Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilmenti mill-Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13479 u jgħid kemm kien hemm ilmenti bil-miktub jew verbalment mill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u jekk dawn ġewx rimedjati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għal tweġiba parlamentari 13673.

Kuntratt tal-bastiment li qed iżomm persuni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kuntratt sar (eż. time charter) għall-użu tal-bastiment Europa 11 biex f’dawn il-jiem inżammu fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 14193.

Bastiment – liċenzja ta’ coaster

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Europa 11 (tal-Captain Morgan, li f’dawn il-jiem qed jintuża biex jinżammu persuni barranin fuqha ’l hinn mill-ibħra territorjali) hija liċenzjata bħala coaster għal raġunijiet ta’ sigurtà u għandha l-permess/liċenzja li tbaħħar sa 4 mili nawtiċi mill-kosta biss?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant għandu jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Bastiment — charter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern għamel charter tal-Europa 11 (bastiment tal-Captain Morgan) meta jeżistu bastimenti jew opri oħra tal-baħar li huma idonei u li kienu disponibbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li din hi konklużjoni suġġettiva tal-interpellant, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 14203.

Nuqqas ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (GATE 4)

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13610, jista’ l-Ministru jgħid issa li saret l-investigazzjoni u l-Forzi Armati ngħataw rakkomandazzjonijiet, liema rakkomandazzjonijiet ser jittieħdu on board u x’qed isir biex din is-sitwazzjoni titjieb?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġibiet parlamentari 13027 u 13611.

Protezzjoni lill-vittmi ta’ vjolenza domestika

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13749, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titwaqqaf it-Taqsima speċjalizzata fuq reati ta' Vjolenza Domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellant, diġà bdew l-arranġamenti sabiex titwaqqaf taqsima speċjalizzata fuq reati ta’ vjolenza li ser titwaqqf aktar tard din is-sena u fl-iqsar żmien possibbli. Fil-fatt diġà saret sejħa interna biex Membri f’diversi ranks fil-Korp li huma interessati li jagħmlu xogħol f’din it-Taqsima, ikunu jistgħu japplikaw.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi – teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir remotament isir hekk. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali, imma ta’ arranġament biex titrażżan l-imxija msemmija

COVID-19 — Persuni mmultati f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid, minn meta bdiet l-imxija tal-COVID-19 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il multa nħarġet għal dawk il-persuni li f'Għawdex inqabdu mill-Pulizija fi gruppi ta' iżjed minn tliet persuni? Jista' jgħid kemm-il persuna nqabdet qed tikser l-kwarantina f'Għawdex? Jista' jgħid kemm-il stabbiliment f'Għawdex instab miftuħ u ġie mmultat għaliex kien miftuħ u kien qed jikser il-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sat-30 ta’ April, f’Għawdex kien hemm tmienja u għoxrin (28) persuna li ġew immultati minħabba li kienu fi gruppi ta’ aktar minn tlieta u żewġ (2) persuni li ġew immultati minħabba li kissru l-kwarantina. Kien hemm stabbiliment wieħed li nstab miftuħ u ġie mmultat għaliex kien qed jikser l-liġi.

Id-Dwejra Għawdex – siġar — vandaliżmu

Question

In vista tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat f'iżjed minn okkażjoni waħda, sar vandaliżmu fuq siġar fid-Dwejra f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jinqabad min għamel dan il-vandaliżmu? Jista' jgħid jekk il-Pulizija elevawx filmati ta' CCTV mill-inħawi u mit-triq li twassal għad-Dwejra? Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi provduta aktar sigurtà lil dan is-sit ta' Natura 2000?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjoni għadha għaddejja. Ir-rondi f’ din l-area żdidu sabiex jiġu evitati inċidenti oħra ta’ dan it-tip.

Sant'Annin — Ħruq tal-Impjant - Rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport tal-inkjesta fuq il-ħruq tal-impjant ta' Sant’ Antnin? Jekk tlesta meta se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestiex, jista' jagħti indikazzjoni tad-data sa meta għandu jitlesta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dan il-każ huwa suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Dwar dettalji oħra nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Bastiment – barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu kkuntrattat l-użu tal-bastiment Europa 11 f’dawn il-jiem biex jinżammu fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin? Jista' jikkonferma li kienet direct order?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi qed jikkordina din l-operazzjoni flimkien mal-uffiċċju tal-Prim Ministru. Kull deċiżjoni kienet tirrifletti ċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza u immedjatezza li kienu jitolbu direct order.

Proprjetà ta’ persuni li ġġarfet — investigazzjonijiet

Question

Wara li bejn is-sena l-oħra u din is-sena, numru ta' persuni raw il-proprjetà tagħhom tiġġarraf, allegatament minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li kien qed isir fil-viċinanzi, jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-investigazzjoni għal kull wieħed minn dawn l-inċidenti u x'irriżulta s'issa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi fejn kien hemm tiġrif ta’ propjetà allegatament minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li kien qed isir fil-viċinanzi tal-propjetajiet rispettivi, kienu dawk li jidhru fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella tinkludi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Data tal-inċident Dettalji Rimarki 24.04.2019 Ħsara lil tliet appartamenti ġewwa Guardamangia Hill Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 08.06.2019 Ħsara ta’ Block ta’ Appartamenti ġewwa Triq il-Kbira, il-Mellieħa Inkjesta Maġisterjali għadha għaddejja u l-Pulzija qed tinvestiga 13.06.2019 Twaqqigħ ta’ ħajt ta’ residenza ġewwa Triq Mimosa, il-Ħamrun. L-inkjesta ġiet magħluqa u tliet persuni suspettati mressqa l-Qorti 12.10.2019 Twaqqigħ ta’ ħajt ta’ Residenza ġewwa Meridiana Court, San Pawl Inkjesta Maġisterjali għadha għaddejja u l-Pulzija qed tinvestiga 12.10.2019 Twaqqigħ ta’ bini kummerċjali ġewwa Triq Bordin, Msida Inkjesta Maġisterjali għadha għaddejja u l-Pulzija qed tinvestiga 02.03.2020 Twaqqigħ ta’ bini u inċident fatali fi Triq Abela Scolaro, il-Ħamrun Inkjesta Maġisterjali ġiet konkluża u investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejja. Erba’ suspettati tressqu l-Qorti.

Aħrax tar-Rabti limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa – helicopter li kien qed jittajjar fil-baxx

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li helicopter, aktarx tal-Forzi Armati, kien qed jittajjar fil-baxx fiż-żona magħrufa bħala l-Aħrax tar-Rabti fil-limiti tal-Aħrax fil-Mellieħa bejn l-Erbgħa 29 u l-Ħamis 30 ta' April 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 14375, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi t-titjir fil-baxx indikat fil-perjodu msemmi kien relatat ma’ operazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll fuq taħriġ.

Persuni quddiem il-Qorti minħabba drink driving

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti s-sena l-oħra minħabba drink driving f’Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li ttellgħu l-Qorti fis-sena 2019 minħabba drink driving kienu mija u wieħed u ħamsin (151) f’Malta u sitta u għoxrin (26) f’Għawdex.

Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jaħdmu sal-aħħar ta’ Marzu 2020 u jista’ jindika jekk dawn humiex ser jiġu miżjuda tul din is-sena invista tal-ammont qawwi ta’ applikazzjonijiet li hemm pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li kienu qed jaħdmu sal-aħħar ta’ Marzu 2020 huwa ħamsa u għoxrin (25). Ninsab infurmat ukoll illi hemm il-pjan sabiex jiżdied in-numru ta’ ħaddiema fl-2020 u l-2021.