Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sezzjoni tal-iSpecial Needs — Rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjonijiet diġà ttieħdu mis-sezzjoni tal-iSpecial Needs tad-Direttorati tal-Edukazzjoni biex ikunu konformi mar-rakkmandazzjonijiet li għamel l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu għas-sena 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għal kull student li għandu bżonnijiet speċjali u li jattendi fi skola mainstream, u għal xi raġuni ma jistax jagħmel użu mit-trasport provdut għall-iskola, il-Kulleġġ jagħmel talba formali lill-iStatementing Moderating Panel biex dan jagħmel assessment sabiex jara jekk dan l-istudent għandux jingħata dan is-servizz. L-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet li ghamel l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Awditur fir-rapport tiegħu għas-sena 2007 ingħataw fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4913.

Proprjetajiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proprjetajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha wieħed b'wieħed? X'użu qed isir minn kull proprjetà, dipartiment b'dipartiment u sezzjoni b'sezzjoni? Liema proprjetajiet qed jintużaw minn entitajiet barra d-dekasteru tagħha? Min qed jużahom u b'liema kundizzjonijiet qed jintużaw wieħed b'wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħdha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ Santa Margerita Verdala — soqfa

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li xi soqfa fil-Kulleġġ Santa Margerita Verdala, bdew iqattru kull meta tagħmel ix-xita? Tista' tgħid ukoll xi ħsarat oħra ġew rapportati minn Jannar 2009 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat mhux informat li kien hemm xi soqfa jqattru fil-Kulleġġ Santa Margerita, Verdala. Pero’ kien hemm żewġ problemi żgħar fil-binja l-qadima li issa ġew riżolti.

Għawdex — Learning Support Assistants

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8096 u peress li hemm ħafna learning support assistantsGħawdxin li ma jafux f'liema sitwazzjoni qegħdin a rigward il-lista ta' seniority biex eventwalment jigu trasferiti Għawdex meta jkun imisshom, tista' l-Ministru tgħid jekk dawk l-learning support assistants li għadhom kemm spiċċaw il-kors ta' l-Università hux ser jaqbżu lil dawk l-Għawdxin l-oħra li għadhom m'għamlux il-kors imma li ilhom impjegati iktar mad-dipartiment u li allura kien imisshom jigu trasferiti Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors tal-Universita’ msemmi mill-Onor. Interpellant kien miftuħ għall-Learning Support Assistants kollha. Kien fl-interess tal-LSAs infushom li japplikaw għal dan il-kors. Min spiċċa dan il-kors seta’ japplika għall-applikazzjoni li ħarġet għal LSA II. Min jgħaddi mill-intervista jilħaq LSA II u b’hekk ikollhom anzjanita’ fuq dawk li huma Supply LSA u LSA I u jitilgħu ‘il fuq fil-lista tal-Għawdxin li jmisshom jiġu trasferiti għal Għawdex.

Trips li ma jkunux saru

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet in konnessjoni mat-trasport tal-istudenti fejn ċertu tnaqqis magħmul fuq trips li ma jkunux saru jew li jkunu ġew amalgamati, kienu eventwalment resottometti u sussegwentement ġew imħallsa, matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena kif ġie indikat mill-Awditur Ġenerali fir-Rapport tiegħu għas-sena 2007? Fuq liema rotot kienu effetwati dawn il-ħlasijiet? U kemm kienu jammontaw dawn il-ħlasijiet li kull service provider involut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Financial controller professjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-Direttorati tal-Edukazzjoni qatt ma jikkunsidraw li jkollhom Financial Controller professjonali biex jara li jkun hemm accountability sħiħa tal-finanzi meta tikkonsidra t-tgħaffiġ li hemm fil-qasam tal-finanzi f'dawn id-direttorati u li ħareġ fil-miftuħ grazzi għar-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2007? X'qed iżomm li dan il-pass jittieħed bħala l-ewwel pass għal trasparenza sħiħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waqt li r-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali għas-sena 2007 isemmi li saru żbalji min-naħa ta’ l-Accounts Section, ma jindikax li hemm “tgħaffiġ” . Ir-rapport isemmi wkoll li qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir aktar checking u biex tingħata informazzjoni aħjar lit-taqsima ta’ l-Accounts. Bħalissa t-taqsima hija mmexxija minn Assistent Direttur u minn żmien għal żmien isiru rapporti mill-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali. Hu maħsub li ż-żewġ Direttorati, jiġifieri d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u d-Direttorat għal Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, ‘l quddiem ikollhom il- Finance Officer tagħhom.

Trasport Speċjali għall-istudenti fi skejjel mainstream — standing procurement regulations

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex, kif indika l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2007 it-trasport speċjali għall-istudenti fi skejjel mainstream ma kienx dejjem effetwat b'mod regolari skond standing procurement regulations? X'għodod hemm għad-dispozizzjoni ta' min hu responsabbli biex jara li ma jkunx hemm dawn l-abbużi? Tista' tagħti lista ta' kull darba li ġew irrappurtati dawn in-nuqqasijiet u minn min ġew rappurtati? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istanding procurement regulations? Meta kienu formulati dawn ir-regolamenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-extensions tat-tender kienu dejjem approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. F’Marzu tal-2007, ingħataw dawk ir-rotot li kienu konformi mal-ispecifications tat-tender document. Biex l-istudenti fuq ir-rotot li ma setgħux jingħataw ikunu moqdija, komplew jiġu mħaddma l-operaturi bl-extensions ta’ qabel. Sussegwentament kienet nħarġet tender oħra għar-rotot li kien fadal. l-Assistent Direttur/Direttur dejjem aċċettaw li t- tenders dejjem jinħarġu fi żmien minn qabel biex meta tibda s-sena skolastika l-istudenti ikollhom it-trasport meħtieġ. Meta jitfaċċa xi każ wara li tkun ġiet mogħtija t- tender , jinżammu il-parametri li fihom tkun ingħatat it- tender . Qiegħdha inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Regolamenti ta’ l-2005 dwar Kuntratti Pubbliċi. Dawn ir-regolamenti kienu fformulati skond l-Avviż Legali Nru. 177 ta’ l-2005 u ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 17, 775 tat-3 ta’ Ġunju 2005. Kien hemm emendi għal dawn ir-regolamenti skond l-Avviż Legali Nru. 11 ta’ l-2006 u Avviż Legali Nru. 410 ta’ l-2007.

Trasport ta' l-istudenti

Question

Jista' l-Ministrua tara li d-Direttur li taħtu jaqa' it-trasport tal-istudenti joħroġ standard procedures li kull skola trid issegwi biex ikun jista' jsir pjanar tajjeb għat-trasport tal-istudenti? Jistgħu jiġu konsidrati passi dixxiplinarji kontra min huwa responsabbli fl-iskejjel biex jipprovdi informazzjoni dwar ħteġijiet tal-iskola f'dan ir-rigward, jekk ma jsegwuwx l-istandard procedures li ssuġerejt aktar 'l fuq? Liema huma dawk l-iskejjel waħda b'waħda li rrefera għalihom l-Awditur Ġenerali fir-Rapport Annwali tiegħu għal 2007 li ma tawx l-informazzjoni meħtieġa biex ikun jistgħu jiġu ippjanati r-rotot u wkoll biex isir il-ħlas lis-service providers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn qabel is-sajf li għadda, id-Direttorati għal Servizzi Edukattivi ħa dawn il-passi biex in-nuqqasijiet li qed issir riferenza għalihom ma jiġux ripetuti: 1. Bagħat 4 ċirkularijiet fl-iskejjel u l-kulleġġi li jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-kulleġġi dwar l-operat tat-trasport fl-iskejjel. 2. Ingħataw spjegazzjonijiet lill-Prinċipali tal-Kulleġġi dwar is-sistema ta’ l-operat tat-trasport fl-iskejjel; dan sar bil-ħsieb li l-Prinċipali jaħdmu fil- Council of Heads biex isir titjib f’din id-direzzjoni. 3. Saru tliet korsijiet separati (2 għall-Kapijiet ta’ l-iskejjel u wieħed għall-istaff klerikali) biex l-iskejjel kollha li jużaw it-trasport jingħataw it-tagħrif kollu ta’ kif taħdem is-sistema, u kif għandhom jirraportaw nuqqasijiet, kemm b’mod immedjat, kif ukoll b’mod regolari fl-aħħar tax-xahar. 4. Gie żviluppat software li qed jitħaddem biex jgħin lill-iskejjel jippjanaw u jirraportaw it-trasport. 5. Kull skola giet mitluba tressaq il-bżonnijiet tagħha għat-trasport. Kull talba ġiet evalwata u nħargu r-rotot. Saru xi emendi bi qbil bejn l-iskola u l-uffiċċju ta’ l-i School Transport . Ir-rotot bdew jaħdmu b’mod fiss wara l-ewwel ġranet ta’ l-iskola. Irriżulta li l-iskejjel kollha segwew l-i standard procedures tal-bidu biex jiġu ppjanati r-rotot, tant li l-iskejjel kollha għandhom database ta’ kif l-istudenti tagħhom huma mqassma fuq ir-rotot rispettivi.

Trasport tal-istudenti — Segregation of duties

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif se tiġi trattata n-nuqqas, ta' kif isejħilha l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għall-2007, segregation of duties li teżisti fir-rigward tat-trasport tal-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sistema tal-amministrazzjoni tat-trasport tal-istudenti fl-iskejjel tal-istat li ġiet introdotta minn Settembru 2008 ‘il hawn, ir-responsabbiltajiet tqassmu kif ġej: 1. Il-kapijiet tal-iskejjel iressqu t-talbiet tagħhom permezz tal-Prinċipali tal-Kulleġġi. 2. Uffiċjal fit-taqsima tat-trasport iqassamhom f’rotot u pick-up points . 3. Id-Direttur responsabbli japprova jew jibdel skond il-ħtieġa. 4. L-uffiċjali responsabbli mit-trasport fl-iskejjel jirraportaw b’mod regolari dak li jkun qed jiġri fl-iskejjel tagħhom. 5. L-uffiċjali tal- Customer Care Unit jirċievu l- complaints u jsegwu l-każi rappurtati mal-operaturi, jew mal-ADT skond il-każ. 6. L-uffiċjali fl-iskejjel jibgħatu rapport fl-aħħar tax-xahar lis-Sezzjoni tal- Accounts biex tiġi ċċekkjata għall-korrettezza. Dan jiġi segwit minn hard copy tar-rapport li tiġi approvata mill-Prinċipal tal-Kulleġġ. 7. Il- hard copy tgħaddi għand l-Uffiċċju tat-trasport u jiġu applikati l-penali skond il- complaints li jkunu waslu, u jiġu cross-checked mal-accounts. 8. Il-penali jiġu approvati mid-Direttur u mressqa lis-Sezzjoni tal-Accounts. 9. L-Assistant Direttur responsabbli mill-finanzi jagħmel random checks tal-ħlasijiet approvati.

School Transport Service Providers — Contract of service

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi provizjonijiet hemm fil-contract of service tas-service providers tal-ischool transport biex jagħmel tajjeb għal nuqqasijiet mill-ftehim li irrefera għalihom l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2007? Kemm-il darba saru nuqqasijiet fir-rigward ta' dawn il-contracts of service matul l-2007 u l-2008, sena b'sena? Kemm kien hemm nuqqasijiet min-naħa tas-service providers? Kemm minn dawn in-nuqqasijiet kienu tort tad-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proviżjonijiet li hemm fil-contract of service tas-service providers tal-iSchool Transport biex jagħmel tajjeb għal nuqqasijiet mill-ftehim li rrefera għalihom l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2007 huma: 1. dwar missed trips – ma jsirx ħlas u tiġi applikata penali iddoppju tal-ħlas; 2. dwar rotot amalgamati – ir-rotta amalgamata titħalla bir-rata ta’ 80% tal-prezz; 3. rotta li tinħadem kmieni jew tard jitnaqqas €4.60 għal kull nuqqas. Biex dawn il-proviżjonijiet ikunu applikabbli, l-operaturi jridu jiġu infurmati bil-miktub fi żmien ħamest ijiem minn meta jkun sar in-nuqqas. Numru ta’ Nuqqasijiet mis- Service Providers li waslu fid-Direttorat 20072008 Missed Trips Rotot Amalgamati Missed Trips Rotot Amalgamati Service Provider 1271210110303 Service Provider 2196374124465 Service Provider 335382267 Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi dejjem aġixxa fuq ir-rapporti li ntbagħtu mill-iskejjel. L-Uffiċjal responsabbli mit-Trasport ma kellux direzzjoni biex japplika penali ħlief li ma jitħallasx vjaġġ li ma jkunx sar. Għalhekk ma nżammux rekords ta’ rotot li waslu kmieni jew tard.

Pjani fuq l-armerija u state room

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk, in vista tad-dikjarazzjonijiet li saru riċentament dwar il-pjani li għandu l-Gvern dwar l-armerija u l-istate room, dawn humiex se jibqgħu taħt ir-responsabbilità ta' Heritage Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemm l-ebda pjan biex dawn iż-żewġ siti jitneħħew mir-risponsabbilta’ ta’ Heritage Malta.

War Museum ġdid — ftuħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jerġa' jinfetaħ mill-ġdid il-War Museum? Veru li dan il-mużew kellu jinfetaħ mill-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħat, iżda l-ftuħ ġie pospost minħabba ż-żjara tas-Sur Ban Ki Moon? X'qed iżomm lill-Gvern milli jiftaħ uffiċjalment dan il-mużew b'mod immedjat? Jagħmel sens li l-Mużew tal-Gwerra ilu minn Ħadd il-Għid miftuħ mill-ġdid għall-pubbliku mingħajr ma sar il-ftuħ mill-ġdid b'mod uffiċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minħabba ż-żjara tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti is-Sur Ban Ki-Moon kellha tinbidel id-data tal-ftuħ uffiċjali tal-Mużew tal-Gwerra. Sa dan it-tant, dan il-Mużew diġa’ gawdewh il fuq minn 5000 ruħ. Il-ftuħ uffiċjali ser isir fil-ġimgħat li ġejjin.

Nursery b'xejn għall-ulied tal-impjegati tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tindika liema huma d-dipartimenti/entitajiet tal-Gvern li joffru servizz ta' nursery b'xejn għall-ulied tal-impjegati tal-Gvern? Kemm hu l-ammont ta' tfal li jattendu f'kull nursery, bl-isem ta' kull nursery? Hemm waiting list? Jekk iva, kemm hi twila l-lista ta' stennija vis-a-vis kull nursery? Il-Gvern beħsiebu jsaħħaħ dawn in-nurseries? Kif?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’hemm l-ebda dipartiment jew entita’ li joffri servizz ta’ nursery b’xejn għall-ulied tal-impjegati tal-Gvern.

Trasport ta' l-iskejjel — Persuna nkarigata

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol tal-persuna nkarigata mit-trasport tal-iskejjel ma kienx qed jiġi iċċekkjat indipendentement matul 2007? Dan minħabba nuqqas ta' staff jew inkella hu dovut għall-fatt li kontinwament jinteressana l-kwantità tax-xogħol li ħaddiema qed ikun mistennija li jagħtu milli l-kwalità tal-output tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena 2007, id-Dipartiment ta’ l-Operat li taħtu kien jaqa’ t-trasport ta’ l-iskejjel kien qed jiffunzjona b’nuqqas ta’ staff tant li ma kien hemm ebda Assistent Direttur f’dan id-Dipartiment. Dan għaliex bir-riforma li kienet qed titfassal, dan id-Dipartiment kien se jiġi trasformat f’Dipartiment ieħor. Kien minħabba din ir-raġuni li x-xogħol tal-persuna nkarigata mit-trasport ta’ l-iskejjel ma kienx qed jiġi ċċekkjat indipendentement. Ta’ min jgħid li waqt il-laqgħa li saret mal- Public Accounts Committee tal-Parlament ġiet spjegata kull kritika li deher fir-rapport ta’ l-Awditur u ma rrizultax li kien hemm nuqqasijiet serji.

Karti u prodotti riċiklati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ammont ta' karti riċiklati jew prodotti riċiklati inxtraw minn kull dipartiment jew sezzjoni li taqa' taħt id-dekasteru tagħha matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena u entità b'entità? Ta' kemm kienet in-nefqa fuq dawn il-prodotti minn kull dipartiment jew sezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tidher hawn taħt. ENTITA’ 2004 (Lm) 2005 (Lm) 2006 (Lm) 2007 (Lm) 2008 (€) Kunsill Malti għall-Isport NIL NIL 177.00 266.60 695.33 Heritage Malta NIL 1,015.71 3,394.61 3,671.92 17,086.15 Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti 721.22 766.30 772.31 728.52 1853.90 Dipartiment tal-Libreriji 169.70 204.28 162.20 80.50 437.15

Trips ta' Stand by duties

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awditur Ġenerali ma ngħatat records ta' ħlasijiet għal trips ta' stand by duties minn kuntratturi għat-trasport tal-istudenti matul 2007? Dan ifisser li break down ta' ħlasijiet dovuti lil kuntratturi ma jinżammux? Dan ma jindikax accounting procedures ħżiena min-naħa tad-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali ma jindikax li l-Awditur Ġenerali ma ngħatax records ta’ ħlasijiet għal trips ta’ stand by duties matul l-2007. Tant hu hekk, li l-istess rapport jirreferi għall-ispiża li saret f’dan ir-rigward fl-2007.

Trip li ma sarux

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm trips li ma sarux mis-service providers tat-trasport tal-istudenti matul dawn l-aħħar ħames snin? Liema rotot kienu waħda b'waħda u sena b'sena li fuqhom ma ngħatax servizz? Kemm suppost ġew iċċarġjati penali dawn is-service providers wieħed wieħed u sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin għal trips li ma għamlux jew inkella għax ma waslux fil-ħin kif hemm fil-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qabel Frar 2008, l-Uffiċjal responsabbli mit-Trasport ma kellux direzzjoni biex japplika penali ħlief li s- Service Provider ma jitħallasx tal-vjaġġ li ma jkunx sar.

Trasport tal-istudenti — Irċevuta fiskali

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kien responsabbli li jirrapporta lill-awtoritajiet tat-taxxi li s-service providers tat-trasport tal-istudenti ma kenux qed jipprovdu riċevuti fiskali tal-ħlasijiet mgħoddija lilhom indikati fir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali għall-2007? Kemm tmur lura qabel l-2007 din is-sitwazzjoni? X'kienu r-raġunijiet li ngħataw mill-persuna responsabbli għaliex dan ma sarx? Kemm kienu jammontaw il-ħlasijiet li fuqhom ma ngħatatx rċevuta fiskali? Liema kienu s-service providers li rrifjutaw li jipprovdu rċevuta fiskali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabbilta’ li tirraporta lill-awtoritajiet tal-VAT li service provider tat-trasport ta’ l-istudenti ma kienx qed jipprovdi riċevuti fiskali hija tas-Sezzjoni ta’ l-Accounts fid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni. Din is-sitwazzjoni nħolqot fl-2007, meta l- ex -Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni ma baqgħatx reġistrata mad-Dipartiment tal-VAT. It-Taqsima ta’ l- Accounts ippruvat tirregolarizza s-sitwazzjoni fl-iqsar żmien possibli u fil-fatt, issa dan is- service provider irregolarizza ruħu u bagħat l-irċevuti fiskali kollha li kellu nieqsa.

Special School Transport — baġit matul 2007

Question

Issa li sar magħruf li il-baġit għal provizjon tal-iSpecial School Transport matul l-2007 ġie maqbuż b'somma konsiderevoli, tista' l-Ministru tgħid b'kemm u x'kienu iċ-ċirkostanzi li minħabba fihom inqabeż il-baġit stipulat? Għand liema service providers marru l-ammonti ta' fondi eċċessivi li intnefqu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif indikat fir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali għas-sena 2007, l-ispiża għat-trasport għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali laħqet €611,866. Kif spjegaw l-uffiċjali tal-Ministeru waqt il-laqgħat tal- Public Accounts Committee , l-ammont allokat għall-2007 kien daqs l-allokazzjoni ta’ l-2006 (€465,875) minkejja li l-ispiża għall-2006 laħqet €574,715. Minn dan il-vot tħallsu dawn is- service providers : Mini Bus Co-operative Ltd. €136,052 Unscheduled Bus Service €61,227 Paramount Garage €97,878 Peppin Garage €21,116 TDP €295,181 Stefan Fenech €412