Legislature:
Category:
Reset
Active:

UNCHR — - programmi u diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’programmi u diskussjonijiet qed isiru mal-UNCHR preżentament u x’hemm programmat għal tul din is-sena? Jista’ jikkonferma li tul dawn l-ewwel xhur baqax jingħata aċċess lill-uffiċjali tagħha fiċ-ċentri ta’ detenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-gvern, l-aġenziji tiegħu li jaħdmu fis-settur tal-immigrazzjoni u l-UNHCR. Saħansitra l-UNHCR tkun involuta sa mill-bidu meta jkun hemm wasla immigranti f’pajjiżna u tieħu ħsieb ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni. Isiru wkoll għadd ta’ laqgħat regolari, speċjalment bejn l-AWAS (Agency for the Welfare of Asylum Seekers) u l-UNHCR, fejn iż-żewġ naħat jaqsmu flimkien l-esperjenzi u l-ideat tagħhom. Hemm ukoll ċirkostanzi fejn il-UNHCR tiffinanzja proġetti li l-għan aħħari tagħhom ikun servizz f’ċentri li għandna f’pajjiżna. Normalment dawn jinħadmu permezz ta’ NGOs oħra. Kien hemm ukoll kolaborazzjoni f’dan il-perjodu fejn id-dinja inħakmet mill-imxija tal-COVID19, fejn il-UNHCR provdiet anke materjal b’lingwi differenti bil-għan li l-immigranti jkunu infurmati aħjar dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Li l-UNHCR iżżur iċ-ċentri hija xi ħaġa normali. Kien biss wara Marzu, bħala prekawzjoni minħabba l-imxija tal-COVID 19, li ċ-Ċentru ta’ Detenzjoni waqqaf iż-żjarat minn kwalunkwe organizzazzjoni u individwi. Dan sar biex ir-residenti jkunu mħarsa minn dan il-virus.

Captain Morgan – ħlas għall-użu ta’ bastimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus il-Forzi Armati ta’ Malta jew il-Ministeru tiegħu għall-użu ta’ bastimenti tal-Captain Morgan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kirja ta’ bastiment tal-Captain Morgan hija ta’ €3,000 kull ġurnata.

Każijiet ta’ serq rappurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każiijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2018 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet tressqu fil-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ każiijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mis-sena 2018 sal-aħħar ta’ April 2020 kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.. It-tabella tinkludi wkoll it-tip ta’ serq li ġie rrapportat. Dwar in-numru ta’ nies li tressqu l-qorti, ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn il-figuri mhumiex aċċessibbli fis-sistema elettronika tal-pulizija.

Każijiet ta’ ħasil ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ ħasil ta’ flus tressaq fil-Qorti mill-2014 sal-lum, sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ każi relatati ma’ ħasil ta’ flus imressqa l-Qorti sena b’sena mill-2014 sal-aħħar ta’ April 2020, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 (April) Numru ta’ każi 4 4 5 6 8 8 2

Każijiet ta’ frodi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ frodi tressaq fil-Qorti mill-2014 sal-lum, sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ każi relatati ma’ frodi mressqa l-Qorti sena b’sena mis-sena 2014 sal-aħħar ta’ April 2020, qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija – passi kontra klijenti

Question

B’referenza għall-aħbar tad-29 ta’ April 2020 fit-Times of Malta (https://timesofmalta.com/articles/view/almost-half-of-satabanks-suspect-clients-not-prosecuted.788684), jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Pulizija ma ħaditx passi fil-Qorti kontra dawn il-25 każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar il-każi msemmija mill-Onor. Interpellant dawn huma suġġetti ta' investigazzjoni tal-Pulizija. Għalhekk ma jista’ jingħad xejn li jista' jippreġudika l-istess investigazzjonijiet.

Protezzjoni lill-vittmi ta’ vjolenza domestika

Question

B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2020 (Nru 17: Rikors nru 69/17 LSO) fejn l-Istat instab ħati li naqas milli jipproteġi vittma ta’ vjolenza domestika (u lil uliedha) u fejn ħareġ ċar li fis-sistema hemm nuqqasijiet lampanti fil-proċeduri tal-pulizija fejn tidħol il-vjolenza domestika u fejn il-Qorti Kostituzzjonali qablet mas-sentenza tal-ewwel Qorti għaliex il-provi wrew li l-vittma “sofriet trawmi psikoloġiċi ta’ ċertu severità, mhux biss minħabba l-aġir ta’ żewġha, imma wkoll minħabba l-fatt li żewġha baqa’ jaġixxi b’impunità minkejja l-ordnijiet maħruġa kontrih”, u li n-nuqqasijiet tal-pulizija “... kumulattivament jammontaw għall-ksur tal-obbligazzjonijiet pożittivi tal-Istat li jassigura r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tar-rikorrenti”, jista’ l-Ministru jgħid, x’passi se jkun qed jieħu l-Gvern sabiex konkretament jipproteġi (kif għandu l-obbligu li jagħmel) vittmi ta’ Vjolenza Domestika? X’emendi leġiżlattivi se jkun qed jieħu l-Gvern biex jassigura li nuqqasijiet bħal dawn min-naħa tal-Istat jieqfu immedjatament? X’tibdil se jkun qed jimplimenta fil-proċeduri tal-Pulizija sabiex jassigura li l-vera ġustizzja tkun qed issir?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fejn jirrigwarda l-Pulizija, dawn isegwu mill-qrib kull żvilupp fil-kamp ta’ vjolenza domestika. Dan sabiex f’kull żmien ikun jista' jiġi determinat x'titjib u deċiżjonijiet ikunu opportuni li jittieħdu f'dan ir-rigward anke fejn jikkonċerna titjib fl-organizzazzjoni tat-Taqsimiet rispettivi. Kif deskritt f’risposti għal mistoqsijiet Parlamentari oħra relatati ma’ dan is-suġġett sar ħafna progress fil-mod ta' kif qegħdin jiġu indirizzati r-rapporti ta' vjolenza domestika, u dan peress illi l-Korp huwa u jibqa’ kommess li jagħti l-aħjar servizz lill-komunità. Kif diġà ngħad, fi ħdan il-Korp qed isiru arranġamenti sabiex aktar tard din is-sena titwaqqaf Taqsima speċjalizzata fuq reati ta’ vjolenza domestika. Meta dan iseħħ ħafna mill-punti indikati fis-sentenzi indikati mill-Onorevoli Interpellant jiġu indirizzati u għalhekk jiġi assigurat li jibqgħu jitjiebu l-proċeduri biex issir ġustizzja ma’ dawn il-vittmi.

Għawdex – In-Nadur – reġistrazzjoni ta’ artijiet

Question

B’referenza għar-reġistrazzjoni ta' medded ta' art fin-Nadur u r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13405, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess ta' kjarifika li skont hu kien għaddej mill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet hux lest? Jekk iva jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan il-proċess ta' kjarifika u jpoġġi kopja tal-konklużjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, kif jispjega li għaddew diversi ġimgħat u dan il-proċess għadu ma tlestiex? Meta hu maħsub li jitlesta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għadha għaddejja bi proċess ta’ kjarifika dwar dak imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infruzar tal-Liġi – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ingħata kuntratt wieħed mill-Aġenzija Identity Malta li kien jiswa €40,000 sabiex saret reviżjoni interna tal-proċess f’sezzjoni tal-istess aġenzija. Dan il-kuntratt, li sar skont il-Public Procurement Regulations, ingħata permezz ta’ direct order fl-2017 u ġie eżawrit.

Kummissarji tal-Pulizija/Aġenti Kummissarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12569 u jagħti d-data ta' meta l-persuni li mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari servew jew qegħdin iservu bħala Kummissarju tal-Pulizija jew Aġent Kummissarju tal-Pulizija rċevew l-ittra tal-ħatra tagħhom bħala Kummissarju tal-Pulizija jew Aġent Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll id-data ta' meta kull wieħed mill-istess persuni ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Kummissarju tal-Pulizija jew Aġent Kummissarju tal-Pulizija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija ittri tal-ħatra kif ukoll tal-ġuramenti tal-ħatra tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant, il-persuni msemmija fit-tabella t’hawn taħt, servew jew qegħdin iservu bħala Kummissarju tal-Pulizija jew Aġent Kummissarju tal-Pulizija. It-tabella tinkludi d-data meta ħadu l-ħatra u d-data meta rċevew l-ittra tal-ħatra f’dan il-grad. Kopja tal-ittri tal-ħatra qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Grad Isem u Kunjom Data tal-Ħatra Data tal-ittra tal-Ħatra Data tat-tmiem tal-ħatra bħala Kummissarju jew Aġent Kummissarju Kummissarju John Rizzo 02.11.2001 05.11.2001 Trasferit u appuntat Direttur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’effett: 13.04.2013 Kummissarju Peter Paul Zammit 13.04.2013 22.04.2013 Irtira bil-pensjoni b'effett: 03.07.2014 Aġent Kummissarju Raymond G. Zammit 03.07.2014 Gazzetta tal-Gvern datata 18.07.2014 Posted back to DC Field Office wef: 09.12.2014 Kummissarju Michael Cassar 09.12.2014 09.12.2014 Irtira bil-pensjoni b'effett: 27.04.2016 Kummissarju Lawrence Cutajar Aġent Kummissarju: 27.04.2016 08.05.2016 Kummissarju: 01.08.2016 28.07.2016 Irtira bil-pensjoni b'effett: 17.01.2020 Aġent Kummissarju Charles Magri Aġent Kummissarju: 17.01.2020 17.01.2020 Għadu jservi

Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku — reġistrar ta' tarbija b'isem bit-tipa Maltija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li meta tirreġistra tarbija mal-uffiċċju tar-reġistru pubbliku jinfurmawk li t-tipa tal-Malti ma tinsabx fis-sistema taċ-ċivil u allura l-isem Malti ma jistax jiġi rreġistrat formalment kif suppost? Jista' jgħid meta fi ħsiebu jsolvi din il-problema tar-Reġistru Pubbliku u Identity Malta, biex ikompli jipproteġi l-lingwa u l-identità Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 14119.

Nuqqas ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13027, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt hux ser tiżdied il-preżenza ta’ aktar nisa tas-sigurtà (pulizija u/ jew suldati) biex jaħdmu fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 13611, l-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata illi s-sigurtà f’Gate 4 tal-Ajruport hija mwettqa mill-Forzi Armati ta’ Malta, mhux mill-Pulizija. L-assenjazzjoni ta’ suldati ssir skont l-eżiġenzi tas-servizz u prijoritajiet operattivi fis-seħħ. F’dawn l-aħħar żminijiet, dawn ippermettew żieda ta’ preżenza ta’ suldati nisa f’Gate 4.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – rapporti mill-Offender Assessment Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ġie preżentat mill-Offender Assessment Board taħt l-Artikolu 4 taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant dwar kemm-il rapport ġie preżentat mill-Offender Assessment Board taħt l-Artikolu 4 taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019, it-tweġiba tinsab hawn taħt: Fl-2017:Tlieta u sittin (63) rapport Fl-2018: Tmienja u erbgħin (48) rapport Fl-2019: Disgħa u ħamsin (59) rapport

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – informazzjoni mgħoddija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba huwiex qed jkun hemm l-informazzjoni mgħoddija ai termini tas-subartikolu (c ) Artikolu 7 taħt Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant hija fl-affermattiv. Qed ikun hemm l-informazzjoni mgħoddija ai termini tas-subartikolu (ċ) Artikolu 7 taħt Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kap. 516 għas-snin 2017, 2018 u 2019.

Single residence/work permits maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu Single Residence/Work Permits, sena b’sena mill-2013 ’il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità tal-persuna li nħarġitilha l-permess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-regolament (KE) Nru 862/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL l-awtoritajiet Maltin huma mitluba biex kull sena jippreżentaw l-istatistika dwar il-migrazzjoni li tkun tkopri sal-aħħar tas-sena ta’ qabel. Għaldaqstant, bħalissa qed tiġi miġbura l-istatistika għas-sena 2019 skont l-obbligi li joħorġu mill-istess regolament. Madankollu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt għall-istatistika dwar in-numru ta’ permessi ta’ residenza ġodda marbuta max-xogħol li ħarġu fis-snin ta’ qabel. First Residence Permits Issued by Remuneration Activity Reason 2013 2014 2015 2016 2017 2018 Remunerated Activity 1,230 2,044 2,782 3,036 5,997 10,178 Top 3 Nationalities for First Residence Permit Issued for Remunerated Activity Ranking 2013 2014 2015 2016 2017 2018 Nationality No. Nationality No. Nationality No. Nationality No. Nationality No. Nationality No. First Philippines 259 Serbia 471 Serbia 708 Serbia 886 Serbia 1827 Serbia 1927 Second Serbia 213 Philippines 419 Philippines 660 Philippines 623 Philippines 1091 India 1776 Third China 82 Libya 305 North Macedonia 178 India 230 India 619 Philippines 1556

Single residence/work permits – talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għall-Single Residence/Work Permits, u jaqsam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità tal-applikant/a?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19, Malta bħalissa mhix tilqa’ applikazzjonijiet ġodda għal single permit, filwaqt li ssospendiet kull applikazzjoni li kien hemm. L-uniku eċċezzjoni huma l- highly skilled workers (Key Employee Initiative) u professjonisti mediċi

Persuni mressqa l-Qorti fuq ħasil ta flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fuq reati relatati ma’ ħasil ta’ flus mill-2015 'il hawn, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi li-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – inmates – servizz ta’ avukat tal-għajnuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inmates tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhomx aċċess għall-avukat tal-għajnuna legali permezz ta’ Skype?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull priġunier ġewwa l-ħabs għandu l-aċċess għall-avukat tal-għajnuna legali permezz ta’ Skype.

Forzi Armati ta’ Malta – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders mill-Forzi Armati ta’ Malta bejn l-2017 u llum? Jista’ jagħti break down ta’ kull direct order kemm fid-data, ammont u lil min ingħata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 14063, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt kif ukoll fid-dokument li qed inpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra: 2017: Eur 2,946,523.04 62 Direct Orders 2018: Eur 1,971,511.07 88 Direct Orders 2019: Eur 2,358,414.39 48 Direct Orders 2020: Eur 493,207.05 11 Direct Orders