telqa kbira f’żona li tiġbed ħafna nies?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu. Nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li tingħata attenzjoni lill-promenade mill-Ponta tal-Isla, iddur ma' Dock 1 u sa Sant’Anġlu, b’mod partikolari jekk iħossx li hemm bżonn li jiżdiedu l-istreet furniture (bankijiet, bins eċċ.) u li jinżammu aħjar minn dawk li hemm?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu. Nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust (b) persons of trust u (ċ) taċ-ċivil?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 184, ninformaha li fis-Segretarjat tal-Ministeru hemm 7 ħaddiema bħala position of trust u 11 bħala persons of trust.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix bajja għal min juża l-wheelchair? Il-Gvern jipprovdi wheelchairs tar-rubber li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom meta jmorru l-baħar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fl-aħħar snin investiet f’numru ta’ wheelchairs li jistgħu jintużaw fuq il-bajjiet ramlin bejn 15 ta’ Ġunju u 15 ta’ Settembru. Dawn il-wheelchairs jinstabu fuq dawn il-bajjiet:
· Għadira, Mellieħa
· Il-Bajja tal-Mixquqa, Mellieħa
· Little Armier, Mellieħa
· Ġnejna, Mġarr
· Il-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa
· Il-Bajja ta’ San Ġorġ, Paceville
· L-Għar l-Aħmar, Marsaxlokk
F’dawn il-bajjiet jiġu installati wkoll passaġġi għal aċċess aħjar:
· Għadira, Mellieħa
· Il-Bajja tal-Mixquqa, Mellieħa
· Little Armier, Mellieħa
· Il-Bajja is-Sabiħa, Birżebbuġa
· Bajja ta’ San Ġorġ, Paceville
· L-Għar l-Aħmar, Marsaxlokk
· Il- Ponta tal-Qawra, San Pawl il-Baħar
· Fond Għadir, Sliema
· Perched Beach, Buġibba
Barra minn hekk, bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta Settembru jiġu installati wkoll hoists f’ dawn il-bajjiet tal-blat:
· Għadira, Mellieħa
· Tunnara, Mellieħa
· Il-Ponta tal-Qawra, San Pawl il-Baħar
· Exiles, tas-Sliema
· Il-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa
· Il-Fajtata, Marsaskala
Buġibba – moll taħt it-triq Dawret il-Gżejjer — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jara li titwettaq il-manutenzjoni neċessarja fiż-żona tal-moll ta’ Buġibba, preċiżament il-parti ta’ taħt it-triq Dawret il-Gżejjer, qrib is-salini tal-melħ, dan wara li diversi persuni waqgħu waqt li kienu mixjin f’din iż-żona?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, ninfurmaha li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi għamlet intervent fiż-żona msemmija kemm is-sena li għaddiet u kif ukoll din is-sena. Twaħħlu bollards biex ma jidħlux vetturi, ġew irranġati l-faċilitajiet sanitarji, kif ukoll ġie rranġat it-taraġ li jagħti mill-promenade saż-żona tat-toilets.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u dettalji oħra tal-proġetti li kienu ppjanati li jsiru din is-sena fil-Mellieħa, fosthom ir-Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa u l-madwar; ir-Restawr tas-Salib tal-Pellegrini fil-Mellieħa; u l-Immodernizzar tal-promenade tal-Mellieħa? Kemm hi l-istima għal kull proġett? Fiex waslu dawn il-proġetti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Fir-rigward tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa u l-madwar, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20695 u 21294 (Leġiżlatura XIII). Ngħarrafha wkoll li bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti biex ikun jista’ joħroġ it-tender relatat max-xogħlijiet. Il-pjan huwa li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett tibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Ir-restawr tas-Salib tal-Pellegrini huwa komplut.
Huwa proġettat li l-implimentazzjoni tal-immodernizzar tal-promenade tal-Mellieħa jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa numru 211012. Fejn jidħlu dettalji tekniċi, nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u dettalji oħra tal-proġetti li kienu ppjanati li jsiru din is-sena f’San Pawl il-Baħar, fosthom il-proġett tal-Belvedere; it-tisbiħ taż-żona ta’ ħdejn il-Gillieru; it-titjib tal-passaġġ ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt; il-proġett taż-żona tas-Salt Pans; il-proġett ta’ Triq il-Luzzu; u t-Tisbiħ tal-Pjazza ta’ Buġibba? Kemm hi l-istima għal kull proġett? Kemm ser tkun l-għajnuna li ser tingħata lill-Kunsill Lokali għal kull proġett? Fiex waslu dawn il-proġetti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara snin ta’ nuqqas ta’ investiment, għall-ewwel darba San Pawl il-Baħar ser ikun qed igawdi minn investiment li jlaħħaq kważi it-tliet miljun Ewro.
Il-proġetti msemmija qegħdin fi stat differenti ta’ progress:
· Il-proġett tal-Belvedere – bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju relatat mal-procurement.
· It-tisbiħ taż-żona ta’ ħdejn il-Gillieru – bħalissa qiegħed isir ix-xogħol neċessarju ta’ studji strutturali.
· It-titjib tal-passaġġ ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt – l-upgrading tal-gallarija qed isir permezz ta’ tender li nħareġ mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Il-proċess huwa magħluq imma saru xi appelli.
· Il-proġett taż-żona tas-Salt Pans - bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju relatat mal-procurement.
· Il-proġett ta’ Triq il-Luzzu – bħalissa qed isir it-tfassil ta’ tender.
· It-tisbiħ tal-Pjazza ta’ Buġibba – dan il-proġett qiegħed fi stadju bikri ta’ disinn.
L-għan tagħna jibqa’ li nkomplu nsaħħu u ntejbu l-infrastruttura turistika ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jkun qed jingħata l-għajnuna neċessarja biex ma joħroġx fondi mill-baġit tiegħu.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti/impressjoni artistika ta’ dawn il-proġetti.
Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati li jiġu ċċarġjati producers Maltin sabiex jagħmlu użu mit-tankijiet tal-ilma fil-Malta Film Studios?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Malta Film Studios jilqa’ talbiet minn kwalunkwe produttur - kemm lokali u kemm barrani. Minħabba li kull proġett imressaq lejn il-Malta Film Studios huwa wieħed ta’ natura kreattiva jkun jeħtieġ li wieħed jara eżattament liema faċilitajiet, uffiċini, spazji, riżorsi umani u fuq kollox it-tul ta’ żmien li huma bżonjużi u adegwati għall-proġett imsemmi. Dan l-eżerċizzju jsir kull darba li ssir rikjesta minn produttur partikolari.
Meta jsir dan l-eżerċizzju, il-Malta Film Studios tissupplixxi rata indikattiva bbażata fuq id-diskussjonijiet li jkunu saru. Ir-rati mogħtija huma ta’ natura kummerċjali u għalhekk suġġetti għal tibdil kontinwu minn sena għal oħra, anke minħabba t-tisħiħ fl-infrastruttura li qiegħda ssir.
Produtturi barranin, u issa wkoll anke dawk lokali, huma eliġibbli għal inċentivi fiskali b’saħħithom li toffri l-industrija tal-films f’Malta permezz tal-linji gwida u kriterji aċċessibbli għal dawn l-istess produtturi.
Ta’ min jirrimarka li l-aħħar investiment li sar fil-Malta Film Studios kien madwar 40 sena ilu u propju issa l-Gvern nieda masterplan tal-Malta Film Studios ibbażat fuq investiment ta’ €35 miljun. Waqt il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-films iġġenerat aktar minn mitt miljun fl-ekonomija Maltija.
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li parti mit-Torri ta' Mamo (Torri ta' San Tumas) li ser jiġi miftuħ bħala Mużew tal-Piraterija, tiġi mmirata lil Film Tourism b'temi ta' films maħdumin Malta u bi stands interattivi? Jekk le, hemm xi ħsieb li dan isir f'xi lok ieħor?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni tal-Films diġà fil-passat ħadmet fuq inizjattivi ta’ Screen Tourism flimkien ma’ entitatjiet bħalma huma l-Awtorità tat-Turiżmu kif ukoll Heritage Malta. Bħalissa il-Kummissjoni qiegħda filfatt tfassal strateġija għal Screen Tourism għas-snin li ġejjin f’kollaborazzjoni mal-istess entitajiet.
Ninfurmah li filwaqt li għadhom ma sarux diskussjonijiet speċifikament fuq il-Mużew tal-Piraterija, diskussjonijiet fuq livell wiesa' għadhom għaddejjin biex il-wirt Ċinematografiku jingħaqad aktar mal-wirt Malti.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninsab infurmat li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar jekk hemmx ħsieb li quddiem il-Kamra titressaq liġi bbażata fuq il-white paper 'Legal Reform for the Tourism Industry' li ġiet ippubblikata fl-2016, liema riforma kellha ssir skont il-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin li tnediet f’Marzu 2015?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġi se tkun qed titressaq quddiem din il-Kamra għall-ewwel qari qabel il-vakanzi tas-sajf.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – żona ta’ parkeġġ — indafa
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li ż-żona tal-parkeġġ fi Triq il-Port Ruman, biswit l-iskola Primarja fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, tinżamm nadifa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tindif ta’ din iż-żona jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u għaldaqstant nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat. Ninfurmaha wkoll li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn sar intervent fiż-żona mit-Taqsima tat-Tindif u Manutenzjoni sabiex din tinżamm nadifa. Hekk ser jibqa’ jsir sabiex l-indafa f’pajjiżna tkompli titjieb.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Ħlas ta’ eko-kontribuzzjoni għal kull min iżur il-gżejjer Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-eko-kontribuzzjoni (50 ċenteżmu għal kull lejl għal kull min iżur il-gżejjer Maltin) li kienet ġiet introdotta numru ta' snin ilu, għadhiex titħallas? Minn mindu ddaħħal dan il-ħlas, kemm kienet is-somma totali li nġabret sena b’sena? Fiex intużaw il-flus li nġabru?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, nirreferiha wkoll għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 9573 (Leġiżlatura XIII). Ninfurmaha li permezz ta’ dawn il-fondi sar ukoll:
· restawr u tisbiħ tal-ġnien storiku magħruf bħala Ġnien tal-Kmand f’Ħal Safi;
· tisbiħ ta’ Ġnien Ġirolamo Cassar ġewwa Ħal Għaxaq fejn ġie nstallat wkoll “play equipment” ġdid u modern;
· il-bini ta’ parkeġġ għal madwar 300 karozza fl-Għadira; u
· ġiet imwaqqfa unit ta’ tindif u manutenzjoni speċifikament għaż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba u l-Qawra sabiex ikun jista’ jsir aktar tindif frekwenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2019 u x'bajjiet hemm ippjanati li jsirilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2020 ġewwa Għawdex?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Ministeru għat-Turiżmu — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page
Question
Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, tista' l-Ministru tgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid hekk il-kuntratt għar-reklam mal-Manchester United Football Club ġiex innegozjat dirett mill-Gvern Malti mal-Manchester United jew permezz ta’ kumpanija oħra? Jekk iva, din il-kumpanija hija Maltija jew barranija? Jekk iva, min hi din il-kumpanija u kemm tħallset?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-kunratt ġie nnegozjat dirett mill-Gvern Malti.