Legislature:
Category:
Reset
Active:

WasteServe — fondi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm il-WasteServ li tiddependi ħafna fuq fondi pubbliċi, għandha tagħti u tieħu mingħand il-kumpanija Green MT? Kemm imorru lura fiż-żmien dawn l-ammonti? Kif se jsir il-ħlas? Se jsiru xi off-sets? Meta mistennija jsiru dawn is-settlements?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

informazzjoni dwar tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju qiegħed it-tender Call for Expression of Interest for the Financing, Design, Supply, Installation, Operation and Maintenance of Photovoltaic Systems on Public Buildings in Malta u lil min ingħata dan il-kuntratt? Kemm se jiswa l-investiment li għandhom jagħmlu f'dan il-proġett u meta se jibda dan il-proġett? Jista' jgħid kemm kien hemm dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess skont l-Ethics Clauses 3.23 ta' din l-Expression of Interest u jqiegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li sussegwentement għall-ħruġ ta’ sejħa għal Espessjoni ta’ Interess, kienu ġew sottomessi 15 l-espressjoni li minnhom kienu ġew shortlisted tliet consortia. Is-Sejħa għal Offerti kienet ppreżentata lit-tlett consortia nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2011. Fid-dawl tal-fatt li l-proċess tas-Sejħa għal Offerti għadu għaddej, mhux opportun li jsiru kummenti f’dan l-istadju. Kull applikazzjoni li ġiet shortlisted iddikjarat li m’għandha l-ebda konflitt ta’ interess.

bales tal-plastik li ttieħdu l-Magħtab jew fl-impjant tal-WsteServ

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar xahrejn kemm kien hemm bales tal-plastik li ttieħdu l-Magħtab jew fl-impjanti tal-WasteServ fil-madwar? Kien hemm fosthom materjal li suppost kien destinat għall-esportazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bales li ttiehdu fil-kumpless tal-Magħtab mhumiex ta’ plastik tajjeb għar-riċiklaġġ imma huma ta’ materjal hekk imssejjah refuse derived fuel (RDF). Dan ikun taħlita ta’ materjal li jinkludi plastik u karta kif ukoll kontaminanti oħra. Dan il-materjal ma jistax jinbigħ għar-riċiklaġġ bħal ħafna materjali oħra li jinbigħu mill-impjant ta’ Sant’Antnin iżda huwa tajjeb biex minnu tiġi rkuprata l-enerġija. Peress illi f’Malta għad m’għandniex impjant fejn dan il-materjal jista’ jiġi rkuprat, dan irid bilfors jiġi esportat bi spiża sinjifikanti. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ spazju enormi biex dan il-materjal jinħażen. Għalkemm ammonti ta’ dan il-materjal qed jiġu esportati, ix-xahar li għadda l-kuntrattur responsabbli mill-esportazzjoni ltaqa’ ma xi diffikultajiet u kellha tinstab soluzzjoni alternattiva. Ammont ta’ RDF, madwar 250 tunellata, infatti ittieħed fil-kumpless tal-Magħab fejn tpoġġa f'sezzjoni tal-landfill għal ħażna biex jekk xi darba Malta jkollha impjant li fih jista’ jiġi trattat l-RDF, dan il-materjal jkun jista' jiġi ‘mined’.

Żabra tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li: a) li s-siġar fi Triq il-Mitjar Luqa jinżabru u, b) is-siġar li jinsabu fil-Housing Estate qrib Block X De Las Cruz u siġar oħrajn fl-istess Housing Estate ġo Ħal Qormi jiġu miżbura wkoll?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għas-siġar fi Triq il-Mitjar, Ħal Luqa, dawn jinsabu fi triq areterjali li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali u għalhekk se jiddaħħlu fil-programm taż-żbir li għandu jsir mill-kuntrattur li hu l-ELC. Rigward is-sigar fiż-żona tal- Housing Estate ġo Ħal Qormi, din iż-żona taqa’ fil-limitit tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u għaldaqstant dan ix-xogħol jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill.

Rijabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina — Persuni maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura fuq il-kumitat għar-rijabilitazzjoni ġdida tal-Belt, Kottonera u l-Imdina? Lil min jirrapreżentaw dawn il-persuni? X'tip ta' ħlas qegħdin jingħataw dawn il-persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, ngħarrfu li l-unika persuna li tingħata ħlas huwa ċ-Chairman tal-Kumitat li jirċievi onorarju ta’ €15,242.64 fis-sena.

Bidnija — triq fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex tkun mogħtija wiċċ it-triq li tinsab fir-raba' fil-limiti tal-Bidnija, u li tidher fuq il-pjanta li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li din il-ħidma qed tintalab sabiex l-ilma tax-xita ma jibqax jagħmel il-ħsara lill-għalqa li fil-pjanta li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tidher immarkata X ma tibqax issirilha ħsara?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se jintbgħat Perit tad-Dipartiment biex jinvestiga l-ilment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, biex ikun determinat jekk l-imsemmi xogħol huwiex fir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi jew le.

Sukkurzju tas-Salina — Xogħlijiet fuq il-mollijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29628, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fl-area indikata, (fejn hemm il-mollijiet li jagħtu fuq is-sukkurzju tas-Salina) ix-xogħol neċessarju fuq il-moll hux inkluż bħala parti mix-xogħol tar-rijabilitazzjoni fuq is-Salini u l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jipreċiża għal liema sit qed jirreferi u preferibbilment jindikah fuq site plan.

informazzjoni dwar annimali li nġabru mill-Animal Welfare

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista li tibda minn meta twaqqaf id-Dipartiment tal-Animal Welfare s’issa, ta’ : a) kemm inġabru annimali minn kull tip u breakdown ta' minn fejn inġabru; b) kemm minn dawn l-annimali ġew homed ; ċ) kemm mietu annimali u ta' liema tip waqt li kienu qed jinżammu l-Għammieri; u d) kull meta jmur veterinarju jżur u jeżamina l-annimali miżmuma fl-Għammieri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra

Għammieri — pens għall-annimali

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm hemm pens għall-klieb u kemm hemm pens għall-qtates fl-Għammieri? X’inhu d-daqs medju ta' kull waħda u kemm qed jinżammu annimali f’kull pen?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li Għammieri mhuwiex santwarju imma sistemazzjoni temporanja. Ninsab infurmat li l-qtates qiegħdin gewwa 41 holding pens differenti, u l-qisien huma varji iżda li għandom qies medju ta’ 0.67 metri kwadri. Fin-normalità, l-qtates jinżammu separati ħlief ġol-pens il-kbar fejn jinżammu f’pari Bħalissa hemm 31 holding pens bi spazju medju ta’ 10.36 metri kwadri. In-numru ta’ klieb f’kull pen jiddependi mid-daqs tal-kelb li medjament ikun allokat 2.64 metri kwadru kull kelb ta’daqs medju jew 1.60 metri kwadru kull kelb ta’daqs żgħir.

karozzi scrapped li jinbiegħu bħala parts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux permess li parts ta’ karozzi li ġew skrapjati kemm bħala parti minn skemi tal-gvern biex jinċentiva t-tneħħija ta’ vetturi li jniġġżu mit-toroq, kif ukoll oħrajn li jiġu scrapped mis-sid, jinbiegħu bħala parts għal vetturi oħra li jkunu għadhom fit-toroq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorità responsabbli mill-ħrug ta’ permessi għal faċilitajiet simili hija l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant li jressaq din il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru.

Ġbir ta' skart separat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux isir moniteraġġ li fil-jum tal-ġbir tas-separazzjoni tal-iskart mid-djar, fil-lokalitajiet ta' pajjiżna, hux qed jinġabru fl-istess trakk ma' skart imħallat? Min qed jagħmel dan il-moniteraġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġbir ta’ skar separat isir minn skemi awtorizzati mill-MEPA wara li jkunu saru arranġamenti mill-kunsill lokali rispettiv. B’hekk ir-responsabbiltà hi ta’ l-iSkemi u kunsilli lokali rispettivi minn fejn qed isir il-ġbir. Ta’ min jgħid li ma’ jghamilx sens li l-iskart jithallat meta l-prezz tal-iskart imħallat hu ta’ €20 kull tunnellata filwaqt li l-iskart separat iqum €0.50 kull tunnellata. Minkejja dan, il-Ministeru jaghmel inspection sporadici u f’każ ta’ nuqqas sew il-kunsill lokali u sew l-iskemi jiġu notifikati.

Proġetti fuq il-miżbliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proġetti biex il-miżbliet tal-Magħtab, Wied Fulija u l-Qortin f'Għawdex jinbidlu f'parks għar-rikreazzjoni tal-familja? X'kien l-investiment li sar s'issa b'mod separat fuq kull proġett? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta huwa mistenni li jitlesta kull wieħed minn dawn il-proġetti? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa kull proġett b'mod separat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skema tas-solar water heaters — benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-familji li sal-lum ibbenefikaw mill-iskema ta' għajnuna għal xiri ta' solar water heaters imħabbra fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Din is-sena (sas-26 ta’ Ottubru 2011) kien hemm 506 familja li bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna finanzjata mill-gvern għal xiri ta’ solar water heater imħabbra fl-aħħar budget. Fl-istess perjodu kien hemm seba’ (7) familji li bbenefikaw mill-iskema finanzjata minn fondi tal-ERDF.

Swieqi — Ċentru Ċiviku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi ffinanzjat il-proġett taċ-Ċentru Ċiviku tas-Swieqi u fiex se jintnefqu l-flus? Ta' min hi l-art ta' fejn se jiġi żviluppat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett se jiġi ffinanzjat mill-voti kapitali tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Dan il-proġett se jinkludi l-bini ta’ Ċentru Ċiviku u ġnien pubbliku waqt li se ssir talba lill-MEPA biex parti mill-fondi jiġu rkuprati mill-UIF (Urban Improvement Fund). L-art hija tal-gvern u tinkludi parti li ġiet esproprjata.

Reġistru ġdid tal-bastimenti tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni jekk hemmx xi ħsieb, u jekk iva, meta mistenni jinfetaħ mill-ġdid ir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd kummerċjali MFB u MFA ħalli persuni jkunu jistgħu japplikaw biex jbiddlu l-kategorija tad-dgħajsa tagħhom minn MFC għall-kategorija tal-bastimenti tas-sajd professjonali? Jista' jikkonferma jekk it-talbiet li kellhom jinżammu fuq il-waiting list għadhomx jgħoddu? Bħalissa, kemm hemm talbiet simili fuq il-waiting list?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25760.

Solar Water Heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li bbenefikaw mill-iskema li tħabbret fil-budget 2011 tas-solar water heaters?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onoroveli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 29508.

Għawdex — Xagħra - proġett tal-Qortin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa matul din is-sena fuq il-proġett tal-Qortin, ix-Xagħra Għawdex? X’jonqos isir u meta mistenni li jitlesta? Kemm kienet in-nefqa ta’ dan il-proġett sena b'sena s’issa u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa totali tal-proġett sena b'sena mil-lum sa meta jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

proġett kontra l-għargħar — fondi mill-UE

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Unjoni Ewropea approvatx il-fondi għall-implimentazzjoni tal-proġett kontra l-għargħar? Jekk fl-affermattiv, kemm hi s-somma approvata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li applikazzjoni għal fondi tal-Unjoni Ewropea trid tinkludi l-permessi tal-MEPA. Għaldaqstant din l-applikazzjoni titressaq meta jinħareġ il-permess. Huwa smat li dan il-proġett se jiġi jiswa madwar €56 miljun.

Enerġija ġġenerata f'Għawdex minn sorsi alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ tal-energija ġġenerata f’Għawdex minn sorsi alternattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħalissa b’kollox hemm 834.5kWp ta’ sistemi ta’ enerġija minn sorsi alternattivi f’Għawdex. Skont il-kWp reġistrat dawn mistennija jiġġeneraw 0.72 fil-mija mit-total tal-elettriku stmat li hu kkunsmat f’Għawdex.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28829, dawk l-impjegati kollha li jiġu f’kuntat mal-pubbliku huma mistennija li joffru kull għajnuna meħtieġa partikolarment meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan huwa l-qofol tal kodiċi ta’ imġieba pprattikat bħala ‘Customer Care’. Barra minn hekk, għalhekk mhux espliċitament spjegat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28829, meta tkellimt dwar aċċess għal-persuni b’diżabilità kont ukoll qed ninkludi l-istallazzjoni ta’ lifts . Il-Lifts li ġew stallati u li jiġu nstallati, kollha huma konformi mal-i specification EN81/70