Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttiva (UE) 2014/92/UE – liġi u entità pubblika responsabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-liġi domestika li timplimenta d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi? Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien tan-normi domestiċi li jimplimentaw din id-Direttiva?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, ġiet trasposta permezz tal-Avviż Legali 411 tal-2016 maħruġ taħt l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji (Kap. 376 tal-Liġijiet ta’ Malta). In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tad-direttiva msemmija hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.

Ġwież għall-annimali — Skema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk spejjeż relatati mal-ġwież tal-annimali hux se jkunu koperti mill-iskema ta’ €30 miljun li biha għandhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaddiema fl-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm ħaddiema fl-iskema Xogħol fil-Komunità? Kemm hemm ħaddiema f’Malta u f’Għawdex? Fejn huma assenjati dawn il-ħaddiema u x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istess ħaddiema? Jista’ jgħid għal kull każ ta’ kull ħaddiem, meta beda jaħdem f’din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ April 2022 kien hemm 1153 ħaddiem fl-iskema Xogħol fil-Komunità. Dawn kienu maqsuma bejn 651 ħaddiem f’Malta u 502 ħaddiem f’Għawdex. Dawn il-ħaddiema kienu allokati ma’ entitajiet varji fosthom Kunsilli Lokali, kulleġġi, entitajiet pubbliċi u NGOs. Dawn il-1153 ħaddiem bdew jaħdmu kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: 2016 432 2017 92 2018 171 2019 103 2020 136 2021 30 2022 189 Il-parteċipanti tal-iskema Xogħol fil-Komunità huma kollha ħaddiema full-time tal-Community Work Scheme Enterprise Foundation u jitħallsu paga minima flimkien mal-bonuses statutorji. Kundizzjonijiet tax-xogħol oħra huma skont dawk stipulati fil-liġijiet tax-xogħol Maltin. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 286 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 18 tal-15 ta' Ġunju 2022)

Persuni fil-lista tal-qgħad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' persuni fil-lista tal-qgħad fl-2019, 2020, u fl-2021 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impjiegi dawk il-persuni li kienu fir-reġistru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, Tabella A, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, turi n-numru ta' persuni fil-lista tal-qgħad fl-2019 sal-aħħar ta’ April 2022. Tabella B, li qed titpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, turi f'liema oqsma l-iktar li sabu impjiegi dawk il-persuni li kienu fir-reġistru.

Ħaddiema li għandhom inqas minn paga medja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema f’pajjiżna li għandhom paga taħt il-paga medja?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS). Is-salarju nħadem abbażi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary) kif indikat fit-tabella annessa. L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances. In-numru ta’ impjegati li qalgħu inqas mill-paga medja fis-sena 2021 kien ta’ 140,723. Dan jinkludi kemm impjegati li jaħdmu full-time u anke part-time jew full-time with reduced hours. Full-timePart-time Salarju bażiku annwali medju€20,436€10,838 Numru ta’ impjegati li għandhom dħul inqas mis-salarju medju123,71317,748

Ħaddiema — paga minima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema f’pajjiżna li għandhom il-paga minima?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS). Is-salarju nħadem abbażi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances. In-numru ta’ impjegati full-time li qalgħu l-paga minima fis-sena 2021 kien ta’ 2,642.

Impjegati ingaġġati full-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati full-time li kienu/huma impjegati mas-settur pubbliku bejn l-2013 u l-2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati full-time mas-settur pubbliku fl-aħħar tal-2021 kienu jammontaw għal 21% tal-individwi kollha gainfully occupied fil-pajjiż. Fi tmiem l-2013, is-settur pubbliku kien ilaħħaq għal 26% fost l-individwi kollha gainfully occupied fil-pajjiż.

Qamħ – Skema għal importazzjoni, manifattura u bejgħ bl-ingrossa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mekkaniżmu se jintuża biex titħaddem l-iskema ta’ €30 miljun li biha għandhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qamħ — Miżuri long-term għall-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern għall-miżuri long-term li minnhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ, minħabba l-inflazzjoni u ż-żieda fi spejjeż?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Ħaddiema professjonisti maċ-ċivil — Pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna tirtira b’pensjoni wara snin ta’ servizz, jekk dik il-persuna kienet taħdem maċ-Ċivil u professjonista u taqa’ taħt il-Ftehim Kollettiv, il-pensjoni ta’ dik il-persuna hija aġġustata skont il-Ftehim Kollettiv ġdid?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien – faċilitajiet bankarji

Question

B’referenza għall-problema li numru ta’ residenti Tarxiniżi qed jiffaċċjaw għax m’għandhomx faċilitajiet bankarji ta’ xejn, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarux rappreżentazzjonijiet mill-Ministeru ma’ entitajiet bankarji dwar dan sabiex ikun hemm dan is-servizz?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 22219 tal-Leġiżlatura XIII.

Ħlas ta’ eko-kontribuzzjoni għal kull min iżur il-gżejjer Maltin

Question

B’referenza għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari 234 u 670, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet is-somma totali li tħallset sena b’sena minn mindu daħal dan il-ħlas sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? X’inhi n-nefqa fuq kull waħda mix-xogħlijiet indikati fir-risposta numru 234? Kemm fadal kontijiet li jridu jitħallsu u kemm fadal fondi bħalissa? Kemm kienet is-somma totali li tħallset minn mindu daħal dan il-ħlas sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Kemm hi s-somma totali li hi ppjanata li titħallas mid-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari sal-aħħar tas-sena, u kemm hu ppjanat li se jkun id-dħul għall-istess perijodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 670. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — impjegati li daħlu mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba, li tkopri 37 bord differenti, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tneħħija mill-Greylisting tal-FAFT

Question

Fid-dawl tal-konsegwenzi serji ħafna li qed ikollha fuq l-industrija tas-servizzi finanzjarji tagħna u fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum, jista’ l-Ministru jaġġorna din il-Kamra dwar x’qed isir biex Malta titneħħa mil-lista griża tal-Financial Action Task Force (FATF) u meta qed jistenna li pajjiżna jitneħħa mil-lista griża tal-FATF?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istituzzjonijiet kkonċernati wettqu ħidma kbira sabiex jitwettaq il-pjan t’azzjoni. Filwaqt li nixtieq nassigura lill-Onor. Interpellant illi qiegħed isir dak kollu li hemm bżonn sabiex pajjiżna jitneħħa mill-lista l-griża, la hu xieraq u mhux prudenti illi nispekulaw dwar id-deċiżjonijiet tal-FATF.

Tneħħija mil-lista tar-Renju Unit ta' pajjiżi b'riskju għoli għall-ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'qed isir biex pajjiżna jitneħħa mil-lista tar-Renju Unit ta' pajjiżi b'riskju għoli għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qiegħed jitwettaq sabiex Malta twettaq il-pjan t’azzjoni, kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1155, għandu jservi sabiex jintlaħaq l-istess għan fir-rigward tal-lista indikata minnu.

Enemalta — pubblikazzjoni ta’ kontijiet awditjati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 821, jista’ l-Ministru jikkonferma li allura ma ttieħdet l-ebda azzjoni fuq in-nuqqas tal-kumpanija Enemalta plc., li tagħha l-Gvern għandu s-sehem maġġoritarju, li tissottometti l-kontijiet awditjati tagħha għas-snin 2019, 2020 u 2021 fil-ħin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 530 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Iskema tal-Komunità hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif indikat fit-tabella t’hawn taħt; Żejtun 35 Għaxaq 7 Marsaxlokk 4 Wied il-Għajn 16 Il-karatteristiċi biex persuna tifforma parti minn din l-iskema huma: A. persuna li kienet bla impjieg/inattiva fl-aħħar sena u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus u hija: 1. persuna adulta li tgħix waħedha u li għandha persuna jew persuni dipendenti taħt ir-responsabbiltà tagħha u li m’għandhiex impjieg full-time jew; 2. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li m’għandhiex kwalifiki tas-sekondarja għolja jew kwalifiki vokazzjonali (ISCED 3) u li m’għandhiex impjieg jew; 3. persuna 'l fuq minn 50 sena li m’għandhiex impjieg jew; B. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li kienet bla impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus.