Legislature:
Category:
Reset
Active:

Produzzjoni tal-laħam tal-majjal frisk

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28775 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarjiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-majjal frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28775.

Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 — kopji stampati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28662, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fuq il-print run u art work/grafika tar-rapport ta’ ħidma kif ukoll tad-distribuzzjoni tar-rapport? Billi qed jingħad li 500 kopja intbagħtu lill-persuni li jiġu mid-9 u l-10 distrett fuq talba taghħom stess, jista' jagħti breakdown lokal, lokal mid-distretti l-oħrajn kemm kien hemm talbiet simili għall-kopji tar-rapport?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali fuq il-print run tar-rapport tat-tielet sena ta’ ħidma, laħqet €4,838 (VAT inkluża). L-art work sar mil-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Informazzjoni mingħajr ħlas addizzjonali. In-nefqa għad-distribuzzjoni bil-posta kienet dik ta’ €992.00. Tqassmu bil-posta madwar 1,600 kopja. Il-kumplament tqassmu f’ministeri, dipartimenti, u postijiet pubbliċi oħra. It-tqassim bil-posta sar f’dawn il-lokalitajiet u tqassmu bejn wieħed u ieħor hekk ; Attard 42 Balzan 35 Iklin 18 Floriana 12 Bkara 55 Swieqi 78 Pembroke 35 Zurrieq 30 Mdina 10 San Gwann 55 Pieta 12 Qormi 44 Santa Venera: 25 Tarxien 8 Zebbug 56 Rabat Ghawdex 40 San Pawl il-bahar; 64 Marsa 14 Hamrun 40 Naxxar 38 Mellieha 46 Imqabba 13 Gharghur 29 Sliema 81 Gzira 37 Qrendi 10 Valletta 38 Rahal Gdid 39 Marsaxlokk 16 Siggiewi 65 Mosta 60 Mgarr 55 Rabat 52 Msida 54 Ta’ Xbiex 38 San Giljan 73 Dingli 30 Wied il-għajn 38 Lija 21 Safi 12 Kalkara 35 Birgu 42

Għawdex — Għoti ta' licence A

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ma tawx il-licence A lill-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, liema student kien m'oħrajn sħabu li attendew l-MCAST x-Xewkija Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi m’għandiex informazzjoni fir-rekords tagħha dwar l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw ma’ din il-mistoqsija parlamentari.

Grid-connected renewable energy sources — skema għall-persuni li jixtru vettura elettrika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li din is-sena s'issa bbenefikaw minn sussidju sa €5,000 permezz tal-iskema għall-persuni li jixtru vettura elettrika u għall-istallazzjoni ta' grid-connected renewable energy sources?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema għadha miftuħa u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ din is-sena. Sa llum għadu ħadd ma applika biex jibbenefika mill-iskema.

Santa Margherita — splużjonijiet fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jara li l-isplussivi li qed jintużaw mill-barrieri qrib iż-żona fil-Mosta ta' St Margherita jkunu konformi u skont ir-regoli tal-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta u l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, liema splussivi sa nhar it-tlieta 26 ta' Lulju għall-ħabta tas-13.00 reġgħu għamlu splużjonijiet ta' daqs enormi li heżżu l-inħawi kollha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-operational permit l-operatur huwa dejjem mitlub li jappunta kumpanija indipendenti biex tagħmel il-monitoraġġ neċessarju fuq l-esplussivi ħalli jkun żgurat li ma jinqabisx il-limitu speċifikat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — infiq f'ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proġetti t'afforestazzjoni f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn matul din is-sena kienu żviluppati proġetti t'afforestazzjoni f'Għawdex? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari identika, numru 29480, imressqa minnu stess u mwieġba fis-Seduta 400 sitt ijiem ilu.

Xatt tal-Belt — tined għall-karrozini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tined għall-karrozini fix-Xatt tal-Belt? Dawn it-tined inxtraw jew inkrew? Kemm hi n-nefqa ta' dawn it-tined? Dawn it-tined ġew akkwistati wara ħruġ ta' sejħa pubblika għall-offerta (tender)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Numru 27934. Bħalissa m’hemm l-ebda tinda f’dawn l-inħawi peress li t-tined li kienu nkrew kienu tpoġġew biex ikun provdut kenn mix-xemx u s-sħana tas-sajf għaż-żwiemel tal-karozzini.

MCEB — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta MCEB ingħatax kuntratti mill-ministeru, dipartiment jew entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu (inkluż WasteServ) matul dawn l-aħħar seba' snin? Jekk fl-affermattiv, liema kuntratti ingħataw, kemm kien il-valur tagħhom u f'liema sena ngħataw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mir-rekords għal dawn l-aħħar seba’ snin ma jiriżultax li ngħata xi kuntratt lill-ditta li ġġib l-isem MCEB.

Qormi — Valley Road - bridge

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-bridge li hemm f'Valley Road, Qormi, li huwa għoli biss madwar 1.5 metru mit-triq jitneħħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond il- pjani mfassla tal-Proġett Nazzjonali għal Kontra l-Għargħar, dan il-pont se jitneħħa. Minflok f’din iż-żona se jsiru żewġ culverts kbar taħt il-livell tat-triq li jkunu jistgħu jieħdu l-ilma tax-xita u għalhekk dan il-pont ma jibqax ħtieġa għalih.

Regolamenti tal-Bini — bord imwaqqaf

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma twaqqafx il-Bord kif speċifikat fl-Att dwar ir-Regolamenti tal-Bini?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29137.

Laqgħat ta' BICC

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-laqgħat li saru tal-BICC taħt iċ-Chairman preżenti u l-aġenda ta' kull laqgħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. *Vide PL 8383 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 7 ta' Novembru 2011 f'Seduta 404

Ministeru għar-Riżorsi u Affarjiet Rurali — persuni b'diżabilità impjegati fis-settur u fis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilità f'kull skala fis-settur u s-servizz pubbliku impjegati fid-dipartimenti, uffiċċji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid għal kull vettura skont in-numru, x'inhu l-użu tagħha u min jużaha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. *Vide PL 8384 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 7 ta' Novembru 2011 f'Seduta 404

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — rapport ippubblikat

Question

Jista' l-Ministru jgħid, billi għaddew għadd ta' snin minn mindu ġew ippubblikati r-rapporti tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi, meta mistenni jsir dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rapporti annwali ta’ Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi għas-snin 2008, 2009 u l-2010 se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sal-aħħar ta’ Novembru 2011. L-audited accounts għal dawn is-snin ma setgħux ikunu konklużi minħabba kwistjoni relatata mat-taxxa li kienet identifikata mill-awdituri u li kellha tkun indirizzata liema kwistjoni pendenti issa ġiet solvuta. Din l-informazzjoni diġà saret pubblika fil-ġranet li għaddew f’wieħed mill-ġurnali lokali

studji dwar windfarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża matul l-2011 biex jitkomplew l-istudji ambjentali, u studji oħrajn, dwar il-vijabilità li jsiru l-windfarms, fl-art u fil-baħar, skont l-applikazzjoni li l-Gvern tefa’ mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm-il studju sar? Min kienu l-awturi ta’ kull rapport? Jista' jpoġġi kopja ta’ kull rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din is-sena ntefqu madwar Euro 85,000 mill-fondi li kienu diġà allokati biex jitkomplew studji ambjentali dwar il-vijabilità li jsiru l-windfarms, fl-art u fil-baħar li kienu bdew darba li l-gvern tefa’ l-applikazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. L-awturi ta’ l-studji ambjentali huma l-AIS Environmental Ltd. Filwaqt li l-awturi tal-istudju tar-riħ huma l-Institute for Sustainable Energy (Università ta’ Malta) Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji jkunu jistgħu jitpoġġew fuq il-Mejda ġaladarba jkunu mitmuma u jkunu sottemetti lill-MEPA.

Torri ta' Wied iż-Żurrieq — tindif, asfaltar u restawr

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li: a) jitnaddaf il-madwar tat-Torri ta' Wied iż-Żurrieq; b) jingħata asfaltar lit-toroq tal-madwar; u ċ) jiġi restawrat it-torri minn barra u minn ġewwa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan is-sit huwa responsabbilità diretta tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi. Minkejja dan, minn ispezzjoni li saret fil-post imsemmi jirriżulta illi kien hemm xi ftit materjal bħal fliexken u karti madwar is-sit li gie mnaddaf immedjatament. Huwa stmat illi kien hemm madwar 5 kilogrammi ta’ skart. Il-Gvern Ċentrali issa se japplika l-proċeduri stabbiliti sabiex jirkupra l-ispejjeż galadarba l-kunsill lokali naqas milli jagħmel dan ix-xogħol hu. Dwar ir-restawra tat-torri, ninfurmah li huwa ppjanat li fi żmien qarib se jsir eżerċizzju ta’ investigazzjoni u evalwazzjoni tal-ħtiġijiet għal xogħol ta’ restawr biex sussigwentement ikun jista’ jiġi ppjanat dan ix-xogħol. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jindirizzha lill-Ministru responsabbli mit-Transport Malta

San Pawl il-Baħar — Kosta minn ħdejn is-Salina sa ħdejn torri tal-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jistudja l-possibilità li l-parti tal-kosta li tgħaqqad is-Salini, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, sa ħdejn it-torri tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, fil-partijiet tagħha li għad mhumiex irranġati sew, jiġu hekk irranġati, u dan forsi wkoll bl-involviment tal-Transport Malta, (sezzjoni marittima)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol msemmi fis-siti indikati minnu mhux inkluż fil-pjanijiet immedjati ta’ dan il-Ministeru.

Żrieragħ importati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jiġborx dettalji ta' liema tip ta' żrieragħ jiġu importati f'Malta, għat-tip differenti ta' prodotti agrikoli li jitkabbru hawn Malta? Kif jiġi assigurat li ż-żrieragħ li jiġu importati jkunu dejjem tal-għola kwalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Avviż Legali 97 tal-2004 u l-emendi tiegħu, kull min jagħmel attività ta’ moviment ta’pjanti li jinkludu wkoll żrieragħ, hu obligat bil-liġi sabiex javza lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti billi jagħti tagħrif dwar liema tip ta' żrieragħ u pjanti se jiġu importati f'Malta. Dan l-avviż irid jingħata sa mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel monitoraġġ tas-suq lokali taż-żrieragħ billi jagħmel spezzjonijiet regolari għand il-kummerċjanti. Id-dokumenti u t-tikkettar taż-żrieragħ huma fost l-affarijiet ewlenin li jiġu ċċekkjati.

Hatcheries liċenzjati f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm għandna hatcheries liċenzjati hawn Malta (inkluż Għawdex) għal dak li jirrigwardja tifqis ta' flieles, kemm għat-trobbija għas-simna, kif ukoll għat-tkabbir tal-laħam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi f'Malta (u Għawdex) hemm żewġ 'hatcheries' li joperaw u li jfornu flieles kemm għat-trobbija għas-simna kif ukoll għal-produzzjoni tal-laħam..