Legislature:
Category:
Reset
Active:

JobsPlus – Persuni b’diżabilità rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet irreġistrata li kellha diżabilità fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 skont id-data li għandha JobsPlus u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess (irġiel, nisa, eċċ)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar t’Ottubru 2024 (l-aħħar ċifri ppublikati) kien hemm 5,436 persuna b’diżabilità li kienet qed taħdem fuq bażi full-time jew part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħha. Minn dawn 1,974 kienu nisa u 3,462 kienu rġiel. Dan meta kkumparat ma’ 1,699 sal-aħħar ta’ Diċembru 2012. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad, fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 kien ta` 220 persuna. Minn dawn, 54 kienu nisa u 166 kienu rġiel. Dan meta kkumparat ma’ 514, sal-aħħar ta’ Diċembru 2012.

Persuni stateless

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn persuni li huma stateless f’Malta? Kemm minn dawn huma ġenituri ta’ tfal li joqogħdu Malta bħalissa? Jista’ jgħid ukoll il-ġenituri ta’ dawn it-tfal li huma stateless, minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat mill-Aġenzija Komunità Malta li l-Aġenzija tirċievi d-dikjarazzjoni tal-persuni meta ssir applikazzjoni ta' ċittadinanza. Ninsab infurmat li hekk kif provdut f'mistoqsija parlamentari 26713 kien hemm 24 persuna minuri li kienu jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum li ġie ddikjarat fl-applikazzjoni għat-talba għaċ-ċittadinanza tagħhom li huma stateless.

Tfal stateless li ngħataw iċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tfal li kienu stateless u ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 ’l hawn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm 24 persuna minuri li kienu jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum li ġie ddikjarat fl-applikazzjoni għat-talba għaċ-ċittadinanza tagħhom li huma stateless.

Tfal stateless — Ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern Malti biex jara li tfal li huma stateless tingħatalhom ċittadinanza u jekk jikkunsidrax li dawn it-tfal tingħatalhom iċ-ċittadinanza Maltija? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar iċ-ċittadinanza (Kap. 188) jipprovdu r-rekwiżiti għal talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija minn persuni stateless.

Individwi bid-Down Syndrome — Inizjattivi għal appoġġ tal-impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi hemm fis-seħħ biex jappoġġjaw l-impjiegi ta' individwi bid-Down Syndrome?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li Jobsplus flimkien mall-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) tassisti persuni b'diżabilità, inkluż individwi bid-Down Syndrome, kif ukoll lil min iħaddem biex is-suq tax-xogħol ikun aktar aċċessibbli. Kmieni din is-sena, Jobsplus irċiviet l-approvazzjoni tal-proġett VASTE II kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+) u il-Gvern Malti għall-perjodu 2021-2027. Dan il-proġett huwa ppjanat li jiswa madwar €18-il miljun u jinkludi diversi inizjattivi biex jiġu mħarrġa u mgħejuna persuni vulnerabbli fosthom nies b’diżabilità, inkluż individwi bid-Down Syndrome, biex jidħlu u jinżammu fid-dinja tax-xogħol. Fost dawn l-inizjattivi insibu: Sheltered Employability Training li huwa programm ta' taħriġ għall-persuni b'diżabilità li jeħtieġu taħriġ prattiku preparatorju relatat mal-impjieg fil-perkors tagħhom lejn l-impjegabbiltà. B'kurrikulu ewlieni mfassal għall-ħtiġijiet ta' persuna b'diżabilità, il-parteċipanti jiġu mħarrġa minn Job Coaches . Il-programm b’tul minimu ta’ 6 xhur, jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ 18-il xahar fi tlett fażijiet skont il-bżonn. Qiegħed jiġi provdut ukoll trasport u ser tingħata allowance lill-parteċipanti. Work Exposure li tiffaċilita t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol billi tiġi provduta esperjenza u taħriġ prattiku fuq post tax-xogħol. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg. Il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) hija sieħba fil-proġett VASTE II u għalhekk ser tkompli tipprovdi ‘job coaching’ u assistenza f’ ‘ job carving’ biex jinstabu xogħolijiet addatati skont il-ħiliet tal-persuni b'diżabilità u l-bżonnijiet ta’ min iħaddem. Se jsir assessjar tal-persuni b'diżabilit à u skont il-bżonn ser jingħata sapport professjonali matul il-programm kollu minn Occupational Therapist u professjonisti oħrajn provduti mill-imsieħba li huma Richmond Foundation Malta u Inspire Foundation. Inklużi f’dan il-proġett hemm ukoll taħriġ informali (informal learning clips, workshops, etc) f’ħiliet bażiċi, kampanja ta’ tagħrif u miżuri oħrajn li jikkumplimentaw l-inizjattivi msemmija hawn fuq. Jobsplus toffri wkoll l-iskema tal- Bridging the Gap lil dawk il-persuni b’diżabilità li għandhom bżonn esperjenza itwal fuq il-post tax-xogħol ( work exposure ). Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. F’dan il-perjodu min iħaddem ikollu l-opportunità li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li l-persuna b’diżabilità tiġi impjegata wara l-parteċipazzjoni tagħha f’din l-iskema. Barra mill-inizjattivi msemmija hawn fuq min iħaddem jista’ jibbenifika wkoll minn skemi jew inċentivi meta jimpjega persuna b’diżabilità fosthom; 1. L-Iskema t’Aċċess għall-Impjiegi (A2E) , kofinanzjata mill-Fond Socjali Ewropew u l-Gvern Malti, li tipprovdi sussidju ta’ €302 fil-ġimgħa għal tlett snin, għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg full-time . Fil-każ ta’ impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata li huwa ekwivalenti għall-€151 fil-ġimgħa. Ir-rata tas-sussidju tiżdied kull sena sabiex tinkorpora ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. 2. Min jimpjega persuni b’diżabilità u mhux qed jibbenifika mill-A2E jista’ japplika biex jirċievi inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’ diżabilità diġà impjegata sa massimu ta’ €4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. 3. Kumpaniji privati li jimpjegaw persuni b’diżabilità jistgħu japplikaw biex jiġu eżentati mill-ħlas tal- kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru ta’ persuni b’dizabilità, inkluż individwi bid-Down Syndrome f’impjieg ikompli jiżdied.

Persuni fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qegħdin fid-dinja tax-xogħol bi statistika maħruġa għal dawn l-aħħar għaxar snin, li tirrifletti l-ġeneru u maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni mitluba dwar persuni li jaħdmu fuq bażi full-time jew part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom, għal dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont il-ġeneru tinsab fit-tabella. Persuni fid-Dinja tax-Xogħol Sena Irġiel Nisa Total Full-time Part-time only Total Full-time Part-time only Total Full-time Part-time only Total Sal-aħħar ta' Diċembru 2014 107,606 12,537 120,143 60,681 18,613 79,294 168,287 31,150 199,437 2015 111,203 13,082 124,285 65,227 18,848 84,075 176,430 31,930 208,360 2016 116,648 13,726 130,374 70,389 19,252 89,641 187,037 32,978 220,015 2017 123,126 13,929 137,055 76,474 19,226 95,700 199,600 33,155 232,755 2018 131,392 13,767 145,159 83,054 19,417 102,471 214,446 33,184 247,630 2019 140,183 14,006 154,189 89,138 19,423 108,561 229,321 33,429 262,750 2020 141,980 13,306 155,286 91,482 18,129 109,611 233,462 31,435 264,897 2021 146,614 13,888 160,502 95,891 18,387 114,278 242,505 32,275 274,780 2022 159,491 14,287 173,778 103,212 18,337 121,549 262,703 32,624 295,327 2023 172,024 15,115 187,139 110,767 18,823 129,590 282,791 33,938 316,729 Sal-aħħar t'Ottubru 2024 2024 175,800 16,024 191,824 115,057 19,307 134,364 290,857 35,331 326,188

Persuni bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome li qegħdin fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome li qegħdin fid-dinja tax-xogħol bi statistika maħruġa għal dawn l-aħħar għaxar snin, li tirrifletti l-ġeneru u maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif indikata fit-tabella tinkludi n-numru ta’ persuni b’diżabiltà intellettwali f’impjieg fl-aħħar ta’ Diċembru tas-snin 2019 sa 2023 u fl-aħħar t’Ottubru 2024 (l-aħħar ċifri ppublikati) maqsuma skont il-ġeneru. Diżabi lità Intelletwali fl-impjieg Rġiel Nisa Total Diċembru 2019 482 234 716 Diċembru 2020 483 240 723 Diċembru 2021 523 237 760 Diċembru 2022 559 256 815 Diċembru 2023 559 273 832 Ottubru 2024 570 297 867

Ġuri pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25962, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li għandhom ġuri pendenti, kienu jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Frar 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx spjega ta’ kif ġew maħdumin r-rati bil-ħlas b’lura?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi s-suldati/uffiċjali li ngħataw: a. backdated promotion - kellhom ir-rati tal-ħlas tagħhom maħdumin mid-Dipartiment ta’ Teżor. Dawn ir-rati ġew ibbażati fuq rati relatati mas-sena tal- backdated promotion , jiġifieri ntużaw r-rati antiki relatati mas-snin ta’ meta il-promozzjoni ġiet mgħotija biex l-ammont ikun preċiż. b. boroż ta’ studju/safar/korsijiet – ammont ġie stabbilit mill-bord tal-inġustizzji bbażat fuq l-ammont li wieħed kellu jieħu relatat mad-diskrepanza ta’ inġustizzja. Hekk kif dawn taħt amministrazzjoni precedenti ma tħallsux għall-korsijiet li segwew u li kienu ta’ beneficcju għall-Forzi Armati ta’ Malta. Irrid infakkar li dawn il-bordijiet indirizzaw inġustizzji li dan il-Gvern wiret fil-Forzi Armati ta’ Malta.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jispjega għaliex ma ġietx mgħoddija spjegazzjoni bil-miktub lil kull persuna ta’ kif ġiet maħduma lilu r-rata applikabbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull suldat/uffiċjal li kellu każ mal-bord tal-inġustizzji ġie mgħarraf bil-miktub, mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, b’dak li kien intitolat/a u bi spjega dwar l-eżitu tal-bord. Kull forma ta’ kjarifika mitluba mil-istess suldati/uffiċjali, ġiet indirizzata u mogħtija spjegazzjoni kif meħtieġ.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid għala hemm persuni li għandhom l-istess pożizzjoni fir-ranks li ħarġu li kellhom ħlasijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li llum fil-Forzi Armati ta’ Malta, teżisti struttura ta’ korsijiet u struttura ta’ kif tipprogressa bħala ufficjal, kemm fil-lower u anke fil-higher ranks. Dan għaliex ġew indirizzati anomaliji li seħħew qabel l-2013, kif anke imressqa quddiem il-bord tal-inġustizzji. Miżuri li ttieħdu bil-għan li tali anomaliji ma jerġgħux iseħħu.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema kriterji rrakkomanda li ċertu persuni jingħataw kumpens qabel sabiex jitwaqqfu każijiet pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 25699, infurmat li dan hu ibbażat ukoll fuq id-deciżjoni personali ta’ min ressaq l-ilment.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Rigali u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Pulizija — Taħriġ inizzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ taħriġ inizzjali jirċievu l-pulizija? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm ta’ taħriġ u l-lista tal-istudy units?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Droga kkonfiskata — Żball fil-kwantità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25978, jista' l-Ministru jgħid kif il-piż tal-kannabis li nsterqet fil-lejl bejn it-23 u l-24 ta' Frar, 2025, inbidel minn ġurnata għal oħra? Jista' jispjega kif, bil-custody trail li l-Ministru qal li qed tinżamm, sar żball daqshekk kbir fil-kwantità ta’ kemm suppost kien hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 26482.

Inċineratur li bih tinqered id-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ilu ma jaħdem l-inċineratur li bih tinqered id-droga? Jista’ jgħid ukoll jekk dan l-inċineratur hux qed jaħdem issa? Jekk iva, meta ssewwa u jekk le, meta hu maħsub li dan jissewwa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, ma hemmx inċineratur għax dak mhux parti mill-irwol tal-Ministeru. Nirreferi lill-Onor. Membru għad-dokument tal-inkjesta Valenzia mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta 18 ta' Marzu 2025.

EUMAM Ukraine — Parteċipazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) humiex qegħdin jipparteċipaw fl-operazzjoni EUMAM Ukraine, fejn suldati Ukreni qed jitħarrġu ġewwa r-Renju Unit? Jekk iva, jista’ jgħid kemm ilhom jipparteċipaw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta bdew jipparteċipaw fil-Missjoni EUMAM UA minn Jannar tas-sena 2023, fejn l-uffiċjal tal-FAM għandu rwol ta’ Liaison Officer fejn il-ħidma tinvolvi l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE u l-ebda rwol militari jew taħriġ lill-militar. Għalhekk ix-xogħol tiegħu hu biss amministrattiv fejn jiffaċilità l-komunikazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. B’wieħed mill-għanijiet tal-missjoni huwa li tingħata assistenza umanitarja. Dan anke wara parir tal-Avukat tal-Istat. L-għajnuna li Malta tat lil Ukrajna hi marbuta biss ma’ dik umanitarja, hekk kif kien ġie imħabbar u dan b'rispett lejn in-newtralità ta’ pajjiżna. Fid-dawl ta' statements li m'għandomx mill-verità li ntqalu fl-aħħar jiem, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-Forzi Armati ta' Malta PR250485 datata 24 ta’ Marzu, 2025.