Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan Birżebbuġa, liema xogħlijiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni ma’ l-ERA dwar kif jistghu jitkomplew ix-xogħlijiet fid-dawl tas-sensittivita tas-sit.

Transport Malta – Rabat — immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni u jkun hemm uffiċjali ta’ Transport Malta fil-ħinijiet l-aktar li jkun hemm staġnar tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, u ċjoè bejn is-6.00 a.m. u t-8.00 a.m. u n-12.30 p.m. u t-15.30 p.m.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport qegħda f’kuntatt mal-Kunsill Lokali tar-Rabat biex jitfassal pjan ta’ azzjoni li permezz tiegħu jonqos il-periklu fi Triq Gorg Borg Olivier, ir-Rabat.

Rabat — proġett tas-Saqqajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest il-proġett tat-taraġ u l-madwar fis-Saqqajja (telgħa tas-Saqqajja)? Jista’ jgħid ukoll għaliex sar pavimentar, inqala’, reġa’ tweħħel ieħor, reġa’ nqala’ u issa sar tal-konkos minflok dak il-pavimentar li kien qed isir? Jista’ jagħti tabella tal-infiq kollu li sar f’dan il-proġett item, item?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pavimentar ta’ parti mill-bankina ġie mibdul għall-konkos minħabba l-fatt li tkisser mill-vetturi kbar li jieqfu fuqu b’mod illegali, fosthom trakkijiet tal-iskart u vannijiet tad-delivery. Fl-aħħar intervent li sar twaħħlu bollards biex kemm jista jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ parkeġġ fuq l-bankina pavimentata. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rendikont tal infiq.

Transport Malta – ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan lil persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tas-sewqan lil persuni ta’ nazzjonalità barranija matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru totali ta' liċenzji tas-sewqan maħruġa lil ċittadini barranin fl-aħħar ħames snin, bejn l-2018 sad-data tal-lum kien dak ta' 24,891, li minnhom: § 8,152 ġew skambjati minn liċenzji maħruġa minn pajjizi tal-Unjoni Ewropea, jew li Malta għanda ftehim magħhom għall-iskambju tal-liċenzji, u § 16,739 kienu applikazzjonijiet għall-ewwel liċenzja Maltija bit-test tal-prattika. Nixtieq nirrimarka li jista’ jkun hemm xi diskrepanzi żgħar minn ċifri preċedenti pprovduti - dan minħabba li l-istatus tad-detenturi tal-liċenzja tas-sewwieq huwa dinamiku, u ikun hemm sejbien ta’ bidliet riċenti fir-rappurtar bħall: § bidla fin-nazzjonalità § liċenzji li ġew skambjati ma ta’ pajjiż ieħor § bidla tal-karta tal-identità għall-Maltija § liċenzji tas-sewqan li ġew revokati, sospiżi jew skwalifikati § persuni li m’għadhomx isuqu u/jew deċeduti Liċenzji bħal dawn fuq imsemmija ma jitilghux u ma jidhrux fl-ebda rapporti sussegwenti u kontemporanji.

Marsa – Triq it-Tiġrija – aċċess

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li t-traffic lights ta' Triq it-Tiġrija, il-Marsa (35°52'49.3"N 14°29'28.2"E) huma aċċessibbli biss għal numru żgħir ta' nies li għandhom aċċess għal ċavetta? Jekk iva, jista' jispjega r-raġuni għal dan? Jista' jgħid min huma n-nies li għandhom aċċess? Jista' jispjega wkoll għalfejn ir-residenti li jgħixu fl-akkwati m'għandhomx?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5108 u jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ vetturi licenzjati fit-toroq Maltin huwa ta’ 425,000 li minnhom hemm 2,024 proprjetà ta’ Dipartimenti tal-Gvern ta' Malta.

Naxxar – breakwater in-naħa tas-Salina — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-breakwater (mibni b'ġebel kbir) li hemm fit-tarf tal-kanal li jdawwar is-salini tal-melħ, in-naħa tas-Salina, Naxxar, jiġi rranġat qabel ma jitfarrak għalkollox?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5379 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Il-Belt Vallettta – Triq San Ġwann u Strada Stretta – tiswijiet fiċ-ċangatura tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, kantuniera ma’ Strada Stretta, tiġi msewwija billi hija ta’ inkonvenjent u perikolu kbir għal min ikun qiegħed jagħmel użu minnha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Marsaskala — Triq De Rohan - tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata Triq De Rohan ġewwa Marsaskala?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità matul is-snin li ġejjin. Sadattant il-manutenzjoni tat-toroq residenzjali jaqgħu taħt ir-reponsabbiltà tal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Tal-Barrani — proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir xi proġett fi Triq Tal-Barrani li tmiss ma’ diversi bliet u rħula fin-naħa t’isfel ta’ Malta? Jista' jgħid ukoll jekk il-barriers tal-konkos hux se jibqgħu f’din it-triq għal żmien indefinit jew sakemm isir dan l-eventwali proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta, sabiex ittejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ Triq tal-Barrani, qed tipprepara biex tibda l-proġett relatat ma’ din it-triq fit-tieni parti tas-sena, hekk kif ikun lest il-proġett tal KTAIP. Il-barrikati tal-konkos li kienu tpoġġew fil-‘junctions’ tal ‘lights’ kienu minn dejjem maħsuba bħala intervent temporanju.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2722, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-laqgħa mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar Triq il-President Anton Buttigieg fl-istess lokalità saritx jew le? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-eżitu ta’ din il-laqgħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport għamlet xi tibdiliet li ġew proposti u diskussi biex titjieb is-sigurtà tat-triq hawn fuq imsemmija. Kif dawn il-proposti jiġu approvati se jiġu implimentati.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu riveduti skont il-ħtieġa fuq bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartiment u s-servizzi li jrid jingħata.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu riveduti skont il-ħtieġa fuq bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartiment u s-servizzi li jrid jingħata.

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Isla – Triq il-Vitorja — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun lest ix-xogħol fuq Triq il-Vitorja, l-Isla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tat-triq. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fi trinek għal servizzi ġodda minn entitajiet differenti, bankini, skavar u bini tat-triq mill-ġdid. Minħabba l-valur storiku tal-lokalita’, arkeologu qed jimmonitorja x-xogħlijiet filwaqt li qed issir komunikazzjoni kontinwa mal-awtorità rispettiva. Ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew sa sitt xhur oħra.

Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3483 u 5038, jista’ l-Ministru jindika xi progress sar dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza u z-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett għadha għaddejja kif kien indikat fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5038. F’din il-fażi qed isiru konsultazzjonijiet mal-entitajiet kollha tas-servizzi pubbliċi dwar proposti ta’ renovar li jista’ jkollhom ippjanati għas-servizzi tagħhom. Apparti minn hekk, kif id-disinn ikun komplut, dan ser jgħaddi għand il-kunsill lokali għall-approvazzjoni finali.

San Pawl il-Baħar – triq/moll taħt Triq San Pawl — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq/moll li jinsab taħt it-triq prinċipali (Triq San Pawl) u li jwassal sal-Veċċja (il-parti fejn hemm il-luzzijiet), jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif dan qiegħed ta' periklu għal kull min irid jgħaddi minn hawnhekk?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament l-Aġenzija għamlet intervent fuq dan il-moll sabiex tissewwa ħsara lokalizzata. Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ tiswija ta’ dan il-moll/triq qiegħdha fil-lista ta’ xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta li huma ppjanati li jitwettqu fil-futur qarib.

Kumpaniji għat-trasport għall-pubbliku u għal trasport ta’ merkanzija — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u lil min il-Gvern qed jagħti sussidju, kemm kumpaniji tat-trasport għall-pubbliku, kif ukoll tal-merkanzija u dan għal kull mezz ta’ trasport bl-ajru, l-art jew il-baħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

E-scooters – parkeġġ

Question

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li saret mill-Ministru li l-e-scooters se jkunu obbligati li jipparkjaw f’postijiet apposta, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-postijiet allokati għall-parkeġġ hux ser ikunu qed jittieħdu mill-parkeġġi għall-karozzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin jitqiesu diversi tipi ta' parkeġġi fosthom anke dawk li bihom ma jittieħed l-ebda parkeġġ minn tal-karozzi u li sabiex dawn jiġu attwati hemm bżonn tibdil fil-liġi, liema tibdil qed naħdmu fuqu bħalissa.