Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa- Triq Edward Camilleri – zebra crossing/lights

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra b’urġenza li fi Triq Edward Camilleri fil-Mellieħa (fil-parti ta’ fejn hemm l-entratura għall-klassijiet tal-Kinder u taċ-Childcare Centre) issir zebra crossing/lights minn Transport Malta u dan biex jiġu evitati inċidenti/traġedji, liema sitwazzjoni kienet viċin li sseħħ għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat?Fejn tajjeb jingħad ukoll li fl-istess parti tat-triq, hemm l-entratura għall-faċilità sportiva tal-Mellieħa Sports Club li tintuża minn mijiet ta’ tfal u żgħażagħ b’mod regolari matul il-ġimgħa.

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Bormla – berthing place

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1277 fejn il-Ministru qal li l-moll għal-Landing Place f’Bormla għas-servizz tal-Harbour Ferry mistenni jitlesta u jibda jintuża sal-aħħar ta’ Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol u jibda jintuża dan il-landing place f’Bormla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-Bormla Ferry Landing Site jinsab fl-aħħar fażi tiegħu. Bħalissa ninsabu fi stadju ta’ ttestjar u kkummissjoni tal-makkinarju u installazzjoni tas-servizzi. Il-proġett mistenni jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Bormla – Triq Santa Tereża – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għala t-traffic lights fi Triq Santa Tereża, Bormla jieħdu 50 sekonda minn meta wieħed jagħfas biex jaqsam sakemm jixgħel il-lights biex wieħed ikun jista’ jaqsam?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffic lights fit-triq imsemmija għandhom programmat 35 sekonda ħin ta’ stennija u 3 sekondi ambra qabel ma jintwera d-dawl aħmar lill-vettura. Din hija skont in-norma.

Mini ta’ Għajn Dwieli — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1022 fejn il-Ministru qal li x-xogħol marbut mal-Mina ta’ Għajn Dwieli u ċjoè l-proġett huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Ottubru, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta lestiet xogħolijiet ta’ restawr tal-istruttura tal-mina ta’ Għajn Dwieli, inkluż iż-żewġ daħliet taghha, kif ukoll ix-xaft ta’ ventilazzjoni li hemm f’nofsha. Tlestew ukoll xogħolijiet ta’ asfaltar biex b’hekk il-mina bħalissa tinsab miftuħa għall-pubbliku. Fix-xhur li ġejjin, se tibda l-installazzjoni tas-sistema tad-dawl ġdida u aċċessorji oħra biex tittejjeb is-sigurta’ f’kas ta’ nirien fil-mini.

Fgura – Vjal Kottonera — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk tistax issir manutenzjoni fi Vjal Kottoner il-Fgura peress li din it-triq niżlet u qed tkun ta’ periklu għas-sewwwieqa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq ser tinbena mill-ġdid u għalhekk ma hemmx lok għall-manutenzjoni. Ix-xogħol f’din it-triq diġà beda.

Birgu – xogħol ta’ manutenzjoni fil-Marina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-Marina u s-servizzi offruti fil-Marina tal-Birgu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Marina tal-Birgu hija waħda privata taħt konċessjoni li tinkludi l-ispa¿ju tal-baħar fejn jitpoġġew il-puntuni u l-moll ma’ fejn jitwaħħlu l-istess puntuni. Bħal Marinas oħra privati, huwa fl-obbligu tal-Operatur skond il-ftehim ta’ konċessjoni, li jżomm f’kundizzjoni tajba u jmantni regolarment l-infrastruttura u s-servizzi relatati mal-operat bħala manutenzjoni u tiswija ordinarja. Dan jinkludi manutenzjoni u tiswijiet fuq il-pavimentar ta’ fuq il-moll taħt l-istess konċessjoni fejn partijiet minnu, bl-użu u ż-żmien jinqala u anke jsirlu ħsara b’ipparkjar illegali ta’ vetturi li jagħtu servizz lir-restoranti ta’ fuq ix-xatt. Il-culverts li jgħattu is-servizzi u konnessjonijiet ta’ dawl u ilma li jgħaddu minn taħthom ukoll issirilhom ħsara u dawn jinbidlu u jitranġaw ukoll skond il-ħtieġa. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ manutenzjoni u tiswija straordinarja, jiġifieri interventi fuq mollijiet biex tisewwa ħsara li saret biż-żmien u li ma jirriżultax li sar bl-operat, dan isir b’koordinazzjoni bejn l-Awtoritajiet tal-Gvern konċernati, f’dan il-ka¿ l-Awtorità tal-Artjiet, Infrastructure Malta u Transport Malta. Il-parti tal-moll quddiem il-Mużew Marittimu ġarrab ħsarat konsiderevoli matul iz-zmien, speċjalment fuq il-pedamenti u s-sisien tiegħu. It-tip ta’ interventi li għandhom isiru qiegħdin jiġu diskussi bejn l-Awtoritajiet imsemmija biex ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieg fix-xħur li ġejjin.

Sussidji għall-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-sussidji disponibbli għal studenti tal-MCAST sabiex jgħinuhom jixtru rota, pedelec, mutur jew e-kick scooter?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sussidji disponibbli għal studenti tal-MCAST sabiex ngħinuhom jixtru rota, pedelec, mutur jew e-kick scooter huma kif stipulat. €500 meta tinxtara rota li taħdem bl-elettriku; €1000 għal mutur ġdid li jaħdem bil-petrol jew €2000 għal mutur ġdid li jaħdem bid-dawl jew €400 meta rota tiġi konvertita f’pedelec Dawn l-istudenti jrid jkollhom 16-il sena jew aktar u jkunu fil-pussess ta’ liċenzja biex isuqu mutur.

Marsaxlokk – Triq Xrobb l-Għaġin – ftuħ ta’ triq ġdida fir-raba’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru minn Infrastructure Malta u kif waslu għad-deċiżjoni li tinfetaħ triq ġdida qalb numru ta’ għelieqi li għadhom jinħadmu jew huma tajbin għar-raba’, fi triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk? Jista jgħid ukoll jekk ġewx ikkonsidrati alternattivi oħrajn u x’inhu l-iskop li jkun hemm din it-triq ġdida li għad trid tiġi ffurmata? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal dan il-proċess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fuq talba tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Infrastructure Malta qiegħda tesplora l-possibbiltà li tiġi eliminata dik il-parti minn Triq Xrobb l-Għaġin, li tgħaddi mill-fdalijiet tat-Tempju tas-Silġ, li bħala sit arkeoloġiku għandu l-għola protezzjoni possibbli (Klassi A) u ssir rotta alternattiva. Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni fuq dan is-suġġett.

Applikazzjonijiet għall-communal parking bays

Question

B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 5156, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk Kunsill Lokali jistax japplika għal Communal Reserved Parking Bay għax-xhur tas-sajf biss jew għal xi perijodu ieħor? Jekk iva, x'inhi l-proċedura li tintuża f'dan il-każ? Jista' jgħid fejn jinsabu s-17-il applikazzjoni msemmija fit-tweġiba u jekk dawn humiex għal sena sħiħa jew għal perijodu speċifiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ ta’ Trasport mhux qed tipproċessa talbiet mill-Kunsilli lokali għall-Communal Reserved Parking Bays għax-xhur tas-sajf biss jew għal xi perjodu ieħor. Kull applikazzjoni għall-Comunal Reserved Parking Bay tkun għal sena sħiħa. Applikazzjonijiet pendenti għall-Communal reserved Parking Bays: Iklin Bormla Marsa Hamrun Fgura Birzebbugia (2) Zurrieq Gharghur Birkirkara (2) Qormi Isla Sliema Santa Lucia St Paul’s Bay Waħda minnhom irtirat l-applikazzjoni u applikat għall-personalised reserved parking bay.

Applikazzjonijiet għal Personalised Reserved Parking Bays

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5157, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk persuna tistax tapplika għal Personalised Reserved Parking Bay għax-xhur tas-sajf biss jew għal xi perijodu ieħor? Jekk iva, x'inhi l-proċedura li tintuża f'dan il-każ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tista’ tapplika għall-Personalised Reserved Parking Bay għax-xhur tas-sajf biss fuq l-istess applikazzjoni skont kif stipulat fil-policy: 2.3 In the case that the person with disability has a winter and a summer residence, the application will be considered as follows: • for the Winter residence. Reserved Parking Bay between October and May with Unrestricted Parking for Blue Badge Holders between June and September. • for the summer residence. Reserved Parking Bay between June and September with Unrestricted Parking for Blue Badge Holders between October and May.

Reserved parking bays — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux possibbli li persuna b'diżabilità li għandha blue sticker tapplika għal reserved parking bay li mhux personalizzat u li allura jista' jipparkja fiha kull min għandu blue sticker?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport tipproċessa applikazzjonijiet għall-Communal Reserved Parking Bays mill-Kunsilli Lokali filwaqt li tilqa' applikazzjonijiet minn individwi għal personalised parking bays.

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5407 u ċjoè jista’ jara li l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, kantuniera ma’ Strada Stretta, tiġi msewwija billi hija ta’ inkonvenjent u periklu kbir għal min jagħmel użu minnha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – safar fuq xogħol ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda tul is-sena li għaddiet laqgħat barra minn pajjiżna inkonnessjoni max-xogħol ministerjali? Jista’ jindika wkoll min akkumpanjah u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru siefer 12-il darba fis-sena 2022. Akkumpanjaw lill-Ministru 2 jew 3 delegati skont il-bżonnijiet tax-xogħol. L-ispiża totali kienet ta’ €98,565.06, l-akkomodazzjoni kienet ta’ €47,208.07 u l-biljetti tal-ajru u spejjes oħra €39,559.21. Minnhom tħallsu €6,149.89 mill-Presidenza Franciza u €5,647.89 mill-Presidenza tar-Republika Ċeka. Barra minn dan, rimborż fuq biljetti tal-ajru €6797 u rimborż fuq akkomodazjoni €1036 huwa dovut mill-UE.

Proposta tal-Metro – studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar: a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Proġett tal-Għadira – postijiet ta’ parkeġġ disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ disponibbli qabel il-proġett tal-Għadira fi Triq il-Marfa u kemm se jkunu disponibbli fuq kompetizzjoni tal-proġett eskluż il-parkeġġ ġdid ħdejn il-lukanda tal-Bajja tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara l-interventi li qed isiru fil-proġett ta’ Triq il-Marfa, preċiżament bejn ir-roundabout li tagħti għall-Armier u r-roundabout li tagħti għal ta’ Pennellu, ser ikun hemm infrastruttura li tippermetti spazji ta’ parkeġġi ippjanat mal-ġenb tat-triq man-naħa tar-ramla li ser ikunu iktar siguri. Dan ser isir permezz ta’ parkeġġi skont standards applikabli u bankini ġodda biex in-nies li jagħmlu użu mill-istess parkeġġi jaslu bil-pass b’ mod sigur għall-bajja jew għal destinazzjonijiet oħra fl-inħawi. Qabel il-proġett kien hemm linja kontinwa bajda li tħalli wisgħat varji ta’asfalt mal-ġenb tat-triq u uħud minnhom mingħajr konnessjonijiet ta’ bankini għan-nies, parkeġġi li ma kienux jilħqu standards applikabli. Għalhekk jista jiġi kkonfermat illi t-triq in kwistjoni ser ikollha parkeġġi ħafna iktar adekwati u fuq kollox iktar siguri għall-pubbliku li ser ikun qed jagħmel użu minnhom.

Pjazza tal-Mellieħa – postijiet ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ qabel il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa u kemm għandhom jibqgħu wara li jitlesta l-proġett fil-pjazza stess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' spazji ta' parkeġġ se jibqa l-istess.

Individwi/ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport, Infrastructure Malta u lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport, Infrastructure Malta u/jew il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti dokumenti: - termini ta’ riferiment għal proviżjoni ta’ servizzi reżi; - ftehim u/jew kuntratti; u - invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jispecifika l-informazzjoni li qed tintalab f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

Marine Environment – data relatata mal-ambjent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’data dwar l-ambjent tal-baħar, Marine Environment, għandu l-gvern? Minn fejn inġabret id-data? Jista' jipprovdi d-data relatata mal-ambjent marittimu lill-Parlament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4984 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Transport Malta — Drones reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm drones irreġistrati ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid matul l-2022 f’kemm-il każ ittieħdu passi legali kontra allegat ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-użu tad-drones? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi kategorji ta’ drones li huma eżenti mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni u jekk iva, liema huma?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-regola tal-EASA, li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020 u, tirrikjedi r-reġistrazzjoni tal-Operatur tad-Drone. Għaldaqstant hemm total ta’ 2700 operaturi rreġistrati ma’ Transport Malta, fuq is-sistema onlajn, li minnhom 950 irreġistraw matul l-2022. Għadhom ma ttieħdu l-ebda passi legali kontra ksur tal-liġijiet tad-drones. Drones li huma eżenti mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni huma dawk klassifikati bħala ‘toys’ skond id-direttiva 2009/48/EC kif ukoll dawk li jiżnu anqas minn 250g u m’għandhomx faċilita’ ta’ rrekordjar bħal kamera jew mikrofonu.