Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi — sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità tas-Siġġiewi għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn s’issa għad m’hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema parti qed jirreferi.

Ħal Qormi — sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità ta’ Ħal Qormi għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn s’issa għad m’hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema parti qed jirreferi.

Il-Mellieħa – Triq il-Wied ta’ Ruman — tarmak

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se ssir azzjoni korrettiva fi Triq il-Wied ta’ Ruman fil-Mellieħa fejn it-tarmak niżel drastikament? Tista’ tikkonferma jekk dan jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew Transport Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kwalunkwe ħsara li jista’ hemm ma ġietx ikkawżata minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża. Kwalunkwe mistoqsija dwar azzjoni korrettiva potenzjali trid tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1639 u tgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa relatata mal-programm imsemmi kienet ta’ sitt elef u sitt mitt ewro (VAT eskluża). It-temi diskussi kienu relatati mal-qasam ambjentali.

Boroż tal-plastic griżi jew ħodor għall-ġbir tar-riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1125 u tgħid kemm-il tunnellata ta’ boroż tal-plastik griżi jew ħodor qed jintużaw għall-ġbir tar-riċiklaġġ fis-sena? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex jinċentiva l-użu aħjar tal-kaxxi tal-kartun vojta li jkollhom il-ħwienet bħala kontenituri ta’ skart ieħor fl-iskema tar-riċiklaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilità tal-ġbir u trattament tal-materjal tal-boroż il-griżi u ħodor hija tas-settur privat li jagħmlu dan permezz tal-Producer Responsibility Schemes (PROs). Rigward it-tieni mistoqsija, il-kartun huwa materjal riċiklabbli li ukoll jinġabar u jiġi rriċiklat għax jinġabar nadif. Jekk il-kartun jiġi użat għall-ġbir tal-materjal riċiklabbli ieħor, hemm ir-riskju li l-kartun jiġi kontaminat u għaldaqstant ma jibqax tajjeb għal-riċiklar u minflok jispiċċa ttrattat bħala skart imħallat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Advisors

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm impjegat Advisors fil-Ministeru tagħha u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Advisors impjegati fil-Ministeru huwa ta’ tmienja. Is-salarji huma bbażati fuq skala tlieta, għajr każ wieħed fejn is-salarju huwa ta’ skala 5.

Birżebbuġa – Proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Impjant ta’ San Luċjan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa biex jiġi riġenerat l-Impjant ta' San Luċjan li ġie mħabbar ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà tħejja Outline Decommissioning Plan maqbul mal-ERA dwar kif għandu jsir id-decommissioning tal-impjant eżistenti ta’ San Luċjan sabiex is-sit ikun jista’ jiġi ppreparat għall-Proġett tas-Siċċa. Dan il-pjan se jintuża bħala bażi għat-tender li se jinħareġ għall-iżmantellar tas-sit. Sabiex jiġi assigurat illi x-xogħlijiet isiru sew se jitqabdu Project Managers u Health & Safety Project Supervision, biex jissorveljaw ix-xogħlijiet mill-aspetti ta’ project management, kif ukoll bħala sorveljanza dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà. Sadanittant qed jiġi ppreparat ix-xogħol għal Ground Water and Soil Investigation, Cleaning and Waste Disposal hekk kif maqbul fl-Outline Decommissioning Plan mal-ERA. Fi kwalunkwe stadju qed jinżamm kuntatt mal-ERA.

REWS – Membri u Chairman tal-Bord

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2268 tista’ l-Ministru tgħid: a. jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika (public call) għall-ħatriet li jmiss li jsiru fir-rigward taċ-Chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS); u b. tamplifika dwar il-proċess li ser jiġi segwiet biex jintgħażlu l-membri tal-Bord tar-REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-Regolatur se jsiru f’konformità sħiħa mal-provvedimenti tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-kriterji tal-għażla se jkunu ppublikati fil-mument opportun.

Reverse vending machine bottles

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm se jkun hemm Reverse Vending Machines (RVMs) installati bħala parti mill-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb f’Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat (Malta), Ħad-Dingli, l-Imtarfa, u l-Imġarr (Malta), indikati raħal b’raħal u bl-informazzjoni dwar il-postijiet fejn se jiġu installati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operatur liċenzjat għandu l-obbligu jinstalla 320 Reverse Vending Machines (RVMs) madwar Malta u Għawdex. L-iskema hija obbligata tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, azzar, aluminju jew ħġieġ. Dawn il-fliexken jew bottijiet, li jvarjaw minn 0.1 litri sa 3 litri, jinkludu; (a) ilma u flavoured water; (b) luminati bil-gass jew bla gass; (d) cider, birer u xorb tax-xgħir (malt beverages); (e) kafè lest biex jiġi kkonsmat; (f) xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il 5%; (g) dilutables. Inbejjed, spirti, u meraq tal-frott (juices) huma esklużi mill-Iskema. Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mellieħa – partijiet li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità tal-Mellieħa għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema parti qed tirreferi.

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3243 u tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proġetti relatati mal-medical cannabis

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3244 u tgħid kemm kienu l-proġetti relatati mal-medical cannabis approvati mill-Malta Enterprise fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena kemm minnhom fil-verità bdew joperaw u kemm minnhom għadhom joperaw fil-preżent? Tista' tgħid kemm hemm impjegati f'kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2018 u l-2022, il-Malta Enterprise approvat 33 proġett ta’ medical cannabis li minnhom hawn diġà joperaw 7 kumpaniji li bejniethom qed jimpjegaw 79 impjegat, fil-maġġoranza tagħhom xjentisti u persuni mill-qasam mediku u farmaċewtiku. 4 kumpaniji oħra li ġew approvati jinsabu fil-proċess li jottjenu liċenzji skont l-Att dwar il-Kannabis għall-Użu Mediċinali. Il-proċess rigoruż li jsir mill-entitajiet governattivi għal-liċenzjar finali ta’ proġett ta’ medical kannabis jieħu s-snin sabiex ikun hemm l-aċċertazzjonijiet kollha neċessarji biex il-prodott finali jkun tal-ogħla grad farmaċewtiku. Fl-istess waqt, il-qasam tal-Kannabis globalment għadda minn diversi fażijiet fejn intlaqat b’mod negattiv waqt il-pandemija, kif ukoll kien hemm diversi kumpaniji li ġew akkwistati minn kumpaniji oħra u li għadhom għaddejjin minn proċess ta’ akkwiżizzjoni, b’hekk proġetti bħal dawn jieħdu iktar snin sabiex iseħħu.

Il-Fgura – Triq San Ġwann – qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqata’ d-dawl din is-sena fi Triq San Ġwann, il-Fgura u tindika r-raġuni għala u x’passi ser jittieħdu biex dan ma jkomplix iseħħ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fi Triq San Ġwann, il-Fgura, kien hemm problema li bdiet tikkawża qtugħ ta’ dawl. Irriżulta li dan il qtugħ kien ġej minn ħsara li żviluppat fuq feeder li jissupplixxi l-elettriku lil din it-triq u immedjatament saru t-tiswijiet meħtieġa mit-tekniċi tal-Enemalta. Ovvjament waqt li saru dawn it-tiswijiet, il-provvista tal-elettriku kellha terġa’ tiġi sospiża biex ma jkunx hemm periklu għal ħaddiema li kienu qed jagħmlu t-tiswijiet.

Il-Fgura – Triq l-Iskola – qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqata’ d-dawl din is-sena fi Triq l-Iskola, il-Fgura u tindika r-raġuni għala u x’passi ser jittieħdu biex dan ma jkomplix iseħħ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2338 peress li l-provvista tal-elettriku fi Triq l-Iskola tingħata mill-istess feeder ta’ Triq San Ġwann.

Petting farm

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux maħsub li jsir titjib fil-Petting Farm f'Ta’ Qali li skont rapport fil-midja bħalissa jinsab fi stat diżastruż u li fuqu qamu kwestjonijiet ta’ periklu u nuqqas ta’ sigurtà għal dawk li jiffrekwentawh?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li assolutament mhux minnu dak li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta fil-mistoqsija tagħha. Tajjeb ngħid ukoll li Parks Malta tieħu ħsieb biex regolarment issir il-manutenzjoni meħtieġa ħalli dan il-post jattira dejjem aktar viżitaturi li jixtiequ jkunu qrib tal-annimali u n-natura. Bl-istess mod se nkomplu nipprovdu l-aħjar kura lil dawn l-annimali li hemm fil-Petting Farm.

Is-Siġġiewi – Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra – qtugħ ta’ dawl

Question

Peress li kien hemm ilmenti rigward qtugħ ta' dawl f'xi toroq u żoni fis-Siġġiewi, partikolarment f'Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra, tista’ l-Ministru tgħid x'qed isir dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-nofs Awwissu ’l quddiem, fiż-żona tal-Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra, kien hemm każ wieħed ta’ sospensjoni tal-provvista tal-elettriku fid-19 t’Awwissu u dan kien għal raġunijiet ta’ manutenzjoni. Rigward żoni u toroq l-oħra fis-Siġġiewi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant tajjeb li jingħataw dettalji speċifiċi biex tingħata risposta eżatta. B’mod ġenerali, meta s-sospensjonijiet ikunu ppjanati, il-kumpanija Enemalta toħroġ avviż minn jumejn qabel u l-klijenti li jirreġistraw għal dan is-servizz jirċievu notifika b’messaġġ personali.

San Pawl il-Baħar – partijiet mil-lokalità li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ma jidhirx li hemm xi partijiet mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li m’għandhomx sistema tad-drenaġġ.

Ix-Xemxija – xogħlijiet fuq sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għax-xogħol li qed jingħad li ser isir fl-inħawi tax-Xemxija fuq is-sistema tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tipprovdi kopja tat-Traffic Management Plans għal waqt dawn l-istess xogħlijiet? Billi qed jingħad li x-xogħol ser ikun qed isir billejl, tista' tagħti wkoll tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-istorbju waqt ix-xogħol ikun l-inqas wieħed possibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

It-traffic management plans ikunu jridu jiġu sottomessi lil Transport Malta mill-kuntrattur li jkun ser iwettaq il-proġett. Ninsab infurmata li f’dan l-istadju għad m’hemmx kuntrattur magħżul u allura għadu kmieni biex ikun hemm traffic management plan. Fir-rigward tal-ħsejjes il-kuntratt se jkun jesiġi li l-kuntrattur jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jillimita tali ħsejjes.

Is-Siġġiewi – Triq il-Kbira u Sqaq il-Qajjied – qtugħ ta’ dawl

Question

Peress li kien hemm ilmenti rigward qtugħ ta' dawl f'xi toroq fis-Siġġiewi, partikolarment f'partijiet minn Triq il-Kbira u Sqaq il-Qajjied, tista’ l-Ministru tgħid x'qed isir dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-nofs Awwissu ’l quddiem, fiż-żona li qed issir referenza għaliha fil-mistoqsija, kien hemm ħames każijiet ta’ sospensjoni tal-elettriku li erbgħa minnhom kienu ppjanati minħabba xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Il-każ l-ieħor kien ikkaġunat minn ħsara fil-linji tal-elettriku. B’mod ġenerali, meta s-sospensjonijiet ikunu ppjanati, il-kumpanija Enemalta toħroġ avviż minn jumejn qabel u l-klijenti li jirreġistraw għal dan is-servizz jirċievu notifika b’messaġġ personali.

Żona ta’ Kordin — Tħawwil ta’ siġar

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li jitħawlu siġar fiż-żona tat-tarf ta’ Kordin u fiż-żona taċ-China Dock peress li min-naħa tal-Belt Valletta din iż-żona verament tidher kerha u mitluqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-analisi preliminari tas-siti inkwistjoni, dawn jikkonsistu primarjament minn blat bi ftit ħamrija u f’xi partijiet huma wkoll imtarrġa apparti li huma biswit il-port il-kbir ukoll. Madankollu, ser isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit il-potenzjal ta’ dawn is-siti.