Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar li daħlu mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda u kemm minnhom ingħataw post ġdid jew post alternattiv?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — postijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu l-1,700 post li ilhom jissemmew mill-Gvern għal dawn l-aħħar snin?

Response (GALDES, RODERICK)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi huwa grazzi għal dan il-Gvern li f’pajjiżna se jkun hawn 1,700 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali għax gvernijiet preċedenti mhux talli ma ħadux ħsieb li jsostnu l-istokk ta’ binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali imma neħħew għalkollox il-Ministeru li kien jieħu ħsieb dan il-qasam tant importanti. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll illi binja fis-Swatar diġà ġiet inawgurata u diversi binjiet oħra waslu fl-istadju tal-finishing fejn tali binjiet se jkunu qed jaraw mijiet ta’ familji deħlin f’postijiet ġodda. Dan wara li għall-ewwel darba għandna sistema ġdida ta’ allokazzjoni ta’ kif u meta se jsiru l-allokazzjonijiet, iswed fuq l-abjad u bit-trasparenza. Jinsab għaddej ukoll ix-xogħol ta' bini fuq binjiet oħra li se jingħataw lir-residenti s-sena d-dieħla filwaqt li qed jiġu ppreparati s-sejħiet għall-offerti għall-binjiet li se jingħataw fis-snin li ġejjin. Ix-xogħol qed jitwettaq skond pjan ta' allokazzjoni mfassal fuq bosta snin.

Il-Belt Valletta – Pjazza Tritoni – Tactile walkway

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tactile walkway fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, li hu maħsub biex jintuża minn persuni neqsin mid-dawl jibqa’ dejjem mingħajr l-ebda tip ta’ ingombru waqt kull attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu? Kemm-il rapport irċieva matul l-aħħar sena dwar ingombru fl-istess żona waqt xi attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Postijiet ta' akkomodazzjoni soċjali lil Richmond Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu allokati postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali lir-Richmond Foundation biex jintużaw mill-klijenti tagħhom? Jekk iva, jista’ jgħid kemm ingħataw postijiet kull sena bejn l-2013 u l-2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2013 u Mejju 2022 l-Awtorità tad-Djar allokat 2 postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-sena 2015 u ieħor fis-sena 2019 lir-Richmond Foundation biex jintużaw mill-klijenti tagħha, liema kuntratti għadhom kollha attivi.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — Postijiet ta’ residenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew allokati postijiet ta’ residenza, sena b’sena, u separatament għal kull lokalità tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar mill-2013 sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Minn dawn, kemm-il residenza kienet tal-Gvern u kemm minn dawn ir-residenzi kienu tal-privat? Minn dawn, kemm-il residenza kienet aċċessibbli għal persuni b’diżabilità? Mill-2013 sal-lum kemm-il binja/residenza nbniet apposta bħala residenza sabiex dawn il-postijiet jiġu allokati skont l-applikazzjonijiet mal-Awtorità tad-Djar f’dawn l-istess tliet lokalitajiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn is-sena 2013 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar allokat 192 post ta’ residenza fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Minn dawn, għaxra kienu residenzi tal-Gvern/Awtorità tad-Djar u 182 kienu residenzi mikrijin mingħand il-privat. L-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej f’din it-tabella t’hawn taħt: Sena Lokalitajiet Total Mellieħa Naxxar San Pawl il-Baħar 2013 0 1 25 26 2014 3 0 33 36 2015 0 0 8 8 2016 1 0 3 4 2017 8 0 10 18 2018 0 0 4 4 2019 1 0 8 9 2020 1 0 19 20 2021 3 1 46 50 2022 0 2 15 17 Total 17 4 171 192 Mill-2013 'l hawn inbnew żewġ binjiet fil-Mellieħa li ġew allokati għal taħlita ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. Sitt appartamenti f’dawn il-binjiet ġew allokati għal akkomodazzjoni soċjali fis-sena 2017. F’San Pawl il-Baħar, fl-2014 ġew akkwistati żewġ appartamenti mibnija mill-privat li wkoll ġew allokati għal akkomodazzjoni soċjali. Ma nbniet l-ebda binja fin-Naxxar fis-snin imsemmija. L-Awtorità tad-Djar ma żżomx statistika speċifika rigward liema binjiet huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, madanakollu ninsab infurmat illi ż-żewġ binjiet ġodda mibnija fil-Mellieħa huma aċċessibbli.

Kuntratti ta’ Housing tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 976, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kull tip ta’ kuntratt, kemm dawk ta’ postijiet mibnija mill-Gvern, dawk b’xi ftehim mal-privat u/jew kull tip ieħor, u jgħid kemm saru minn kull tip?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2022 saru 508 kuntratti ta’ kirja mill-Awtorità tad-Djar. Dawn huma maqsuma hekk kif ġej fit-tabella t’hawn taħt: Tip ta’ Kuntratt Total Proprjetà tal-Gvern/Awtorità tad-Djar 183 Proprjetà mikrija mingħand il-privat 325 Total 508

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — impjegati li daħlu mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu minn 2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-20 ta’ Mejju 2022, is-segwenti ġew imħallsa liċ-Chairperson tal-Bord tal-Awtorità tad-Djar: 2017 –​ €851.40 (Jan – Set - €669.38 + Ott – Diċ - €182.02) mowbajl 2018 - ​ €794.90 mowbajl 2019 –​ €499.57 mowbajl 2020 – €509.62 mowbajl 2021 – €497.21 mowbajl 2022 - €110.92 mowbajl Mill-2017 sal-lum kien hemm nefqa ta’ €175 fix-xahar fuq fjuwil. L-entitajiet l-oħrajn li jaqgħu taħti ma kellhom l-ebda nefqa.

Benefiċċju tal-Kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna bbenefikat mill-benefiċċju tal-kera fl-aħħar ħames snin u kemm kien l-investiment totali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:- Sena Sussidju Mħallas Benefiċċjarji 2017 €1,543,432 2,653 2018 €2,411,359 2,186 2019 €3,761,815 2,898 2020 €5,925,136 3,437 2021 €7,769,320 4,040 2022* €3,536,554 3,394 *sa Mejju 2022

Sussidju tal-Kera f'residenzi privati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna bbenefikat mis-Sussidju tal-Kera f’Residenzi Privati Mikrija qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 u kemm kien l-investiment?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Sena Benefiċċjarji Sussidju Mħallas 2021 82 €49,140 2022* 122 €211,668 *sa Mejju 2022 Ta’ minn jgħid li permezz ta’ dan is-sussidju qed noffru stabbiltà u protezzjoni lill-inkwilin u ġustizzja lis-sid tal-post u fl-istess ħin nassiguraw li ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu. Grazzi għal dan is-sussidju li nidejna s-sena li għaddiet, qegħdin nerfgħu l-piż tal-kirijiet minn fuq is-sidien u mhux biss se jkollna inkwilini protetti u b’serħan il-moħħ iżda qed nagħtu wkoll kumpens ġust lis-sidien. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 281 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 17 tal-14 ta' Ġunju 2022)

Bormla – Stallazzjoni ta’ lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-installazzjoni ta’ lift fil-blokka f’Bormla lid-dettalji dwarha qed jingħataw separament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-preparazzjonijiet tagħha sabiex jitlesta l-BOQ tal-bini tax-shaft għal dan il-lift sabiex jiġi inkluż mal-offerta li jmiss li hija ppjanata li tinħareġ fiż-żmien li ġej.

Kuntratti ta’ housing tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il kuntratt ta' housing tal-Gvern sar kull xahar f'din l-aħħar sena minn Mejju 2021 sa Mejju 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema kuntratti ta’ housing qiegħed jirreferi sabiex tingħata l-informazzjoni koretta.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Segretarjati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust (b) persons of trust u (ċ) taċ-ċivil?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 184, ninformaha li fis-Segretarjat tal-Ministeru hemm 10 ħaddiema bħala position of trust u 9 bħala persons of trust.

Appartamenti tal-Gvern – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol ta' manutenzjoni sar fl-appartamenti tal-Gvern li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jikkonferma li x-xogħol kollu li sar laħaq il-livelli kollha mixtieqa u li x-xogħol kollu li tħallas biex isir, fil-fatt sar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala kjarifika, l-Awtorità tad-Djar twettaq xogħol ta’ tiswijiet strutturali fl-appartamenti u partijiet komuni tal-blokok residenzjali kif ukoll tiswijiet ta’ servizzi u finishes fil-partijiet komuni ta’ blokok li huma proprjetà tal-Gvern u tal-istess Awtorità. Dwar manutenzjoni, l-inkwilini huma obbligati jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni regolarment fl-appartament u l-paritjiet komuni fil-blokka fejn joqogħdu. Madanakollu l-Awtorità tgħin lill-inkwilini wkoll f’dan ir-rigward. Bejn l-2018 u l-2019 l-inkwilini kienu pparteċipaw fl-iskema tal-Awtorità bi sħab mal-Kunsill Lokali, fejn huma stess qabbdu kuntratturi biex jagħmlu diversi xogħlijiet fil-komun u wara li tlestew ġew rimburżati bl-ispejjeż skont l-għotja approvata mill-Awtorità. Waqt li kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet li ħadu ħsiebhom l-inkwilini stess, l-Awtorità għamlet ukoll xogħol addizzjonali ta’ manutenzjoni fuq il-bjut tal-blokok kollha fejn sar il-kisi tal-opramorti u tromba tat-taraġ kif ukoll organizzar ta’ tankijiet tal-ilma u xogħol relatat. Kif jitlestew kwalunkwe xogħlijiet hija proċedura tal-Awtorità li dawn jiġu spezzjonati, il-kuntratturi jingħataw istruzzjonijiet biex jirranġaw fejn ikun meħtieġ u fl-aħħar ix-xogħol jiġi mkejjel u ċertifikat qabel ma joħroġ il-pagament.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – karigi u pożizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kumplament li mhumiex imniżżlin fil-Manwal huma dawn: Project Coordinator – Salary Scale 6 (FT)/p.a. Senior Support Services Coordinator – Salary Scale 10 (PT)/p.a. Assistant Support Services Coordinator – Salary Scale 16 (FT)/p.a.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 331.