Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – dikjarazzjonijiet tal-assi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar dikjarazzjonijiet tal-assi li saru mill-Membri tal-Kunsill Eżekuttiv, tal-Bord tal-Ippjanar, tal-Kummissjoni u tad-Diretturi fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar kif inhuma obbligati li jagħmlu skont l-artikolu 32 (1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid meta saru dawn id-dikjarazzjonijiet tal-assi u meta ġew ippreżentati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex intiżi li jkunu pubbliċi iżda jsiru għal l-iskrutinju tal-Awditur Generali hekk kif spjegat fil-linji gwida magħmula mill-Ministru u preżentati fir-risposta tal-PQ 7439.

Awtorità tal-Ippjanar — proċedura stabbilita dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proċedura stabbilita minnu bħala Ministru dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi li huma obbligati li jagħmlu l-Membri tal-Kunsill Eżekuttiv, tal-Bord tal-Ippjanar, tal-Kummissjoni u tad-Diretturi fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar skont l-artikolu 32 (1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-proċedura hija dik indikata fid-dokument li qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Swieqi – Triq Josef Kalleya — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data meta l-Aġenzija għall-Infrastruttura Malta u/jew l-Awtorità għat-Trasport f'Malta ser ilestu x-xogħlijiet ta' bini u għoti ta' wiċċ lill-aħħar parti ta' Triq Josef Kalleya fis-Swieqi u ċjoè dik il-parti tal-imsemmija triq li għadha s'issa qatt ma nbniet u qatt ma ngħatat wiċċ, minkejja li fiha jgħixu r-residenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Xiri ta’ biljetti tal-karozzi tal-linja

Question

Peress li qabel il-kumpanija tat-Trasport Pubbliku, il-Malta Public Transport, ġiet trasferita lil Autobus De Leon, jekk passiġġier kien jixtri biljett ta' €1.50, kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, kien jista’ jagħmel ġurnata jivjaġġa bil-karozza tal-linja, illum, jekk tixtri biljett minn fuq tal-linja bl-istess prezz, kemm tista’ ddum tivjaġġa bih? Jista’ l-Ministru jgħid illum hemm differenza fil-prezz tal-biljett bejn is-sajf u x-xitwa?

Response (BORG, IAN)

Nibda billi niċċara li ix-xebħ li qiegħed jagħmel l-Onorevoli Interpellant għar-rigward it-tarriffi tat-trasport pubbliku hekk kif kienu japplikaw qabel Lulju 2015 u wara mhux korret. U dan minħabba li l-istruttura tan-nollijiet kien inbidel. Waħda mill-miri ta’ dan il-gvern meta kien qiegħed jiġi mfassal il-kuntratt il-ġdid tat-trasport pubbliku bi skeda kien li kemm jista jkun jieħu miżuri sabiex jitnaqqas il-ħin tat-traġit tal-karrozza tal-linja. Waħda min dawn il-miżuri kienet li jitnaqqas il-ħin li passiġġier jieħu biex iħallas in-noll sabiex jagħmel użu mis-servizz tal-karrozzi tal-linja. Dan il-għan intlaħaq bl- introduzzjoni ta’ Transport Card magħrufa aħjar bħala Tallinja Card fl-Lulju ta’ 2015 fejn permezz ta sempliċi swipe tal-card passiġġier iħallas in-noll tal-vjaġġ. Din il-mizura kienet ta’ suċċess tant li llum il-fuq minn 80% tal-vjaġġi jsiru permezz tal-użu tal cards. Kull minn juża il-card biex jivjagga il-prezz ta’ sagħtejn vjaġġar jiswa hekk kif ġej: · Tfal bejn l-eta ta erbgħa u għaxar snin, anzjani (minn 60 sena il-fuq) kif ukoll persuni b’disabilita li għandhom il- Blue Badge jew Disabled Special Identity Card iħallsu €0.25 sa massimu ta’ €0.50 kull jum u massimu ta’ €2.00 fil-ġimgħa; · Persuni li għandhom l-eta ta bejn il-ħdax u is-sittax il-sena kif ukoll persuni li qegħdin jistudjaw b’mod full time jħallsu €0.75 sa’ massimu ta €21.00 fix xahar jew inkella €55.00 f’90 ġurnata; · Persuni bejn l-etajiet ta 17 u 59 sena iħallsu €0.75 sa massimu ta €26.00 fix -xahar. Biex jiddisinċentiva persuni milli jħallsu n-noll direttament fuq il-karozzi tal-linja, il-prezz li wieħed irid iħallas huwa għola jiġifieri €1.50 fix-xitwa u €2.00 fis-sajf. Dan il-biljett jintitola il-passiġġier għal vjaġġ wieħed ta’ sagħtejn .

Malta Public Transport – regolatur tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regolatur tat-trasport pubbliku hux jivverifika li x-xufiera barranin li qed jiġu ngaġġati mal-Malta Public Transport ikunu kapaċi jitkellmu sew bil-lingwa Ingliża? Kien hemm istanzi fejn wara spezzjonijiet mir-regolatur tat-trasport pubbliku nstabu xufiera barranin li kienu ingaġġati mill-kumpanija tat-Trasport Pubbliku li ma kenux jafu jitkellmu sew bl-Ingliż? X'passi ttieħdu f'dawn l-istanzi mir-regolatur fil-konfront tal-kumpanija Malta Public Transport?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjonijiet li jsiru minn uffiċċjali ta’ Transport Malta jirriżulta li meta xufier ma jkunx kapaci jikkomunika bil-Malti jew bl-Ingliż jittieħdu provvedimenti kif kontemplat fil-kuntratt. Ninsab infurmat li l-operatur tat-trasport pubbliku, minn żmien għal żmien, jorganizza korsijiet fl-Ingliż bażiku sabiex jgħin lix-xufiera jikkomunikaw aħjar bl-Ingliż.

Xufiera ta’ coaches u karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera ta' coaches u karozzi tal-linja ta' nazzjonalità barranin li jiġu jaħdmu hawn Malta jkollhom liċenzja simili maħruġa f'pajjiżhom ikunu jistgħu jibdew jaħdmu b’mod immedjat jew ikunu jridu jagħmlu xi kors ma' Transport Malta? Kemm idum dan il-kors? Xufiera oħra barranin li jiġu jaħdmu ma’ kumpaniji oħra privati, jingħataw l-istess trattament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 65.18, Regolament numru 5, kwalunkwe persuna tista`, sa perjodu ta’ sena, issuq f’Malta vettura skont il-liċenzja maħruġa lilha ġewwa pajjiżna. Sabiex persuna tkun tista` ssuq vetturi għal ġarr tal-passiġġieri minbarra l-liċenzja tas-sewqan Kategorija D, jew dik ekwivalenti, irrid ikollha wkoll dak li huwa magħruf bħala ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonal (CPC). Dan iċ-ċertifikat ikun jista jinkiseb wara li l-kandidat jattendi għall-kors u jgħaddi mill-eżami fl-aħħar tal-kors. Sabiex jinħareġ il-permess ta’ xufier (Tag), li allura tippermetti lil dik il-persuna ssuq dawn it-tip ta’ vetturi, l-applikant irrid ikollu kondotta nadifa, liema kondotta tkun trid tiġi miġjuba kemm minn Malta kif ukoll mill-pajjiż tal-oriġini tal-applikant. Fl-aħħar issir “assessment” tal-ħiliet tal-applikant f’dak li għandu x` jaqsam ma’ sewqan ta’ vetturi tat-trasport pubbliku. Huwa wara li l-applikant jissoddisfa dawn il-kriterji li tkun jista` jinħareġ il-permess ta’ xufier (Tag). Dan il-provediment japplika għal kulħadd l-istess.

Fgura – Triq Hompesch – bus stop

Question

In vista tal-istaġun partikolari fejn qed tagħmel iktar xita, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li l-bus stop li hemm f’Triq Hompesch il-Fgura fil-parti tal-aħħar ta’ Triq Cottoner tiġi mkabbra u estiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Awtorità tal-Ippjanar – investigazzjoni rigward struttura ta’ coffee shop

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7351, rigward struttura ta’ coffee shop maġenb il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar liema struttura ma tirrispettax il-permess hekk kif ġie approvat, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar rigward dan l-istess coffee shop li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-coffee shop imsemmi, wara li saret spezzjoni minn uffiċċjali tal-Awtorità, ġiet innutata diskrepanza mill-permess maħruġ peress li l-area approvata għat-tqegħid tal-imwejjed u siġġijiet ġiet spostjata. Skont il-proċeduri stabbiliti, l-applikant issottometta applikazzjoni għal tibdil minuri tal-permess lill-Awtorità biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp kif sar. L-Awtorità tieħu azzjoni ulterjuri wara li tittieħed deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni.

Sptar San Luqa – Car Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’idejn min hu l-car park li hemm biswit l-Isptar San Luqa fi G’Mangia u li għal ħafna żmien kien amministrat mill-Kunsill Lokali tal-Pietà? Jista’ jassigura lir-residenti tal-lokalità li kienu jagħmlu użu minn dan il-car park jekk hux se jibqa’ jkollhom aċċess bħalma kellhom s’issa, biex ipoġġu l-karrozzi tagħhom minħabba l-problema kbira tal-parkeġġ fl-inħawi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-car park imsemmi huwa amministrat mill-kunsill lokali u nitolbu jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – Bord tal-Ippjanar — laqgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi membru tal-Bord tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar li żvela lill-istess Bord,xi interess li huwa għandu qabel saret il-laqgħa tal-istess Bord li kien skedat għal nhar il-Ħamis 20 ta' Settembru 2018 dwar l-applikazzjoni bin-numru PA/03807/17? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dettalji tad-dikjarazzjoni ġewx reġistrati fil-minuti tal-istess laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar li saret nhar il-Ħamis 20 ta' Settembru 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li ma kien hemm l-ebda dikjarazzjonijiet ta’ interess f’din is-seduta.

Awtorità tal-Ippjanar – Bord tal-Ippjanar — laqgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, jew xi membru tal-persunal tal-Awtorità, jew konsulent, persuna li tagħti parir jew xi persuna oħra ingaġġata mill-Awtorità tal-Ippjanar li żvela lill-Kunsill Eżekuttiv jew lill-Bord tal-Ippjanar xi interess li huwa għandu qabel saret il-laqgħa tal-istess Bord tal-Ippjanar ta' nhar il-Ħamis 20 ta' Settembru 2018 dwar l-applikazzjoni bin-numru PA/03807/17? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dettalji tad-dikjarazzjoni ġewx reġistrati fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Eżekuttiv jew tal-Bord tal-Ippjanar? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv u/jew tal-Bord tal-Ippjanar fejn ġiet irreġistrata d-dikjarazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li ma kienx hemm dikjarazzjonijiet ta’ interess f’din is-seduta.

Mina bejn Malta u Għawdex – Site Investigation

Question

B'referenza għas-site investigation tar-rotta għal mina proposta li tgħaqqad b'mod permanenti lil Malta ma' Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm-il core saru; b. kif ingħata dan ix-xogħol ta' coring , b' tender jew b' direct order u kemm sewa flus dan ix-xogħol; c. lil min ingħata dan ix-xogħol; d. x'riżultati ħarġu minn din is- site investigation; e. ipoġġi dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra; f. x'tip ta' testijiet saru; u g. x'tip ta' informazzjoni nġabret? Jista’ jassigura li dawn it-testijiet saru kif suppost?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-riżultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Sabiex inġabar it-tagħrif tekniku għal dan l-istudju saru disa’ cores. Wara li ġew analizzati permezz ta’ studji differenti, fosthom soil testing, rock testing u water pressure tests, it-tagħrif miksub qed jiġi integrat f’mudell ġeoloġiku u f’rapport li jiġbor fih is-sejbiet u d-dettalji meħtieġa għall-istadji li jmiss tal-proġett. It-tħaffir tal-cores, b’valur ta’ €751,645.60, sar mill-kumpanija GEOTEC spa, li rebħet sejħa għall-offerti maħruġa għal dan ix-xogħol. Ix-xogħol meħtieġ sar skont l-istandards u r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ dan ix-xogħol.

Tħaffir ta’ Mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-eventwalità li tiġi mħaffra l-mina bejn Malta u Għawdex: a. kemm ġejja tiswa din il-mina; b. x'tip ta' metodu ta' tħaffir se jintuża; c. meta hemm il-ħsieb li jibda dan ix-xogħol; d. kemm hu l-ħsieb li jdum għaddej dan ix-xogħol; e. kemm hu proġettat li jiġi jiswa dan ix-xogħol; f. kif se jiġi ffinanzjat dan ix-xogħol, minn fondi nazzjonali jew minn fondi tal-Unjoni Ewropea u b'liema proporzjon?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-ri¿ultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Fl-istess waqt, tkomplew l-istudji tekniċi speċifiċi li jiffurmaw parti mill-istudju għall-Impatt Ambjentali (EIA) meħtieġ mill-proċess tal-permessi tal-iżvilupp ta’ proġetti kbar bħal dan. Qed isiru wkoll is-surveys topografiċi fiż-żoni fejn qegħdin jiġu proposti l-fetħiet (portals) tal-mina f’Malta u Għawdex. Qed jitħejja wkoll il-conceptual design tal-mina nnifisha. Fl-istess waqt, minbarra l-kontinwazzjoni tal-ippjanar tekniku tal-proġett, sabiex ma jintilifx ħin, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għad-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex joħorġu s-sejħiet pubbliċi għall-offerti għar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-proġett, fosthom l-immaniġġjar tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tax-xogħol fil-post, kif ukoll ix-xogħol ta’ tħaffir u bini tal-mina u s-servizzi kollha relatati biex il-proġett jitlesta. Għaddejjin ukoll studji oħra ekonomiċi, li wkoll huma meħtieġa sabiex jiżguraw li din l-infrastruttura ġdida tintuża bl-aktar mod sostenibbli. Fi proġett ta’ dan id-daqs, l-istadju tal-ippjanar huwa parti integrali mil-proċess tat-twettiq tiegħu. Wara li jitlestew l-istadji tal-proġett li għaddejjin bħalissa, fosthom il-proċess tal-ippjantar tekniku, il-proċeduri tal-istudji u l-evalwazzjoni għall-permessi ta’ dan l-iżvilupp mill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll l-għażla tal-kuntratturi meħtieġa permezz tas-sejħiet pubbliċi, ikun imiss li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq il-post. Aktar dettalji speċifiċi dwar dan il-proġett ikunu magħrufa wara li jiġu determinati skont l-istudji tekniċi, ekonomiċi u dawk tal-EIA, u wara li jkunu ħarġu u ġew evalwati s-sejħiet għall-offerti meħtieġa biex titħaffer il-mina u tinbena l-infrastruttura kollha tagħha.

Mina bejn Malta u Għawdex — blat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' blat instab li hemm fir-rotta tal-mina bejn Malta u Għawdex? Ġew identifikati faults fil-blat minn fejn se tgħaddi l-mina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. It-tagħrif indikat ikun disponibbli wara li tintemm l-analiżi tal-istudji li saru f’dawn l-aħħar xhur, hekk kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 7606.

Bini tal-Mina bejn Malta u Għawdex — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu t-tenders biex isir it-tħaffir u bini tal-mina bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid x'tip ta' tender se toħroġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. Is-sejħiet għall-offerti għat-tħaffir u bini tal-mina bejn Malta u Għawdex mistennija jiġu ppublikati fl-2019. Dettalji dwar dawn is-sejħiet jingħataw dalwaqt.

Mina bejn Malta u Għawdex — Studju dwar is-saħħa u s-sigurtà waqt ix-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar is-saħħa u s-sigurtà waqt ix-xogħlijiet fuq il-mina bejn Malta u Għawdex? Mir-rapporti li saru s'issa, jekk saru, ħareġ x'inċidenza ta' fatalitajiet jista’ jkun hemm waqt li jkun għaddej ix-xogħol u kif dawn jistgħu jiġu eleminati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u nofs u qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa sabiex niksbu l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali kbir. L-istudji dwar is-saħħa u s-sigurtà waqt ix-xogħolijiet tal-mina bejn Malta u Għawdex ser isiru bħalma jsir għal kull proġett infrastrutturali infrastrutturali ieħor. Dawn l-istudji, li jinkludu wkoll risk assessments, ikunu jistgħu jiġu jitwettqu kif meħtieġ meta jkunu magħrufa aħjar il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi kif ukoll ir-rotta tal-mina u l-metodu ta’tħaffir li jkun ser jintuża.

National Geological Survey — pariri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawn Malta għandniex National Geological Survey nazzjonali bħala organizzazzjoni permanenti li tagħti pariri lill-Gvern dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż? Jekk le, għaliex hawn Malta bqajna l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea mingħajr dan is-servizz?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Peress li Triq San Ġwakkin f’Ħal Qormi (il-parti li twasslek għall-Imrieħel bypass) qatt ma ġiet asfaltata u tinsab fi stat ħażin ħafna u peress li minnha jgħaddu għadd ta’ persuni bil-mixi u bil-karozza biex ta’ kuljum imorru għax-xogħol fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jagħtiha prijorità u jinkludiha fil-lista ta’ toroq li se jsiru fl-2019 biex b’hekk tikkumplimenta l-proġett tal-bridge tal-bypass tal-Imrieħel?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Is-Siġġiewi – Triq Salvu Curso u Trejqet l-Anġli – ħajt ta’ lqugħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6171 magħmula fl-4 ta' Ġunju 2018, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra bit-talba li kienet saret sabiex titwessa' t-triq bejn Trejqet l-Anġli u Triq Salvu Curso flimkien mal-introduzzjoni ta' miżuri ta' sigurtà minħabba l-inċidenti li seħħew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ser tintroduċi miżuri ta’ ħarsien u sigurtà ġodda fit-triq indikata, permezz ta’ xogħol skedat għall-ġimgħat li ġejjin.