Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġiet investita f'Għawdex stess?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Mellieħa – tindif tal-bajja biswit ir-Ramla Bay Resort

Question

Jista' l-Ministru jara li titnaddaf il-bajja pubblika li hemm biswit ir-Ramla Bay Resort, il-Mellieħa, hekk kif issa se jibda s-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-bajjiet pubblici li jitnaddfu mid-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni huma nodfa. Niġbidlu l-attenzjoni li fl-inħawi hemm bajja li taqa’ fil-konfini tal-privat.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel jew deckchairs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi li għandhom liċenzja mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet din is-sena? Kif inhuma mqassma, f'Malta, f'Għawdex u f’Kemmuna u f’liema bajjiet jistgħu joperaw? Jista’ jgħid jekk hemmx limitu ta’ kemm jistgħu jitpoġġew umbrelel u deckchairs għal kull każ u jekk hemmx min jagħmel infurzar kontra l-abbużi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninsab informat li mhux fil-kompitu tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Il-Belt Valletta – Pjazza Tritoni – Tactile walkway

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tactile walkway fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, li hu maħsub biex jintuża minn persuni neqsin mid-dawl jibqa’ dejjem mingħajr l-ebda tip ta’ ngombru waqt kull attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu? Kemm-il rapport irċieva matul l-aħħar sena dwar ingombru fl-istess żona waqt xi attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu torganizza attivitajiet kbar, ikollha tagħmel dan b’ħafna restrizzjonijiet, speċjalment jekk din l-attività tkun fuq medda ta’ tul ta’ żmien u jkun hemm attivitajiet oħra, fosthom dawk statali, waqt l-istess żmien. Bħal kif ġara waqt l-attività ta’ Fairyland f’Diċembru li għadda, l-MTA pprovdiet soluzzjonijiet temporanji u alternattivi sabiex jiġi assigurat li dan is-servizz jibqa’ dejjem jingħata. L-Awtorità irċeviet ukoll ilment waqt l-attività Nickelodeon Treasure Hunt ta’ Mejju fejn il-kuntrattur ġie infurmat immedjatament, u fi żmien siegħa ċaqlaq tinda biex b’hekk it-tactile walkways kienu ħielsa minn kull ingombru. Ser inkomplu nimpenjaw ruħna sabiex attivitajiet futuri sitwazzjonijiet simili jiġu evitati.

Ministeru għat-Turiżmu — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direct orders jiġu ppubblikati perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern, kif inhu d-dmir tal-Ministeru skont iċ-ċirkulari tal-Finanzi numru 09/2021.

Camping Sites ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinħolqu camping sites ġodda u jekk iva, fejn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir pjanijiet għall-park għall-familja ġewwa Bengħajsa li parti minnu, eventwalment, se tkun iddedikata għal camping.

Kottonera – xogħlijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet ta' xogħol fl-area tal-Kottonera mill-Fondazzjoni għal żoni turistiċi għas-sentejn li ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi (FTZD) tinsab f’kuntatt mal-Kunsilli Lokali fl-inħawi tal-Kottonera biex jiġi stabbilit x’xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni huma meħtieġa. Intant, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tgħin lill-Kunsill Lokali tal-Birgu fir-restawr li qed isir fil-Berġa ta’ Franza u fi proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza prinċipali tal-Birgu.

Ministeru għat-Turiżmu — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 293 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-leġiżlatura sad-data msemmija ma tqabbdu ebda konsulenzi mal-Ministeru.

Ministeru għat-Turiżmu — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Bajja tar-Rinella — upgrade

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-unika bajja ramlija fil-Port il-Kbir, ċjoè l-Bajja ta' Rinella, tingħata upgrade bħal żieda ta' ramel u aċċessorji tal-bajjiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin saru diversi studji fiż-żona tal-Bajja tar-Rinella, liema studji ma jagħtux stampa konklussiva ta’ kif l-aħjar li jsiru l-interventi fil-bajja biex jiżdied l-ammont ta’ ramel. Min-naħa tad-Diviżjoni tat-Tindif, matul ix-xahar li għadda wettqet ħidma ta’ upkeep fil-promenade tar-Rinella – sar xogħol ta’ żebgħa, u twaħħlu kontenituri tal-iskart u ashtrays. Qed isir ukoll manutenzjoni fuq l-injam li hemm tul il-bajja. Il-ħsieb huwa li jinbidel kollu u jsir ġdid fil-ġranet li ġejjin.

Ħlas ta’ eko-kontribuzzjoni għal kull min iżur il-gżejjer Maltin

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 234, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk il-proġetti li twettqu, sena b’sena, mill-2016 sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Liema huma dawk il-proġetti li hemm ippjanati li jsiru, sena sena, fl-2022, u fis-snin ta’ wara, u kemm hi l-istima għal kull proġett? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kienet is-somma totali li tħallset sena b’sena minn mindu daħal dan il-ħlas sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? X’inhi n-nefqa fuq kull waħda mix-xogħlijiet indikati fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari 234? Kemm fadal kontijiet li jridu jitħallsu u kemm fadal fondi bħalissa? Kemm kienet is-somma totali li tħallset minn mindu daħal dan il-ħlas sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Kemm hi s-somma totali li hi ppjanata li titħallas mid-data li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari sal-aħħar tas-sena, u kemm hu ppjanat li se jkun id-dħul għall-istess perijodu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9573 (Leġiżlatura XIII) li kif hemm indikat fir-risposta, din tkopri l-proġetti li saru fis-snin 2017 u 2018. Nirreferiha wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 234 li tkopri proġetti li saru fis-snin 2020 u 2021. Il-Ministeru qed jaħdem ukoll fuq: · ir-restawr ta’ Pjazza Vittoriosa, il-Birgu flimkien mat-turġien ta’ madwarha; · tiġi rranġata u msebbħa l-pjazza ta’ quddiem it-Tempji Megalitċi ta’ Ħal Tarxien; · l-estenzjoni tal-bajja tal-Għadira; · tisbiħ tal-pjazza ta’ Buġibba; · tisbiħ tal-pjazza tal-Mellieħa; · proġett pilota fi Pjazza Tritoni l-Belt Valletta fejn se tiġi installata automated public convenience mgħammra b’teknoloġija li titnaddaf waħedha. Fir-rigward tal-mistoqsijiet dwar kemm kienet is-somma totali li tħallset sena b’sena, kontijiet pendenti u dħul mill-iskema, ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li dawn ma jaqgħux taħt il-mandat tal-Ministeru għat-Turiżmu u għaldaqstant nitlobha biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu — impjegati li daħlu mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għat-Turiżmu — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt turi l-ħlas għas-spejjeż ta’ tliet Chairpersons, kif mitluba minnu: 2017 2018 2019 2020 2021 2022* Safar €4,411.00 €23,604.60 €14,019.06 €548.00 €8,450.00 €6,027.00 Mowbajls €7,609.04 €7,028.04 €4,082.04 €4,460.04 €2,320.04 €497.68 Fjuwil €4,239.04 €4,773.04 €4,964.04 €5,174.04 €4,377.04 €1,403.68 (*) informazzjoni sas-17 ta’ Mejju 2022

San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba, Qawra u Xemxija) – knis u ħasil ta’ bankini u toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma x’tip ta’ tindif qed isir, inkluż knis u ħasil ta’ bankini u toroq, matul il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba, Qawra u Xemxija)? Kull meta jsir dan ix-xogħol? Min qed iwettaq dan ix-xogħol? Jista’ l-Ministru jara li dan ix-xogħol isir b’mod regolari, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 949.

Tas-Sliema — Qui Si Sana - permess tal-ħin għall-volum ta' mużika/storbju ta' stabbilimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi tal-ħinijiet li jirregolaw il-volum tal-mużika/storbju, għandhom l-istabbilimenti ta' fuq il-baħar ġewwa Qui Si Sana, Tas-Sliema?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ stabbilimenti tal-ikel huma regolati mil-liġi sussidjarja LS 411.08 (li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra), l-inkonvenjent tal-istorbju minn dawn l-istabbilimenti mhuwiex fil-kompetenza tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Awtorità tat-Turiżmu – Proġetti għal-lokalità ta’ Marsaskala

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm intefqu flus mill-Awtorità tat-Turiżmu għal-lokalità ta’ Marsaskala matul is-sena 2021 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Xi proġetti twettqu b’dawn il-flus allokati?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20893 u 21369 (Leġiżlatura XIII). L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet ukoll inizjattiva bl-isem ta' Marsascala Regeneration Design Contest li permezz tagħha periti, inġiniera, urban planners u town planners, setgħu jissottomettu kunċett ta' disinn li b'mod ħolistiku jkollu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi f'Marsaskala. Il-proċess ta’ evalwazzjoni għadu qed jiġi konkluż. Il-valur ta’ dan il-kuntest huwa ta’ €300,000. Ninfurmah li x-xogħol fuq ir-restawr tat-Torri ta’ San Tumas biex din il-binja sservi bħala Mużew tal-Piraterija għaddej ġmielu. L-investiment fir-riġenerazzjoni tat-Torri ta’ San Tumas huwa qrib it-€3.2 miljun b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea. L-Awtorità qed taħdem mal-Fondazzjoni Wirt Artna biex dan it-torri jkun attrazzjoni oħra li se tkompli ssaħħaħ il-portafoll turistiku tal-Gżejjer Maltin. Bħala parti mill-immaniġġar tal-bajjiet, jiġi wkoll provdut servizz ta’ lifeguards u beach supervisors fil-bajja tal-Fajtata. Ninforma l-Onor. Interpellant li bejn l-Awtorità u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala hemm relazzjoni kollaborattiva kontinwa fuq interventi.

San Pawl il-Baħar — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x’tip ta’ tindif qed isir, inkluż knis u ħasil ta’ bankini u toroq, fit-toroq kollha (inkluż il-promenade) ta’ San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba, Qawra u Xemxija)? Kull meta jsir dan ix-xogħol? Min qed iwettaq dan ix-xogħol? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm u skeda ta’ dawn ix-xogħlijiet? Jista’ l-Ministru jassigura li dan ix-xogħol isir b’mod regolari b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-responsabbiltà tat-tindif fil-lokalità ta San Pawl il-Baħar hija tal-Kunsill Lokali. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha dwar frekwenzi ta’ tindif lill-Ministru kkonċernat. Madankollu, ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni jwettqu xogħol ta’ tindif kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd tul is-sena kollha madwar il-lokalità kollha, sabiex skart li jinħareġ illegalment wara l-ħinijiet stabbiliti mill-Kunsill Lokali, jinġabar minn dawn il-ħaddiema. Riċentement il-Ministeru investa f’iktar minn €425,000 f’makkinarju li hu ddedikat biss lil din il-lokalità sabiex dawn is-servizzi jiġu offruti b’effiċjenza. Investejna f’vettura li tiġbor l-iskart, żewġ vannijiet li jintużaw sabiex jitgħabba skart goff, u High Pressure Street Washer li ser tkun qed tintuża sabiex jinħaslu t-toroq kollha tal-lokalità. Investejna wkoll f’Electric Pedestrian Sweeper li ta' kuljum ser tkun qed twettaq xogħol.

San Pawl il-Baħar – promenade — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq ir-railings matul il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba, Qawra u Xemxija)? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra programm ta’ dawn ix-xogħlijiet? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol ma ġiex pjanat għal aktar kmieni matul is-sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-railings imsemmija jsir matul is-sena kollha u dan minħabba l-ħsarat u l-korrużjoni li jirriżultaw matul il-perjodu tax-xitwa. Ir-railing tal-metall f’Buġibba tneħħa biex isirlu trattament ta’ sanding, galvanising u powder coating. Tbiddlu wkoll numru ta’ vireg. Huwa stmat li r-railing jerġa’ jiġi installat sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, dan peress li kien hemm xi dewmien biex waslu xi supplies minn barra li ma kellniex kontroll fuqu. Il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi kkordinat ix-xogħlijiet mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.