Lista ta' stennija — interventi fl-irkoppa u hip replacement
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-lista ta' stennija li spiċċajna biha fl-aħħar tal-2011 għal interventi fl-irkoppa u hip replacement ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li f’każijiet li jkunu ta’ natura Elective, li ma jkunux urġenti, jitpoġġew fuq il-waiting list, skont in-natura tal-każ, filwaqt li dawk li jkunu urġenti jsiru minnufih. In-numru ta’ pazjenti li qegħdin jistennew għal intervent kirurġiku fl-ortopedija ittieħdu mill-Waiting List Management System tal-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Diċembru 2011.
Total Hip Replacement (THR)
Revision THR
Total Knee Replacement (TKR)
Total
346
36
1952
Arthroscopy Knee
Arthroscopy Knee + Anterior Cruciate Ligament (ACL) Reconstruction*
Total
1878
216
Jista' l-Ministru jara x'sar minn applikazzjoni ta' Schedule V ta' anzjana li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li ilha li bagħtet din l-applikazzjoni u għad ma kellhiex risposta fuq dawn il-pilloli?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ikkuntattjata fuq in-numru tat-telephone mogħti. Minkejja dan, xorta ma nstabx li xi applikazzjoni waslet fl-Uffiċċju tal-Medicines Entitlement Unit (MEU). Ġie mistoqsi fejn tħalliet l-applikazzjoni, pero’ ma ngħatatx risposta, minħabba l-fatt li kien hemm persuna oħra nvoluta li kellha tieħu ħsieb din l-applikazzjoni u għalhekk il-pazjent ma jafx x’ġara.
Minn naħa tad-Dipartiment ġie spjegat li kif ikun hemm iktar informazzjoni ta’ fejn tħalliet l-applikazzjoni il-pazjenta tista’ tingħata iktar għajnuna billi ċċempel fuq il-linja telefonika tal-MEU Schedule V Customer helpline 25951402.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul u li kienet tinsab ġo home privata, imma issa peress li spiċċawla l-flus ma tistax tkompli f'din il-home?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minħabba li l-kundizzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant iddeterjorat, fit-2 ta’ Settembru 2010 il-Bord ħass li l-klijenta ma kenitx aktar tajba sabiex tidħol f’dar fil-komunità u ġiet approvata sabiex tidħol San Vinċenz bħala prijorità għolja. B’hekk l-applikazzjoni ta’ din il-persuna tqiegħedet fil-lista ta’ stennija ta’ prijorità għolja għar-Residenza ta’ San Vinċenz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-ismoking areas il-ġodda li hemm fl-Isptar Mater Dei? X'inhu d-daqs ta' kull waħda minnhom? Jistgħu jittieħdu passi biex ikun hemm ilquħ aħjar kontra l-maltemp billi kelli ilmenti li xi nies li użawhom spiċċaw ma kellhomx kenn biżżejjed meta kienu qed jagħmlu użu minnhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ammont tal-kont sottomess mill-kuntrattur li għamel ix-xogħol fuq l-ismoking shelters, bħalissa qed jiġi vverifikat mit-tekniċi tal-Isptar Mater Dei, u għaldaqstant ma jistax jingħata qabel dan l-eżerċizzju jkun lest.
Id-daqs ta’ kull waħda minn dawn l-i
smoking shelters
hija ta’ 7.2m x 2.4m x 3.0m
L-istruttura fejn jista’ jsir tipjip trid tkun tali li trid tkun konformi mar-Regolamenti tal-2010 dwar it-Tipjip f’Postijiet Pubbliċi Avviż Legali 23 tal-2010, u għalhekk tali spazju jrid ikun mgħotti b’saqaf u mhux magħluq b’aktar minn ħajt jew naħa waħda u għalhekk ma jistax ikun hemm aktar ilquħ.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni biex l-ammont ta’ ilma tax-xita li qed joqgħod fil-parti ta’ fuq ta’ Triq San Publiju, ir-Rabat fejn wara li kienu saru x-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq u kien sar resurfacing ġdid, l-ilma tax-xita kien ġie jaqleb kontra u kien qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq? Tista' din il-probelma tiġi indirizzata peress li din it-triq qatt ma kienet iżżomm ilma fuq din in-naħa għax hemm provdut fejn jinżel l-ilma?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tbati minn kundizzjoni tistax tingħata għajnuna finanzjarja mill-gvern Malti peress li hemm kura speċjalista fl-Italja li qed tagħti r-riżultati u dan peress li din il-kura speċjalista f'Milan tista' tevita intervent ta' operazzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern jgħin lil persuni jieħdu kura speċjalizzata barra minn Malta permezz tal-Programm Nazzjonali għal-Kura Speċjalizzata. Permezz ta’ dan il-programm, persuni eliġibbli jintbagħtu l-Ingilterra għal kura speċjalizzata għal kundizzjoni medika li jkollhom wara li jkunu riferuti mill-ispeċjalista kuranti tagħhom. F'dan il-programm il-Gvern iħallas direttament il-kura tal-pazjent.
Persuni li jkunu jixtiequ jieħdu kura f'pajjiz ieħor skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja, huma obbligati li jissottomettu talba għall-awtoriżżazzjoni lid-Dipartiment tas-Saħħa skond il-proċeduri amministrattivi stabbiliti, liema talba tiġi evalwata skont kriterji stabbiliti fosthom li l-kura li tkun qed tintalab trid tkun tifforma parti mill-pakkett ta’ kura offruta mill-Gvern Malti. F'kaz li t-talba tal-pazjent biex imur f'pajjiz ieħor għall-kura tintlaqa’ mid-Dipartiment tas-Saħħa, l-gvern iħallas direttament l-ispejjeż tal-kura.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31349 u jara l-każ tal-persuna anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjenta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, li hija mniżżla għall operazzjoni tal-hip bone, sarula t-testijiet neċessarji fil-PAC (Pre-Assessment Clinic) nhar is-27 ta’ Jannar 2012. Id-data tal-operazzjoni tingħata aktar 'il quddiem mill-konsulent inkarigat mill-kura tal-pazjenta.
B'referenza għall-anzjana li d-dettajli tagħha qed jingħataw separatament u li tinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul, jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern se jeħdilha mill-ammont muri fl-ittra annessa u kemm se jibqa' jkollha f'idejha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġ anzjani li d-dettajli tagħhom qed jingħataw separatament, li applikaw biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul għax mhux kapaċi jmexxu waħedhom u issa t-tnejn li huma jinsabu fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni li ngħatat mill-Onor. Interpellant tirreferi għal persuna waħda biss mill-kopja. Ma’ dan kollu il-koppja kienet ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni sabiex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz. Jekk is-saħħa tal-koppja msemmija ddeterjorat huwa mportanti li ssir upgrade tal-applikazzjoni biex b’hekk terġa tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29648, jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li qed jitlob biex jiġi trasferit minn sala għall-oħra peress li qed jagħmel f'qalbu u saħansitra tilef ħafna mill-piż?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kundizzjoni li jinsab fiha l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m’għadiex tali li għandu jiġi trasferit fis-sala speċjalizzata għall-persuni li jbgħatu bid-dimentia, minħabba li l-livell ta’ dipendenza żdied. L-anzjan ġie trasferit f’sala oħra li titratta persuni b’kundizzjonijiet mediċi. Il-qraba tal-anzjan kienu nfurmati b’dan il-pass.
ilment dwar ilma maħmuġ li ħiereġ minn dipartiment
Question
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni fuq ammont ta’ ilma maħmuġ li ħiereġ minn flat fir-Rabat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qed joħloq detriment għar-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali wettqu spezzjonijiet fit-triq li jinsab il-fond indikat fit-8 u fid-9 ta’ Frar, 2012 rispettivament. Waqt il-ħin tal-ispezzjoni tat-8 ta’ Frar kienet niezla hafna xita u għalhekk l-ilment ma setax jiġi kkonfermat.
Waqt l-ispezzjoni tad-9 ta’ Frar fl-istess triq ġie nnuttat ilma ħiereġ minn katusi tax-xita u wara li saru l-investigazzjonijiet neċessarji mill-uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat irriżulta li dawn li katusi ma jappartjenux għall-flat indikat fil-Mistoqsija Parlamentari, iżda jappartjenu għall-flat ta’ biswit u l-ilma li kien ħiereġ kien xi ilma li ħareġ wara li kienu nħaslu xi btieħi. Waqt il-ħin tal-ispezzjoni nstabu tnejn mill-inkwilini li joqgħodu f’dan il-flat li gew imwissija li ma jistgħux iħallu ilma maħmuġ ħiereġ mill-katusi tax-xita u l-inkwilini l-oħra li ma nstabux fil-post intbagħtitilhom ittra f’dan ir-rigward.
Dan l-ilment se jibqa' jiġi nvestigat mill-uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat u se jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat.
Sptar Mater Dei — waiting list għall-operazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta’ nies li qegħdin fil-waiting lists għall-operazzjonijiet u għal servizzi oħra fl-Isptar Mater Dei? Jista’jagħti lista ta’ x’inhuma l-operazzjonijiet u s-servizzi l-oħra ta’ dawn il-waiting lists u jgħid kemm hu ż-żmien ta’ stennija f’kull każ? Jista’ jagħti dan it-tagħrif għal pazjenti residenti f’Malta u f’Għawdex rispettivament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' CJD2 rapportati fl-isptarijiet tal-istat Malti minn mindu feġġet din il-marda sal-lum?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ta’ min igħid li l-kondizzjoni li jista’ jkun qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija vCJD għaliex CJD2 ma tezistix fil-letteratura.
Fil-kaz ta’ vCJD ma kien hemm ebda notifikazzjoni ta’ din il-kondizzjoni lill-Ministeru.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ġew impjegati 324 ħaddiema ġodda. Dawn ġew ingaġġati jew permezz ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern jew permezz ta’ proċeduri ta’ re-employment u re-instatement ta’ Uffiċjali Pubbliċi skont id-dispożizzjonijiet tal-Public Service Management Code.
Ġew ingaġġati 28 persuna mal-Foundation for Medical Services, u dawn daħlu permezz tal-proċess normali ta’ ingaġġ għas-Settur Pubbliku, jiġifieri dak li jiġu ingaġġati permezz tal-E.T.C. u f’każ li l-post jibqa’ vakanti tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet, jew ġew deployed jew detailed mis-Servizz Publiku jew minn entitajiet oħra fis-Settur Pubbliku.
Ma ġew ingaġġati l-ebda ħaddiema ġodda fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pazjenta mibgħuta barra minn Malta għall-kura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, mhix tingħata l-mediċini li ġew ordnati lilha biex tieħu wara l-intervent kirurġiku li sarilha fl-isptar ta' barra u dan meta l-familja ta' din il-pazjenta mhix f'qagħda finanzjarja li titgħabba bi spejjeż ta' din ix-xorta? Il-mediċini in kwistjoni huma: hylo-comod u alergio-comod u blefaret u europical.
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ġie nvestigat il-każ, nstab li s’issa ma waslet l-ebda applikazzjoni tal-pazjent imsemmi, fil-’Medicines Entitlement Unit’ u fit-’Treatment Abroad Coordination Office’ għal dawn il-mediċini. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-mediċini msemmija ma tinstab fil-Formularju tal-Gvern.
Mandankollu d-dipartiment qed jagħmel kuntatt mal-konsulent konċernat biex jiverrifika l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kura għall-kundizzjoni hypopituitarism m'għadhiex tingħata b'xejn mill-isptar lil dawk li huma finanzjarjament ristretti? Jista' jgħid għandux il-ħsieb li din il-kura terġa' tibda tingħata? Jekk iva, meta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kundizzjoni ’Hypopituitarism’ hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi mniżżla fil-lista ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), u l-mediċini meħtieġa għall-kura ta’ din il-kondizzjoni li jinstabu fil-Formularju tal-Gvern jingħataw mingħajr ħlas lil kull minn għandu din il-kundizzjoni.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Ageing Report Economic and Budgetary Projections
Question
Billi jidher li d-dipartimenti governattivi għaddejjin minn eżerċizzju mal-Unjoni Ewropea dwar it-2012 Ageing Report Economic and Budgetary Projections for The European Union Member States (2010 - 2060), jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar draft report ta' dawk id-dipartimenti li jaqgħu taħtu u li qed jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju? Jista' jgħid kemm huma l-projections ta' kull spiża ta' kull proġett imsemmi f'kull rapport?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Peress li l-Ministeru ghall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu responsabbli għal dan l-eżerċizzju ta’ projections ekonomiċi u finanzjarji, nistieden l-Onor. Interpellant sabiex jidderiġi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru dwar serq minn numru ta' Djar tal-Anzjani u residenzi fosthom San Vincenz De Paul? Kemm-il rapport daħal fil-Ministeru u/jew fid-dipartiment konċernat? X'passi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti? Kien hemm xi persuni li tressqu dwar dawn is-serqiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk irċeviex xi rapporti kemm bħala Ministeru jew bħala dipartiment dwar xi tip ta' abbuż jew ieħor fuq anzjani minn djar jew residenzi li tinkludi dik ta' San Vincenz? Jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn ir-rapporti u x'passi ttieħdu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.