Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Artikli u opinjonijiet fuq online portals - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara l-artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn kienu intervisti jew rapporti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.
B’referenza għar-Rapport Annwali u l-Financial Statements tal-Fond Nazzjonali u Soċjali ta' Żvilupp (NSDF) għas-sena 2021, jista’ l-Ministru jgħid l-isem tal-kumpanija involuta fit-Transferable Loan Note Instrument (‘TLNI’) ta’ USD25 miljun, hekk kif hemm miktub f’paġna 49 tal-istess Rapport Annwali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif qed ikun elenkat hawn taħt;
11 ta’ Jannar EPSCO li nżammet Namur, Belgium;
11 ta’ Marzu EPSCO li nżammet Brussels, Belgium;
15 ta’ April High level Conference on the European Pillar of Social Rights li nżammet La Hulpe, Belgium.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16194 u jgħid kemm minn dawn il-vittmi ta' traffikar tal-persuni:
i. kienu nisa/irġiel marbuta ma' massage parlours;
ii. kienu nisa/irġiel fis-settur tal-kostruzzjoni; u
iii. kienu nisa jew irġiel fil-prostituzzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub minnha jinsab fl-estratti mehmużin tal-Annual Statistical Report tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS għas-sena 2022 u l-Half-Yearly Report tal-istess aġenzija għas-sena 2023, li kopja qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-aħħar nett, infakkar li dan is-servizz ġie introdott fl-2018 u allura l-istatistika disponibbli tmur lura sa dik is-sena.
Pensjonijiet — Studji, rapporti jew rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar studji, rapporti jew rakkomandazzjonijiet dwar is-sostennibilità tal-pensjonijiet f’pajjiżna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport strateġiku li jmiss hu bil-liġi mitlub li jkun lest sal-aħħar tal-2025.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu s-Social Assistance (SA jew kif inhu magħruf, ir-relief), xahar xahar minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi tabella ta’ dawn il-benefiċjarji tas-Social Assistance skont l-ammont ta’ benefiċjarji, il-ġeneru u l-età (age group)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella tal-benefiċjarji tas-Social Assistance skont l-ammont ta’ benefiċjarji, u r-raħal jew belt skont fejn huma rreġistrati l-applikanti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jingħata s-Social Assistance?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kriterji li jirregolaw l-Għajnuna Soċjali jemanixxu mill-Artikolu 30 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet li saru u li minnhom ġew milqugħa mill-Bord Mediku għal Benefiċċju ta’ Diżabilità Severa maqsuma għal kull sena bejn l-2013 u l-2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.
Persuni li twieldu qabel l-1962 – Aġġustamenti fil-pensjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18116 u ċjoè jgħid; x'inhi l-proċedura sabiex persuna tikkwalifika għal aġġustament fil-pensjoni relatata mal-anomalija ta' dawk li twieldu qabel l-1962? Jista’ jgħid ukoll kemm pensjonanti ħadu diġà dan l-aġġustament u kemm pensjonanti jonqoshom jieħdu dan l-aġġustament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Budget 2024 tħabbru żewġ miżuri intiżi biex jindirizzaw anomalija jew inġustizzja li nħolqot fl-2006 li qasmet il-pensjonanti bejn min twieled qabel l-1962 u min twieled wara.
L-ewwel miżura hija li minn din is-sena ‘l quddiem, huwa garantit li kull pensjonant twieled meta twieled se jkun qed jiżdied l-istess meta tingħata ż-żieda ġenerali fil-Budget. B’hekk tneħħiet anomalija li kienet se tibda tolqot lill-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 minn dis-sena ‘l quddiem. Ma setgħetx tolqot qabel għax dawk li twieldu fl-1962 jew wara kienu għadhom mhux bil-pensjoni.
Li kieku ma daħħalniex din il-miżura, kieku din is-sena dawk li twieldu qabel l-1962 kienu jiżdiedu anqas minn dawk li twieldu wara. B’hekk din is-sena, madwar 100,000 pensjonant, twieldu meta twieldu, żdiedu €15 fil-ġimgħa.
It-tieni miżura tikkonċerna id-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu qabel l-1962. Dan kull sena se jibda jiżdied sakemm jiġi daqs ta’ dawk li twieldu fl-1962 jew wara sabiex tiġi indirizzata anomalija jew inġustizzja oħra maħluqa fl-2006.
Fl-2024 id-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 żdied għal €22,000 minn €20,464.
Dan ifisser li fl-2024, jista’ jkun li jkun hemm żieda addizzjonali sa massimu ta’ €9.47 fil-ġimgħa però dan jiddependi fuq l-ammont tad-Dħul Pensjonabbli aġġornat tal-pensjonant.
Id-Dħul Pensjonabbli huwa il-medja tas-salarji li fuqhom tinħadem il-pensjoni.
Jekk id-Dħul Pensjonabbli (ibbażat fuq is-salarji li wieħed kellu) kien ogħla minn €20,424 fis-sena kif aġġustat fl-2023 u bl-aġġustament tal-2024 jilħaq jew jaqbeż it-€22,000, tista’ titħallas żieda addizzjonali li ma taqbiżx l-ammont imsemmi ta’ €9.47 fil-ġimgħa. Effettivament dan ikun ifisser li dawn il-pensjonanti ikunu żdiedu sa €24.47 fil-ġimgħa.
Dawk lis-salarju tagħhom kien anqas minn €20,424 fl-2023, ma jistgħux jirċievu aktar żidiet minbarra l-€15 fil-ġimgħa li ħadu bħal kulħadd għaliex diġà qed jirċievu pensjoni li hija ibbażata fuq żewġ terzi tas-salarji sħaħ li kellhom.
Sa issa hemm madwar 15,000 pensjonant li ħadu żieda addizzjonali b’rizultat taż-żieda fid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 u dan in-numru se jkompli jiżdied aktar ma jinħadmu każi.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2023?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi għat tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W84.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18305 u jippubblika lista bl-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (NI) mħallsa, minn dawk li jaqgħu taħt il-parentesi tat-taxxa li ġejjin:
a. Single - Ir-rati kollha 0%, 15%, 25%, 35% ;
b. Ġenitur - Ir-rati kollha 0%, 15%, 25%, 35% ;
ċ. Miżżewweġ - Ir-rati kollha 0%, 15%, 25%, 35%?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba li l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18148 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17647, dwar il-kuntratt ta’ xogħol mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid meta;
i. skada l-kunratt;
ii. meta beda l-kuntratt; u
iii. kemm-il darba ġġedded?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.
Sptar Mater Dei — Persuni taħt l-influwenza tal-Alkoħol u/jew droga li daħlu fl-Emerġenza
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18149 u ċjoè: Peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17714 ma ssemmiet ebda inizjattiva preventiva fis-settur tad-droga, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir min-naħa ta’ prevenzjoni sabiex inqas persuni jispiċċaw jirrikorru għas-servizzi ta’ Emergenza fl-Isptar Mater Dei?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, fir-rigward tal-prevenzjoni l-Onor. Interpellanta tista’ tmur tara d-diversi Rapporti Annwali tal-FSWS li jinsabu kollha disponibbli online fuq is-sit elettroniku tal-FSWS.
Sabiex niffaċilitalha, iżda, se ngħid fil-qosor hawnhekk x’qed tagħmel l-Aġenzija Sedqa fir-rigward tal-prevenzjoni.
It-tim tal-Prevenzjoni tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, baqa’ għaddej bil-programmi preventivi tiegħu fl-iskejjel kollha ta’ Malta; mal-klassijiet tal-primarja tat-tielet u l-ħames sena u f’dawk l-iskejjel medji mal-klassijiet tat-tmien sena. Barra minn hekk t-tim tal-Prevenzjoni jagħmel interventi oħra fl-iskejjel post-sekondarji grazzi għal programm ‘BASH!’ (Beyond Addiction and Substance Highs!) li jinvolvi tlett esibizzjonijiet bit-titlu ta’:
1. Think before you drink
2. Stay Chill, Use Coping Skills
3. Know your Facts, for Real!
Dawn l-esibizzjonijiet jinvolvu attivitajiet interattivi, u jagħtu ċans liż-żgħażagħ jiddiskutu u jistaqsu mistoqsijiet relatati kemm fuq l-isfidi tal-ħajja u kemm fuq sustanzi u vizzji oħra.
F’din is-sena skolastika (2023-2024), it-tim tal Prevenzjoni laħaq l-iskejjel: San Alwiġi, Giovanni Curmi Higher Secondary, De La Salle, GEM16+, MCAST Paola Upper & Lower, MCAST Mosta, MCAST Agribusiness, Institute for Tourism Studies, Junior College, Verdala International School u l-Università ta’ Malta. Barra minn hekk, hemm ukoll ftehim mal-MCAST sabiex professjonisti mill-Addictions Community Team, jkunu preżenti kull ġimgħa fuq bażi ta’ roster, sabiex studenti li jkunu qed jabbużaw minn sustanzi, isibu l-għajnuna neċessarja.
Meta studenti juru li diġàjkunu jużaw sustanzi, il-professjonisti jagħtu informazzjoni mill-aspett ta’ ‘Harm Reduction’, iktar milli prevenzjoni, sabiex la wieħed diġà qed juża, jaraw li juża b’mod li se jagħmel l-inqas ħsara. Dan iwassal ukoll biex wieħed ma jwassalx biex juża s-servizzi tal-emerġenza ta’ Mater Dei.
Programm ieħor fejn il-professjonisti jiltaqgħu mal-adulti, huwa l-programm S.A.F.E. (Skills for Addictions Free Employees) fejn jiġu offruti diversi sessjonijiet kemm lill-impjegati u lill-management ta’ entitajiet kemm pubbliċi u privati. L-għan ta’ dan il-programm huwa li titqajjem kuxjenza fuq il-vizzji, jiġu mrawwma ħiliet li jsaħħu l-karattru, u jiġi edukat il-management biex jiġi mrawwem ambjent san, fejn wieħed iħossu komdu jistaqsi għall-għajnuna. B’hekk tiġi mnaqqsa l-istigma marbuta mal-vizzji. Ngħinu wkoll lil dawn il-postijiet tax-xogħol biex ifasslu w jimplimentaw politika (policy) biex tħares is-saħħa u sigurtà fil-qasam tal-użu u l-abbuż tas-sustanzi fuq il-post tax-xogħol.
Barra minn hekk, it-tim tal-Prevenzjoni jilħaq iktar nies billi jinvolvi ruħu fil-komunità billi jipparteċipa f’attivitajiet organiżżati minn diversi entitajiet bħal; Christmas in the City l-Belt Valletta, Ġenna ta’ Ġonna l-Floriana u Wanderlust Festival ġeww Ta’ Qali. F’dawn l-attivitajiet; familji, żgħażagħ, tfal u anzjani, jistgħu jagħmlu attivitajiet interattivi b’temi differenti. L-għan huwa li dejjem ikun hemm preżenza bħala Fondazzjoni u Aġenzija biex il-pubbliku jirrikorri għal aktar informazzjoni u għall-għajnuna neċessarja.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18122 u jgħid min hu intitolat li jirċievi "Benefiċċju waqt l-impjieg" mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa dan il-benefiċċju kull ġimgħa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Benefiċċju għal waqt l-Impjieg ġie introdott għall-ewwel darba fis-sena 2015, bħala parti mill-pakkett tal-‘Making Work Pay Policies’.
Dan il-benefiċċju jitħallas lill-ġenituri li jkunu jaħdmu u jkollhom tfal taħt it-23 sena jgħixu magħhom. L-eliġibilità tiġi kkalkulata skont id-dħul mix-xogħol iddikjarat wara li jitnaqqsu il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
Ir-rati ta’ ħlasijiet fil-ġimgħa huma diversi. Qed nipproduċi hawn taħt, kopja tat-tabella, li wieħed jista’ ukoll jaċċessa mis-sit elettroniku tad-Dipartiment; mysocialsecurity.gov.mt, bi skeda tar-rati mħallsa għal-2024.
Koppja - Persuna Waħda biss f'impjieg (Rata fil-Ġimgħa) 06/01/2024 - 03/01/2025
€6600.00 - €10494.99
€15.01
€10495.00 - €12994.99
€14.05
€12995.00 - €13994.99
€12.61
€13995.00 - €14994.99
€9.72
€14995.00 - €15994.99
€8.09
€15995.00 - €17994.99
€6.84
€17995.00 - €18994.99
€6.36
€18995.00 - €20994.99
€5.78
€20995.00 - €25999.99
€5.21
€26000.00 - €35000.00
€4.82
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17217, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14025, 14026 u 14478 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u lill-Prim Ministru rispettivament, u jgħid x’passi ulterjuri ser jittieħdu fir-rigward tal-impjegati varji wara u in konsegwenza tas-sentenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament deċiża fil-25 ta' Frar 2021 u dan kemm għall-impjegati li kienu parti fil-kawża kif ukoll dawk li ma kenux parti imma li għandhom interess?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-deċiżjoni tal-Onorabbli Qorti tal-Appell (Inferjuri) imsemmija fil-mistoqsija kienet waħda preliminari fejn sal-lum għadu jrid jiġi appuntat għas-smiegħ. Minkejja dan fis-sena 2019 il-Gvern ħareġ l-iskema ta’ Għotja ta’ Darba, li għadha miftuħa.
Din l-iskema tkopri wkoll lil dawk li kienu apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta.
Għalhekk, il-persuni msemmija fil-kawża, kif ukoll oħrajn li kienu apprentisti kif indikat fl-istess skema, jistgħu japplikaw fejn kull każ ikun assessjat fuq il-merti tiegħu skont dawn il-kriterji.
Madanakollu, hija kundizzjoni taħt din l-Iskema li applikant li jirċievi l-għotja jrid jirrinunzja għal kull pretenzjoni oħra futura marbuta mal-Iskema u jwaqqaf u jirtira kull kawża jew kawżi magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew entità oħra pubblika. Dan irid isir billi r-rikorrenti, jew l-eredi tagħhom, f’kull kawża jew kawżi jippreżentaw dikjarazzjoni maħlufa fir-reġistru tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn jiddikjaraw li qed iċedu u jirtiraw kull kawża jew kawżi pendenti. Prova ta’ din ir-rinunzja u rtirar tal-kawża jew kawżi trid tiġi mehmuża mal-applikazzjoni kif spjegat fl-istess formola tal-applikazzjoni.