Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat – protezzjoni tal-foss il-qadim

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6034, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu s-Sovratendenza biex il-foss il-qadim tar-Rabat li jmur lura għaż-żmien ir-Rumani u li kien parti mil-limiti tal-Imdina jiġi mħares?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Delimara — Restawr ta’ Forti Delimara u Forti San Pawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtoritajiet għandhomx xi pjan sabiex jinstabu l-fondi sabiex jinbeda r-restawr ta’ Forti Delimara u ta’ Forti San Pawl f’Delimara? Jista’ jgħid jekk hemmx xi pjan min-naħa tal-Gvern sabiex jinbdew xi diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu xi fondi għal dawn iż-żewġ Fortizzi daqshekk maestużi u storikament importanti? Jista’ jikkonsidra wkoll tistax tiġi mnedija xi forma ta’ crowd funding li flimkien ma’ kampanja qawwija online dwar l-importanza li dawn il-fortizzi jiġu restawrati u salvati, żgur għandha twassal għal riżultat pożittiv ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġbir ta’ fondi għar-restawr ta’ dawn iż-żewġ fortizzi storiċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Rigward Forti Delimara, Heritage Malta ma twarrabx il-possibiltà li tikkonsidra dan is-suġġeriment. Rigward Forti San Pawl, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtoritajiet tal-Knisja – kustodji mal-knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jidħol f’taħditiet mal-Awtoritajiet tal-Knisja lokali sabiex isir xi tip ta’ arranġament li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu impjegati numru ta’ kustodji sabiex numru ta’ knejjes u kappelli antiki u li għandhom ċerta storja li għandna mxerrdin fin-naħa t’isfel ta’ Malta, jiġu miftuħa matul il-jiem kollha tal-ġimgħa?. B’hekk filwaqt li nkomplu nżidu l-prodott turistiku u s-siti storiċi li jistgħu jżuruhom it-turisti, inkomplu nżidu n-numru ta’ turisti f’dik il-faxxa ta’ turiżmu li ġeneralment jinterassahom dawn it-tipi ta’ siti storiċi u li ġeneralment ikollhom spending power akbar u b’hekk ikompli jitferrex il-ġid maħluq minn dan it-tip ta’ turiżmu madwar aktar inħawi ta’ Malta u ma jibqax ikkonċentrat biss fil-Belt Valletta u l-Imdina?

Response (BONNICI, OWEN)

Heritage Malta ma twarrabx il-possibiltà li tikkonsidra dan is-suġġeriment.

Kuntratt ta’ xogħol ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6222, jista’ l-Ministru jgħid xi ħlas għandu dan l-individwu inkluż il-perkaċċi? Jista’ jgħid jekk jaħdimx overtime, u jekk iva kemm qala’ overtime? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux it-telephone, il-WiFi u l-karozza mħallsa jew jeħux l-allowance tagħhom jew/u għal xi ħaġa oħra? Jista’ jgħid kemm tħallas sena b’sena kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol? Billi dan hu impjegat li jitħallas mit-taxxi tal-poplu, jista’ jagħti din l-informazzjoni kompluta u kif mitluba?

Response (BONNICI, OWEN)

Nerġa' nikkonferma l-informazzjoni mogħtija fir-risposta 6222 li l-persuna li dwarha qed jistaqsi l-Onor. Membru, hija self-employed u qatt ma ħadmet mal-PBS iżda tipprovdi s-servizz tagħha ta' traduzzjoni. Għaldaqstant mhix intitolata għal ħlas ta' sahra jew perkaċċi. Il-ħlas tagħha huwa biss rata fissa skont is-sigħat li jintalab is-servizz tagħha.

Programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta – lista’ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ħadu sehem fi programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta matul il-perjodu mill-4 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-persuni f'liema kapaċità ġiet mistiedna jew lil min kienet qiegħda tirrappreżenta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għaldaqstant tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras – permessi approvati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3681 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kif approvati mill-awtoritajiet konċernati tal-proġett li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-permess kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar - PA 02572/15 kif ipprovduti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma nħatarx Kummissarju għall- Istandards fil-Ħajja Pubblika ai termini tal-Att XIII tal-2017 dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, aktar minn sena wara li din il-liġi għaddiet mill-Parlament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Malta Philharmonic Orchestra — kunċert

Question

Peress li l-Malta Philharmonic Orchestra fi Frar li ġej ser ittella’ kunċert ta' mużika favorita tal-Prim Ministru, jikkunsidra l-Ministru li l-Malta Philharmonic Orchestra ttella' kunċert li jikkommemora l-ħajja u x-xogħol tal-ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament b'omaġġ lejn il-vittmi kollha tal-intolleranza u l-libertà tal-espressjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta se titpoġġa għall-kunsiderazzjoni.

Il-Fgura – Triq il-Karmelitani – xogħlijiet fuq bankina

Question

Peress li waslu diversi lmenti li l-bankina fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura tinsab fi stat perikoluż ferm u ilha hekk ix-xhur, jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet biex ikun indirizzat dan il-periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fi Triq il-Karmelitani hemm sit kbir ta’ kostruzzjoni u li ta’ spiss il-bankina qed tiġi użata minn vetturi kbar li jgħaddu minn fuqha. Ninsab infurmat wkoll li minkejja li l-Kunsill għamel ta’ spiss manutenzjoni meħtieġa, ukoll, għamel kuntatt mal-iżviluppatur biex appenna jitlesta dan il-proġett jassigura li din il-bankina tiġi rrnanġata skont ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà.

Malta Philharmonic Orchestra -kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Malta Philharmonic Orchestra hijiex ser tkun qed tilqa' sejħiet biex iżżomm kunċerti li fihom iddoqq il-mużika favorita ta' kulmin iwieġeb tali sejħiet, kif ser tagħmel fi Frar li ġej, bil-mużika favorita tal-Prim Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għandha tim artistiku li jiddeċiedi fuq il-programm ta’ kunċerti li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ser tkun involuta fihom. Dan it t-tim artistiku jevalwa u jiddiskuti kull proposta li tiġi quddiemu u jiddeċiedi fl-aħjar interess ta l – Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Malta Philharmonic Orchestra – organizzazzjoni ta’ kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi Ewropej li minnhom iddakret il-Malta Philharmonic Orchestra li fl-aħħar 50 sena l-orkestri nazzjonali rispettivi tagħhom organizzaw kunċerti li fihom tindaqq il-mużika favorita tal-Prim Ministru ta' dak il-pajjiż, u jagħti wkoll is-sena li fihom dak il-pajjiż ikun organizza dak l-avveniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Huwa xogħol l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali li tkun innovattiva u l-mistoqsija tikkonferma dan.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – il-verbali online — sistema elettronika

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-każ tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur tiġi introdotta sistema elettronika fejn wieħed ikun jista’ jara on line l-verbali eċċ. ta’ kull każ bħal ma jiġri għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proposta qiegħda tiġi kkunsidrata.

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni jekk il-persuna hijiex uffiċjal pubbliku, persuna li għandha x’taqsam mas-servizz barrani tal-Gvern f’xi pajjiż barra minn Malta, avukat, prokuratur legali jew persuna privata? Jista' l-Ministru jindika għal kull waħda mill-persuni, id-data tal-ħatra tagħha bħala Kummissjunarju b’setgħa li jagħti Ġurament u jekk il-ħatra saritx bħala waħda personali jew bl-isem tal-kariga jew tal-funzjonijiet moqdija minnha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji huma għaxra (10). L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma d-Dipartiment tal-Ġustizzja, l-Aġenzija tal-Għajnuna, Qrati u Tribunali Kriminali, Dipartiment Qrati tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Kuntratt ta’ xogħol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ xogħol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Dan l-individwu għalaq l-età tal-irtirar? Jekk iva, b'kemm snin? Hemm xi raġuni għaliex tħalla fl-impieg? X'inhu xogħlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji tiegħu inagħataw seperatament qatt ma kien impjegat tal-PBS, iżda jipprovdi servizz ta’ traduzzjoni fuq bażi ta’ self employed.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — għajnuna finanzjarja lill-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur — ġurisdizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur tiġi riveduta mil-limitu attwali ta’ €3,500 peress li dan l-ammont ilu ma jiġi rivedut għal diversi snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proposta qed tiġi analizzata.

Każijiet ta’ Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika li tressqu quddiem il-Ġudikatura mill-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm kien hemm aggressuri li wettqu din il-vjolenza domestika li weħlu: a. il-ħabs; b. Ordni ta’ Protezzjoni; c. Ordni ta’ Trattament; jew d. Ordni ta’ Trażżin u Restrizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex fl-akkużi li jinħarġu mill-Pulizija ma jkunx hemm indikat speċifikament li huma każi ta’ vjolenza domestika u għalhekk ma tinżammx statistika f’dan is-sens.

Post fuq facebook – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kiteb il-messaġġ ta’ mibgħeda li ġie mtella’ fuq facebook kif jidher mill-viżwal li wkoll qed jingħata separatament, liema individwu hu kuntrattat għal xogħol mal-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-individwu m’huwiex impjegat tal-PBS iżda jipprovdi biss servizz ta’ traduzzjoni fuq bażi ta’ self employed. Minkejja dan xorta waħda l-Kumpanija ġibdet l-attenzjoni għal dan l-aġir u talbet lill-individwu sabiex ineħħi l-post immedjatament.