Jista’ l-Ministru jgħid mill-mija u erbgħin miljun ewro ta' investiment fit-toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea mħabbra minnu f'konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt 11 ta' Novembru, kemm minnhom ser jintużaw fuq toroq jew proġetti f'Għawdex? Jista’ jagħti lista ta’ toroq f'Għawdex li ser isiru b’dawn il-fondi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali ser ikun qiegħed jappoġġja l-ħidma ta’ titjib tat-toroq f’Għawdex permezz tar-riżorsi ta’ Infrastructure Malta, b’mod gradwali, fiż-żmien li ġej, attwalment ir-responsabilitajiet tat-toroq f’din il-gżira tinsab f’idejn entitajiet u ministeri oħra.
Għalhekk, nitlob li din il-mistoqsija tiġi diretta lill-Ministeru konċernat.
Transport Malta – tfassil tal-ispecifications għal call for tender
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kenitx involuta fit-tfassil tal-ispecifications għal Call for Tenders li sar minn Transport Malta bl-isem ta’ Tender for the Supply and delivery of CISCO wifi Access Points at Transport Malta New Offices (TM 072/2017) u fl-istess ħin tefgħetx l-offerta għall-istess Call for Tenders? Jista’ jgħid ukoll jekk jafx b’każijiet oħra fi Transport Malta fejn min ikun involut fit-tfassil tal-ispecifications ta’ tenders sussegwentement jitħalla wkoll jagħmel offerta għall-istess tender?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ ta’ Transport Malta, li il-kumpanija li dwarha qed jingħataw id-dettalji ma kinietx involuta fit-tfassil tal-ispecifications għal Call for Tenders li sar minn Transport Malta bl-isem ta’ Tender for the Supply and delivery of CISCO wifi Access Points at Transport Malta New Offices (TM 072/2017).
Fejn kien hemm xi drabi li Transport Malta saret taf li hemm possibilita ta’ “perceived conflict of interest” bejn min kien involut fit-tfassil tal-ispecifications ta’ tender u fejn għamel ukoll offerta, ittieħed parir legali u t-tenderer ġie skwalifikat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq flimkien ma’ Triq il-Kuċċard, Ħal Safi suppost ilhom lesti aktar minn sitt xhur, ix-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla speċjalment fejn tgħaqqad ma’ Blue Grotto Avenue u ma’ Triq il-Belt Valletta għadu mhux lest u x-xogħol fi Triq il-Kuċċard għadu lanqas biss beda tant li mill-2013 sal-lum għadu ma sar l-ebda progress fuq din it-triq? Jista’ jgħid x'kienet r-raġuni li mar jiftaħ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq meta fil-fatt ix-xogħol għadu mhux lest?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Vjal ix-Xarolla, li kien ilu ppjanat li jsir għexieren ta’ snin u baqa’ qatt ma sar, tlesta fil-ġimgħat li għaddew. Dan hekk kif imħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, u li fiha l-awtoritajiet irringrazzjaw lir-residenti għall-koperazzjoni tagħhom, kif ukoll lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-proġett tlesta minkejja l-isfidi tekniċi tas-sejbiet arkeoloġiċi fl-inħawi. Fit-tarf ta’ Vjal ix-Xarolla, fir-roundabout ma’ Vjal il-Blue Grotto, qed isir proġett ta’ tisbiħ separat minn entitajiet oħra. Dan ix-xogħol m’għandux x’jaqsam mal-proġett ta’ Vjal ix-Xarolla, li kif diġa spjegajna, tlesta.
Il-proġett sabiex Triq il-Kuċċard, li minn Vjal ix-Xarolla tagħti għal Ħal Safi, tinbena mill-ġdid bl-istess disinn ta’ Vjal ix-Xarolla, ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Hekk kif għamlet fi Vjal ix-Xarolla, fi Triq il-Kuċċard Infrastructure Malta ser issegwi l-istruzzjonijiet u l-miżuri kollha mitluba mill-awtoritajiet ambjentali u tal-ħarsien tal-wirt storiku u twettaq ix-xogħol taħt is-superviżjoni tal-arkeologi, peress li f’dawn l-inħawi qed jinstabu ħafna fdalijiet storiċi li jeħtieġ ikunu studjati u konservati.
Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Road – xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'testijiet saru fuq it-toroq li ser isir ix-xogħol fihom qabel inħareġ it-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) biex jiġi stabbilit l-intervent li se ssir f'kull triq? Jista’ jgħid x'jiddetermina l-ħxuna ta' tarmak li se tingħata f'kull triq, kif se ssir l-istruttura tat-triq taħt il-livell tat-tarmak, eċċ.?
Response (BORG, IAN)
It-tħejjijiet għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti għall-ewwel 120 triq mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid fl-2019 bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, kienu jinkludi l-ġbir tat-tagħrif tekniku meħtieġ flimkien ma’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha konċernati.
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tax-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-toroq imsemmija permezz ta’ din is-sejħa ser isir skont l-istandards ta’ kwalità u sigurtà, u r-regolamenti kollha applikabbli, hekk kif isir fil-bini mill-ġdid ta’ toroq oħra li qed isiru bħalissa.
Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads – standards u speċifikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid skont liema standards u speċifikazzjonijiet se jsir ix-xogħol ta' toroq li se ssir permezz tat-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)? Jista’ jgħid xi jridu jgħidu l-Aġenzija Infrastruttura Malta bil-kliem fit-tender: ‘where in this tender document a standard is quoted, it is to be understood that the Contracting Authority will accept equivalent standards’?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tax-xogħol tat-toroq imsemmija huma kif deskritt fil-Legislazzjoni Sussidjarja 499.57 “New Roads and Road Works Regulations”.
Il-kliem ikkwotat f’din il-mistoqsija huwa spjegat fis-sezzjoni Instructions to Tenderers, klawsoli 1.3 i) sa v) tal-istess sejħa għall-offerti indikata. Il-kliem indikat, li huwa fil-fatt parti minn klawsola li tiġi inkluża f’kull sejħa għall-offerti ta’ dan it-tip, tfisser hekk “fejn f’dan id-dokument ta’ tender jiġu kkwotati standards, għandu jiġi meqjus li l-awtorità kontraenti taċċetta standards ekwivalenti.”
Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - lottijiet
Question
Peress li t-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) inqasmet f'ħames lottijiet, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi li jiddetermina x'toroq jidħlu taħt kull lott? Jekk l-Aġenzija Infrastruttura Malta se tesiġi li x-xogħol fuq il-5 lottijiet jibda fl-istess ħin, ma jaħsibx il-Ministru li peress li f'lottijiet differenti hemm toroq tal-istess lokalità, se nispiċċaw f'sitwazzjoni li f'lokalità jkun hemm numru ta' toroq, li wħud minnhom huma toroq distributorji, fejn ikun għaddej ix-xogħol fuqhom fl-istess ħin u allura tista’ tinħoloq konġestjoni sħiħa ta’ traffiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-toroq, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern, b’€700 miljun, biex itejjeb l-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, ser jiġi ppjanat u kkordinat kif meħtieġ, sabiex jiġu evitati diffikultajiet għal dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fihom ta’ kuljum.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal rinnovament ta’ djar fl-Isla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal rinnovament ta’ djar fl-Isla f’dawn l-aħħar ħames snin bejn is-sena 2014 u l-2018 sal-jum li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minn dawn ġew approvati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7823, L-Awtorità tal-Ippjanar ma rċeviet ebda applikazzjoni ġewwa l-Isla fejn id-deskrizzjoni tal-iżvilupp propost kienet tinkludi l-kliem renovation, rinovar/zjoni, rinnovar/zjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sa llum. Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ma tikkategorizzax l-applikazjonijiet f'mod li wieħed ikun jaf jekk applikazjonijiet għal tibdil jew żidiet ikunux ser iwasslu għal rinnovament tal-propjetà. Wieħed irid iżomm f'moħħu ukoll li diversi xogħolijiet ta' rinnovazjoni ma jirrikjedux permess formali minn għand l-Awtorità.
Peress li hemm għadd ta’ persuni inkwetati u f’sitwazzjoni inċerta, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju tinsab l-iskema tal-ħwienet tal-Gvern li għandhom operational agreements mal-original tenants?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema tal-ħwienet għalqet fi Frar 2016 u l-applikazzjonijiet li daħlu qiegħdin jiġu evalwati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7784 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux qed isir jew jekk dan l-aħħar sarx bunkering fil-port ta' Marsaxlokk?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi Bunkering fil-Port ta’ Marsaxlokk, bħal kif jiġri fil-Port il-Kbir, isir b’mod regolari lil dawk il-bastimenti kollha, inkluż dawk lokali, li jsejħu d-diversi terminals u faċilitajiet portwali li jinsabu f’dan il-Port. Bunkering dejjem isir bil-permess tal-Awtorità u b’konformità stretta mal-liġijiet u mar-regolamenti kollha applikabbli kif ukoll mad-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtorità u awtoritajiet oħra kompetenti minn żmien għal żmien.
Iż-Żejtun – Triq il-President Anton Buttigieg — periklu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’biħsiebu jagħmel il-Gvern Ċentrali sabiex jiġi eliminat il-periklu kbir li jeżisti fil-preżent fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun, peress li ta’ spiss qed isiru diversi inċidenti serji f’din it-triq u mhux l-ewwel darba li vetturi li jkunu għaddejjin b’veloċità qawwija minn din it-triq, qed jispiċċaw jitilfu l-kontroll u jidħlu fil-bini ta’ din it-triq fejn kien hemm anke okkażżjonijiet li karozzi li jkunu tilfu l-kontroll, baqgħu deħlin b’veloċità kbira fil-parapetti tad-djar, kif ukoll kien hemm xi rapporti fejn nies mexjin minn fuq il-bankina f’din il-bypass, kien għoddhom intlaqtu minn karozzi li jkunu tilfu l-kontroll? Peress li f’din it-triq kellha ssir service road li taqdi lir-residenti li joqogħdu f’din it-triq u li tissepara r-residenzi f’din it-triq mill-karreġġjati minn fejn jgħaddi t-traffiku u peress li din is-service road hi bżonnjuża wkoll għall-pedestrians sabiex ikunu jistgħu jimxu bla periklu bħalma kien sar fil-bypass ta’ Ħal Għaxaq fejn hemm service road imma din għal xi raġuni mhux magħrufa għadha ma saritx fi Triq il-President Anton Buttigieg, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Infrastruttura Malta għandhiex pjanijiet sabiex din it-triq titwessa’ fejn hu possibbli u ssir service road? Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Aġenzija Infrastruttura Malta sabiex tassigura li jiġu maqtugħin darba għal dejjem l-abbużi min-naħa tas-sewwieqa li jsuqu b’mod eċċessiv matul Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun (bħal speed cameras u sleeping policemen /traffic humps) sabiex tiżdied is-sigurtà u jonqos il-periklu f’din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed tikkunsidra u tippjana diversi alternattivi sabiex titjieb is-sigurtà u l-kwalità tat-triq imsemmija waqt li jittaffew id-diffikultajiet indikati. Ġaladarba dawn il-pjanijiet ikunu ffinalizzati jagħddu għand Transport Malta biex jiġi assigurat li l-miżuri neċċessjarji rigward traffic calming u sigurta’ huma l-aħjar possibli. Filwaqt li dan qed issir, Transport Malta ser tkun qed tikkomunika mal-pulizija biex kemm jista’ jkun ikun hemm l-infurzar neċessarju.
Entratura ta’ Lukanda – bċejjeċ tal-baħar sorġuti fuq il-blat viċin
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-bċejjeċ tal-baħar li hemm sorġuti fuq il-blat viċin l-entratura tal-lukanda Ramla Bay, limiti tal-Mellieħa hux qegħdin hemm bil-permessi tal-Awtoritajiet kompetenti u jekk iva, jista' l-Ministru jindika liema kienu dawn l-awtoritajiet li ħarġu dawn il-permessi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-allegazzjoni ġiet mgħoddija lil Transport Malta sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet u l-aċċertamenti neċessarji, tieħu il-passi u tirraporta lura kif hemm bżonn.
L-Aħrax – struttura tal-ġebel (lighthouse) — manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jara li l-istruttura tal-ġebel (lighthouse) li hemm fiż-żona magħrufa bħala l-Aħrax, limiti bejn il-Marfa u l-Armier, fil-Mellieħa ssirilha l-manutenzjoni meħtieġa wara li kienet ġarrbet ħsarat aktar minn sentejn ilu?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema struttura tal-ġebel qed jirreferi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' site plan tal-PA li turi navigation light f'dawn l-inħawi li iżda mhix struttura tal-ġebel.
Jista’ l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tieħu l-flus għall-art privata tagħha fi Triq San Duminku, iż-Żejtun, li kien post mibni u li kien ittieħdilha u twaqqa’ mill-Gvern fl-1989, biex isir car park pubbliku mingħajr is-sidien ma ngħataw ebda kumpens saħansitra anke wara li rebħu l-kawża u anke l-appell li sar mill-Gvern? Peress li fit-18 ta’ Lulju 2017 il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, mill-Onor. Imħallef Tonio Mallia u mill-Onor. Imħallef Joseph Azzopardi kienet ikkonfermat u obbligat lill-Gvern permess tal-Kummissarju tal-Artijiet biex iħallas il-kumpens ta’ €88,616 imma billi sal-lum minkejja li għaddiet aktar minn sena mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell dawn l-ispejjeż dovuti lil din l-anzjana għadhom ma tħallsux, jista’ jara li tiġi segwita s-sentenza tal-qorti mingħajr aktar dewmien?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Artijiet qegħda fil-proċess li tipprepara l-att relattiv sabiex isir il-kuntratt li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata l-kumpens xieraq.
Malta Public Transport – depot/interchange – faċilitajiet sanitarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'kull depot/interchange tal-Malta Public Transport hemmx il-faċilitajiet sanitarji neċessarji kollha hekk kif stipulat fil-Collective Agreement bejn il-ħaddiema u l-Malta Public Transport? Fin-nuqqas ta' dan, x'passi ttieħdu/se jieħu mir-regolatur fil-konfront tal-operatur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tikkonċerna direttament lill-Malta Public Transport Services Ltd li hija kumpanija privata. Għaldaqstant din l-informazzjoni mhix disponibbli li tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm enforcement officers impjegati ma' Transport Malta, sena b'sena, mill-2012 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant kif waqt li fl-2013 kienu biss 11-il uffiċjal fi ħdan l-Awtorita’ responsabbli mill-infurzar u mmangjar ta’ traffiku f’Malta u Għawdex kollha, illum Transport Malta ghandha 114 il-persuna sabiex jassistu fl-immanigjar tat-Traffiku, jasisstu l-għexieren ta’ xogħolijiet fuq toroq li għaddejjin madwar il-pajjiż, jinfurzaw madwar il-pajjiż kollu inkluż bit-taqsima tal-clamping u muturi, kif ukoll jagħtu servizz lil privat bi ħlas fuq xogħolijiet li jkunu qed isiru fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati enforcement officers ma’ Transport Malta, xahar b'xahar, minn Lulju 2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi proċedura ntużat biex iddaħħlu dawn l-enforcement officers, saret call pubblika jew intużat xi proċedura oħra? Jekk saret l-interview, min kien fuq il-bord ta' dawn l-interviews? X'kienu r-requirements biex jiddaħħlu l-enforcement officers?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess u l-proċedura li ntużat biex jiġu inġaġġati l-enforcement officers hija bħal kull vacancy oħra billi inħarġet seħja pubblika u saru l-interviews mill-interviewing board magħmul minn tlett persuni. Ġew impjegati 71 enforcement officers ma’ Transport Malta minn 28 lokalita’ differenti. Ir-requirements mitluba biex jiddaħħlu l-enforcement officers huma dawn li ġejjin; Liċenzja tas-Sigurtà kif maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija u Ċertifikat Mediku li wieħed jinsab tajjeb biex jassumi r-responsabbiltajiet. Li persuna jkollha ħiliet ta'komunikazzjoni tajbin kemm verbali u kif ukoll bil-kitba bl-Ingliż u bil-Malti. Ġiet mitluba l-kondotta nadifa tal-Pulizija, iċ-Ċertifikat tal-Ewwel Għajnuna fuq il-post tax-Xogħol u ċ-Ċertifikat tal-Fire Fighter u l-Prevenzjoni kontra n-Nar. Tajjeb li wieħed jkollu wkoll il-Liċenzja tat-trailers (kategorija B+E).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati ma' Transport Malta li preżentement huma sospiżi? Jekk fil-fatt hemm, dawn qegħdin sospiżi bla paga, b'nofs paga jew b'paga sħiħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ impjegati sospiżi b’nofs paga.
Transport Malta – Enforcement officer – fixed point
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm tul ta' ħin huwa fixed point għal enforcement officer ta' Transport Malta waqt li jkunu għaddejjin xogħlijiet ta’ toroq jew meta għal xi raġuni jew oħra ikun hemm diversion tat-traffiku jew tingħalaq triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tul ta’ ħin huwa stabbiliet skond l-eżiġenzi tal-mument tax-xogħolijiet u proġetti diversi, filwaqt li l-Awtorita` dejjem tieħu ħsieb li tkun konformi sew man-normi, kif ukoll mal-liġijiet li jħarsu s-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.
Peress li meta persuni ġodda jiġu impjegati bħala enforcement officers ma’ Transport Malta u jiġu impjegati fil-grad ta' Assistant Enforcement, hemm xi perjodu ta' żmien biex dawn jogħlew fil-grad u jsiru enforcement officers u senior enforcement officers? Jista’ jikkonferma jew jiċħad li f'każ ta' dawn il-promozzjonijiet, is-seniority qiegħda tiġi injorata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda perjodu stabbiliet sabiex wieħed jitla’ għal grad ta’ Enforcement Officer jew ta’ Senior Enforcement Officer.Kull promozzjoni ssir skont kriterji li jkopru firxa wiesa ta’ aspetti li għandhom x’jaqsmu max-xogħol u d-dmirijiet li jkunu mistennja jwettqu dak maħturin.
Jista' l-Ministru jgħid id-data u fejn ġie ppubblikat il-kodiċi dwar il-kondotta li kull membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, iċ-Chairperson Eżekuttiv, chairpersons, Diretturi u uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar huma mistennija li jsegwu fil-qadi tal-funzjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar kif il-Ministru hu obbligat li jagħmel skont l-artikolu 32 (2) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmi kodiċi dwar il-kondotta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li bħala impjegati pubbliċi, kull membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, iċ-Chairperson Eżekuttiv, Chairpersons, Diretturi u uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar huma mistennija li jsegwu l-Kodici ta’ Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, fil-qadi tal-funzjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.