Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — defibrillator

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-postijiet fis-Servizz Pubbliku fejn hemm Defibrillator?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi hemm Defibrillator f’dawn il-postijiet: Wieħed fl-għassa ta’ Ħal Luqa fil-Korp tal-Pulizija Wieħed fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi fis-Servizz ta’ Detenzjoni Tlieta fid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi: - wieħed fil-Faċilità ta’ Kordin - wieħed fil-Faċilità tal-CORRs l-Imtaħleb, u - wieħed fil-Forensic Unit ġewwa l-Isptar ta’ Mount Carmel Sitta fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili: - wieħed ġewwa l-Kamra tal-Kontroll ta’ Kandja - wieħed fl-Istazzjon ta’ Għawdex - wieħed fl-istazzjon tax-Xemxija - wieħed fl-istazzjon ta’ Kordin - wieħed fl-istazzjon ta’ Ħal Far, u - wieħed fis-Sezzjoni Marittima Ħmistax fil-Forzi Armati ta’ Malta: - tnejn f’Sant’Anton Palace/Kitchen Garden (OPR). (1 Regt) - wieħed fl-MIA. (1 Regt) - tnejn fil-Medical Infirmary. (Luqa Bks) - wieħed fit-Training School. (4 Regt) - tnejn fir-Rescue Section. (Air Wing) - tnejn fil-Guard Room. (Air Wing) - tnejn abbord is-Search & Rescue boats. (Maritime Squadron) - tnejn abbord il-Patrol Boats P51 and P52. (Maritime Squadron), u - wieħed abbord il-Patrol Boat P61. (Maritime Squadron)

Individwu – tixħim fl-għoti ta’ visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux qed jiġi investigat mill-Pulizija in konnessjoni ma’ allegat tixħim fl-għoti ta’ visas u jekk iva, kemm ilha għaddejja l-imsemmija investigazzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-investigazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli interpellant saret mill-Economic Crime Unit.Bosta nies ġew intervistati, inklużi l-persuna li saru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u dik li għamlet l-allegazzjonijiet fl-ewwel lok.Minn dawn irriżulta li l-allegazzjonijiet kienu għal kollox bla bażi u l-istess persuna li għamlet l-allegazzjonijiet diġà tressqet quddiem il-Qorti akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija u b’attentat ta’ frodi. Għaldaqstant l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija, kif ukoll kienu rrapportati pubblikament, ġew konklużi.

Tressiq ta’ individwu l-Qorti

Question

Peress li skont rapport fil-ġurnal is-Sunday Times of Malta tal-Ħadd, 15 t’Ottubru, 2017, il-Pulizija baqgħu ma ressqux lill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minkejja li hemm biżżejjed evidenza biex dan l-individwu jitressaq il-Qorti fuq każ ta’ frodi marbut ma’ allegat tixħim fuq kuntratti u ċekkijiet pubbliċi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) filwaqt li fl-istess ħin bena blokka appartamenti fir-Rabat u peress li f’pajjiż demokratiku wieħed għandu jistenna li Ministru ma jindaħalx fl-operat tal-Pulizija, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’biħsiebu jagħmel, bħala Ministru responsabbli mill-Pulizija, sabiex jara li l-Pulizija twettaq dmirha u tieħu l-passi meħtieġa dwar dan il-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi waqt li l-Pulizija waslet biex tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, jonqos l-aħħar stadju ta' verifiki qabel proċeduri ulterjuri jkunu jistgħu jiġu meħuda.

Tbagħbis ta’ Smart Meters – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti mill-Pulizija wara April 2013 fuq akkużi ta' tbagħbis ta' smart meters?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Furjana — reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Floriana fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pietà – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Pietà fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Venera – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati f’Santa Venera fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – membri li telqu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu mill-Korp matul ix-xahar ta’ Ġunju 2017, Lulju 2017, Awwissu 2017, u Settembru 2017? Jista’ jgħid kemm minn dawn li telqu, ma kenux għadhom għalqu l-25 sena servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fix-xhur ta' Ġunju 2017, Lulju 2017, Awwissu 2017, u Settembru 2017 kien hemm ħamsa u għoxrin (25) membru fil-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu wara li servew aktar minn ħamsa u għoxrin (25) sena servizz. Fl-istess perjodu tnax (12)-il membru tal-Korp telqu meta ma kienux għadhom għalqu l-ħamsa u għoxrin (25) sena servizz. Dettalji xahar b'xahar jidhru fit-tabelli li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – ingaġġ ta’ membri part-timers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Korp tal-Pulizija f’dak li għandu x’jaqsam l-ingaġġ ta’ part-timers bħala membri tal-Korp? Jista’ jgħid jekk sarx xi studju jew rapport li jiġġustifika l-ingaġġ ta’ part-timers minflok full-timers bħala pulizija fil-Korp? Jekk fl-affermattiv, jista’ jippreżenta tali studju jew rapport?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ingaġġ ta' part-timers bħala membri tal-Korp, jew aħjar pulizija ta' riżerva ġie msaħħaħ tard fis-sena 2013. L-ingaġġ ta' pulizija ta' riżerva hu ta' vantaġġ għall-Korp għaliex dan jipprovdi għall-ammont ta' uffiċċjali li kienu diġà mħarrġa u kapaċi li jagħmlu xogħol f'diversi sezzjonijiet tal-Korp, kif fil-fatt qed isir. Għaldaqsant, minħabba dawn il-vantaġġi din is-sistema għadha tiġi mħaddma sallum.

Direttur tal-Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk huwiex minnu li d-Direttur tal-Ħabs se jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin? Jekk fl-affermattiv, min se jkun id-direttur il-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li rriżenja d-Direttur preċedent, qed isiru l-arranġamenti sabiex jinħatar Direttur ieħor fi żmien qasir.

Individwu mressaq l-Qorti

Question

Peress li l-investigazzjonijiet fil-każ ta’ allegat frodi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadhom għaddejjin, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-perjodu ta’ sena huwiex żmien twil wisq biex tintemm investigazzjoni mill-Pulizija f’dan il-każ? Jaqbilx il-Ministru li hija koinċidenza stramba li din il-persuna li għadha ma tressqitx kienet ukoll canvasser tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi dwar il-persuna li d-detalji dwarha ngħataw separatament, il-Pulizija investigat il-każ relatat bl-istess manjiera kif tagħmel ma’ kull individwu. Infurmat illi l-perjodi li jieħdu l-investigazzjonijiet ivarjaw għal diversi raġunijiet, fosthom kif jiġri f'ħafna każijiet ta' frodi, minħabba ammonti kbar ta' dokumenti li jkunu jridu jiġu eżaminati bir-reqqa mill-investigaturi, kif fil-fatt ġara dan il-każ. Infurmat ukoll illi li dan il-każ hu fi stadju avvanzat u azzjonijiet ulterjuri ser jittieħdu fil-futur qarib.

Stħarriġ fuq fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hijiex qed tagħmel investigazzjoni biex tistħarreġ il-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat filwaqt li kien qed jaqla’ salarju ta’ xogħol mal-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi waqt l-investigazzjonjiet tagħha, il-Pulizija għamlet l-istħarriġ kollu, anke dak relatat mal-provenjenza tal-fondi li bihom il-persuna li d-detalji dwarha ngħataw separatament, seta’ jibni l-blokka msemmija fil-mistoqsija.

Rapporti għal reati fil-Marsa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 635, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-reati waslu biex jitressqu nies il-Qorti u jaqsam l-informazzjoni skont jekk l-akkużat kienx ta’ nazzjonalità Maltija jew barranija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li ma teżistix sistema kompjuterizzata biex id-dettalji mitluba fil-mistoqsija jinġabru, din l-informazzjoni nġabret manwlament u għaldaqstant ittieħed ħafna ħin. Infurmat illi mid-disa’ mija u disgħa u sebgħin (979) reat li ġew irrapportati fil-Marsa fis-snin 2015, 2016 u sat-30 ta' Ġunju, 2017, kif elenkat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 635, kien hemm mitejn u tlieta u tmenin (283) każ fejn tressqu tliet mija u disgħa u tmenin (389) persuna quddiem il-Qorti, inkonnessjoni ma’ dawn ir-reati. Minn dawn, tmienja u tmenin (88) persuna kienu ta' nazzjonalità barranija waqt li tliet mija u wieħed (301) kienu Maltin. Il-figuri kienu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. No. of cases reported 979 cases with arraignments 283 cases without arraignments 696 Persons Arraigned 389 Maltese 301 Foreigners 88

Belt Valletta – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Belt Valletta fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba li tinkludi ‘break down’ tar-rapporti kollha li saru mal-Pulizija għal reati fil-Belt Valletta fis-snin 2015, 2016 u sal-aħħar ta' Ġunju 2017 (sena b’sena u b’reat b’reat) tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħamrun – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Ħamrun fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, li tinkludi ‘break down’ tar-rapporti kollha li saru mal-Pulizija għal reati fil-Ħamrun fis-snin 2015, 2016 u sal-aħħar ta' Gunju 2017 (sena b’sena u b’reat b’reat) tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija – ħlas ta’ Sahra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tħallas f’sahra lill-Pulizija fil-perjodu bejn Jannar 2016 u Lulju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont li tħallas f'sahra lill-Pulizija fil-perjodu bejn Jannar 2016 u Lulju 2017 kien ta' €4,196,636.90 (Erba’ miljuni, mija u sitta u disgħin, sitt mija u sitta u tletin euro u disgħin ċenteżmu).

Dipartiment tal-Forensika – xiri ta’ apparat

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk kienx hemm xiri ta’ apparat ġdid fid-Dipartiment tal-Forensika matul is-sena 2017? Jekk dan hu minnu, jista’ jindika x’inhu dan l-apparat u x’inhu l-użu tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi apparat ġdid għall-użu ta' investigazzjonijiet fuq dokumenti, inxtara għad-Dipartiment tal-Forensika tal-Korp tal-Pulizija matul din is-sena. Dan inxtara biex jissostitwixxi apparat li kellu aktar minn tletin sena u li ma baqax jilħaq il-kwalitajiet neċessarji fil-laboratorju, għal dan it-tip ta' xogħol.

Korp tal-Pulizija – Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk it-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa tal-Korp tal-Pulizija neditx xi kampanji biex tinforma/teduka lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni mill-kriminalità tul l-aħħar sentejn? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti dettalji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa tal-Korp tal-Pulizija bl-assistenza ta' sezzjonijiet varji tal-Korp tal-Pulizija, nediet diversi kampanji biex tinforma/teduka lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni mill-kriminalità tul l-aħħar sentejn. Dettalji ta' dawn il kampanji jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għases – titjieb fis-sitwazzjoni infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’qed isir jew x’sar matul din is-sena biex titjieb is-sitwazzjoni infrastrutturali tal-varji għases f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena li ninsabu fiha l-Pulizija għamlet diversi xogħlijiet infrastrutturali li jinkludu manutenzjoni, tiswijiet u modernizzar ta' diversi għases. Sar xogħol estensiv fl-Għases taż-Żejtun, ta' Birżebbuġa u ta’ Ħaż-Żabbar, li jinkludi tisbiħ u modernizzar. Sar xogħol ukoll fl-għases tar-Rabat, Għawdex, il-Mosta, Raħal Ġdid u l-Imtarfa, fejn inbnew 'Interviewing Rooms' u xogħol ta' manutenzjoni ieħor. Waqt li qed isir xogħol ta' tisbiħ u manutenzjoni l-Għassa ta' San Ġiljan sar xogħol ieħor fl-għases tal-Imsida, l-Isla, Birkirkara, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbug, Ħal Għaxaq u Ħal Qormi, Ħal Balzan, u l-Qawra, iż-Żurrrieq u l-Fgura fejn ix-xogħol varja minn manutenzjoni, tiswijiet u xogħol ieħor. Xogħol ieħor isir skont il-bżonn f'lokalitajiet oħra.

Bini ta’ għases ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li jinbnew xi għases ġodda matul din is-sena? Jekk iva, iddaħħlux diġà xi applikazzjonijiet simili mal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi hemm il-ħsieb li tinbena għassa ġdida ġewwa Marsaskala. Din is-sena diġà beda l-proċess biex tlestew il-pjanti u diġà ddaħħlu l-applikazzjonijiet relatati mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-iskop. Eventwalment joħorġu t-tenders meħtieġa għal din l-għassa bil-possibilità li tkun lesta s-sena ta' wara.