Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reserved Parking Bay

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' individwu jkollu l-approvazzjoni biex ikollu reserved parking bay li mhux intiza għall-użu ta' persuna b'diżabilità? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex bżonn tapprova tali reserved spaces qabel ma jkunu jistgħu jinżebgħu fil-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 31759, ninsab infurmat li Transport Malta tikkunsidra talbiet għal parkeġġi riżervati fuq talbiet li jsiru mill-individwi rispettivi fil-każ ta' toroq arterjali u distributorji u fuq talbiet li jsiru mill-kunsill lokali rispettiv fil-każ tat-toroq l-oħrajn. Jiġu wkoll ikkunsidrati talbiet li jsiru mill-Kummissarju tal-Pulizija għal raġunijiet ta' sigurta'. Kull talba għal parkeġġ riżervat trid tiġi approvata minn Tranpsort Malta qabel ma din tiġi mplimentata.

Tappieri li qed jisfrundaw

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33960 u jinvestiga x'qed jikkważa l-fatt li t-tappieri f'toroq li saru riċentament qed jisfrundaw regolarmant per eżempju l-bypass tal-Imtarfa u l-parti tat-triq li tagħti għall-pont tal-Mosta? Min kien responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawn it-toroq huma arterjali u distributorji u allura minnhom jgħaddi ammont sostanzjali ta’ traffiku ta’ ċertu piż. Jirriżulta, li minħabba f’hekk uħud mit-tappieri, wara ċertu żmien, isofru ħsarat u ċediment f'partijiet minnhom. Transport Malta se tifformola programm ta' tiswija.

Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus kull sena mill-2004 ‘l hawn fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-kumpanija Gozo Channel? Kemm hu mistenni li jintnefqu din is-sena? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont liema passiġġieri u servizzi huma koperti b’dan il-Public Service Obligation?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Arriva — ħaddiema bl-overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27845, jista' l-Ministru jgħid kemm nies intalbu jagħmlu overtime, kemm għamlu sigħat kull persuna individwali ġurnata b'ġurnata u x'karigi għandhom dawn in-nies? X'kienet in-nefqa globali sabiex jassistu l-Arriva? Jista' jgħid jekk Transport Malta qabbditx xi kumpaniji oħra apparti l-kumpanija Appletree sabiex jassistu lill-Arriva, u kemm tħallset din il-kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Jien infurmat li apparti l-kumpanija Appletree Transport Malta ma qabdet l-ebda kumpanija oħra sabiex jassistu l-Arriva.

Transport Malta — ħaddiema li qed jagħmlu l-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-impjegati ma' Transport Malta li qed jagħmlu l-overtime minn mindu beda l-operat tal-Arriva? Kemm tħallsu s’issa f’overtime dawn l-impjegati? Kemm-il siegħa overtime qed jagħmlu l-ħaddiema u kif qed jiġi mqassam l-overtime msemmi ta’ dawn l-impjegati? Jista’ l-Ministru jgħid xi skali għandhom dawn l-impjegati li qed jagħmlu l-overtime u jagħti l-ammont li tħallas s’issa f’overtime u jiġi spjegat fi breakdown dettaljat skont il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28804, ninsab infurmat li l-impjegati li ntużaw għal dan l-eżerċizzju kienu mid-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art u mis-sezzjoni tal-Customer Care tal-istess awtorità. L-impjegati ntagħżlu skont l-esiġenzi tas-servizz tal-Customer Care li jkopri Transport Malta kollha.

Transport Malta — lista ta' konferenzi

Question

Jista' l-Ministru jindika u jippubblika lista ta' konferenzi li Transport Malta attendiet għalihom matul is-sena 2011? Jista' jgħid x'kienet it-tema ta' kull konferenza? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal kull konferenza partikolari?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — triq li ma saritx

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma r-raġunijiet li għalihom it-triq ta' wara l-Knisja tal-Karmnu, f'San Pawl il-Baħar, ma saritx minkejja li kellha ssir numru ta' xhur ilu? Min ressaq oġġezzjonijet ma' Transport Malta biex dan ix-xogħol ma jsirx? X'inhi l-pożizzjoni ta' Transport Malta dwar dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija Xagħra tal-Bandieri, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Din it-triq għandha problema biex tinbeda minħabba l-fatt li hemm talba ta’ terzi persuni li t-triq hija art privata. Għaldaqstant, din it-talba trid tiġi verifikata qabel ma jkunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar, u Trejqet Għar Berbaħ - bini tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iżomm lil Transport Malta milli tibda l-proġett tal-bini ta' Triq is-Simar, u Trejqet Għar Berbaħ, fix-Xemxija, San Pawl il-baħar? Meta ħarġu t-tenders għal dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jkun jiswa l-istess xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq Għar Beraħ, San Pawl il-Baħar ma setgħux jinbdew minħabba l-fatt li Triq Simar ma kinitx miftuħa. Issa li din it-triq infetħet, ix-xogħlijiet se jinbdew fil-jiem li ġejjin. Dawn ix-xogħlijiet se jiswew madwar € 34,342.52. Fir-rigward ta’ Triq Simar, San Pawl il-Baħar, Transport Malta qed tagħmel ix-xogħol preparatorju rigward il-proċess tat-tender.

Wied il-Għajn — Triq il-Buttuniera - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fi Triq il-Buttuniera Wied il-Għajn wara li waqaf ix-xogħol minħabba problemi mal-kuntrattur li kien qed jaħdem fuq din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa Transport Malta qed tipprepara l-informazzjoni meħtieġa sabiex ix-xogħol li fadal fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, jkun jista’ jgħaddi mill-proċess ta’ tendering biex jingħata lil kuntrattur ieħor.

Transport Malta — analiżi fl-estimi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi dettaljata stante li dik preżentata fl-estimi ta' Transport Malta 2012 mhija xejn ċara, li turi break analysis dettaljat tad-dħul u ħruġ kollu mill-parti tad-Direttorat għas-sena 2012, flimkien ma' analiżi dettaljata komparattiva tal-istess għas-sena 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-estimi ta' Transport Malta huma għal kollox konformi mar-rekwiżiti normalment użati.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32951 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

karozzi antiki tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-karozzi l-antiki li kienu jintużaw għat-transport pubbliku baqgħu jintużaw għal xi skop ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’Malta kien hawn 508 karozzi antiki filwaqt li f’Għawdex kien hemm 78 karozzi antiki li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku. Mill-508 karozzi antiki f’Malta minnhom kien hemm 134 vettura tal-għamla low floor , li minn dawn: · 1 inżammet minn Transport Malta għal raġunijiet ta’ taħriġ; · 1 ġiet skrapjata; · 2 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom; · 8 ġew mixtrija minn entitajiet governattivi; · 1 ġiet mgħoddija lill-Malta Red Cross; · 118 ġew mixtrija mill-Arriva Malta Ltd li minnhom qed jintużaw: - 31 wara li ġew jew qegħdin jiġu mgħammra skont ir-rekwiżiti mifthema fil-kuntratt; - 14 temporanjament fuq is-servizz; - 14 għal taħriġ. · 3 għadhom għand is-sid oriġinali tagħhom minħabba raġunijiet legali. Apparti l-134 vetturi tal-għamla low floor , kien hemm 374 karozzi oħra f’Malta: · 3 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom bħala Vintage buses fuq ir-rotot tat-trasport għat-turisti skont il-PTSR L.S. 499.56; · 73 ġew miżmuma mis-sid originali tagħhom għal użu privat; · 127 ġew mgħoddija lill-Heritage Malta; · 164 ġew skrapjati; · 7 għadhom għand is-sid oriġinali tagħhom minħabba raġunijiet legali jew bejn terzi persuni. Mit-78 karozzi antiki li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku f’Għawdex, dawn kienu liċenzjati għall-ġarr ta’ passiġġieri b’servizz skedat u anke mhux skedat. Dawn il-vetturi kollha ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom għal xogħol mhux skedat. Barra minn hekk ninsab infurmat li minnhom dawn hemm: · 64 vettura li hija liċenzjata; · 8 ġew garaxxjati; · 3 ġew skrapjati; · 1 mhux bil-liċenzja mġedda; · 2 miżmuma minħabba raġunijiet legali.

Problema rigward Wires tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar wires tat-telefon li hemm imdendlin mal-faċċata tagħha u li suppost kellhom jiġu relokati minn posthom minħabba bini ġdid li nbena peress li ilha tressaq l-ilmenti tagħha għal dawn l-aħħar xhur mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Marsa — Qormi - Park and Ride

Question

Peress li l-Park and Ride li hemm bejn Ħal Qormi u l-Marsa (ħdejn dik li kienet il-fabbrika tal-Lowenbran) se ssir bi ħlas u peress li residenti li joqogħdu f'Racecourse Street il-Marsa kienu jużaw dan il-car park biex jipparkjaw il-vetturi privati tagħhom, jista' l-Ministru jara li dawn ikomplu jagħmlu użu minn din il-faċilità għal parkeġġ tal-vettura tagħhom mingħajr ma jkunu kostretti jħallsu t-tariffa li se tkun qed tintalab għal użu tal-Park and Ride?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din hi faċilità privata.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Patri Andrew Azzopardi - Bini tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34169 u 34033 u jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbena Triq Patri Andrew Azzopardi Ħaż-Żebbuġ peress li f'din it-triq hemm ħafna residenti u fl-istat li hi toħolqilhom inkonvinjent kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 31257 sabiex b’hekk ikun jista’ jifhem il-proċedura użata, ninsab infurmat li t-triq inkwistjoni ma tagħmilx parti mill-programm ta’ toroq li jridu jinbnew mill-ġdid din is-sena, għaliex ma taqbiżx is-70% bini.

informazzjoni dwar it-tul tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Iklin — proġett ta' bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li għandu l-gvern għal bypass li se tgħaddi minn ġewwa r-raħal tal-Iklin? Huma minnu li qabel l-Elezzjonijiet Lokali tal-2012 ingħatat lura plot ta' art lis-sidien u li qabel kienet maħsuba għall-istess proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċirkewwa — triq ġdida - bini kontra l-istandards

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk it-triq ġdida taċ-Ċirkewwa tiffurmax parti mit-Ten T Network? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni għala din it-triq mhux tinbena skont l-istandards rikjesti b'żewġ lanes fuq kull naħa? Ma jaħsibx li jekk f'din it-triq li hija tant traffikuża b'vetturi kbar u jkun hemm inċident fuq single lane, tista' tinqala konġestjoni kbira u li twassal għat-telf tat-tluq tal-Gozo Ferry?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq taċ-Ċirkewwa tifforma parti mit-TEN-T Network u li ma hemmx standard li minħabba din il-kwalifikazzjoni t-triq irid ikollha awtomatikament żewġ lanes fuq kull naħa. In-numru ta’ lanes li jkun hemm bżonn fi triq jiġi deċiż skont il-fattur tal-volum tat-traffiku fost l-oħrajn. Rigward tal-osservazzjoni tal-Onorevoli Interpellant, mid-disinji ta’ din it-triq huwa nnutat illi l-wisa’ tal-karreġġjati f’din it-triq (direzzjoni lejn it-terminal) hija ta’: a) bejn il-Palazz tal-Marfa u t-terminal tac-Cirkewwa: 7.4 metri fil-maġġoranza tagħha u ċioe 4.2 metri tal- lane għall-vetturi u 3.2 metri tax- shoulder . b) bejn in-Niċċa tal-Madonna u l-Palazz l-Aħmar: 4.2 metri fil-maġġoranza tagħha tal- lane għall-vetturi u 1.5 metru ta’ cycle pat h li jagħmlu total ta’ 5.7 metri. Filwaqt li wieħed ma jistax jippjana għal kull dinamika ta’ inċident, din il-wisa’ tnaqqas ir-riskju li jkun hemm għeluq totali tal-karreġġjata fil-każ li jkun hemm inċidenti fit-triq in kwistjoni. Ta’ min wieħed isemmi wkoll illi is- central barrier li kienet implimentata f’dan il-proġett saret biex tiġi mtejba s-sigurta’ tax-xufiera li jużaw din it-triq, u din is-sigurta’ għandha dejjem tieħu l-priorita fid-disinn.

karozzi tal-lina bil-magni mixugħlin fil-vened

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jipprova jikkordina mal-operatur tal-Arriva, biex waqt li l-karozzi jkunu qed jistennew fil-vened tagħhom, ma jħallux il-magni tagħhom mixugħlin, b'mod partikulari fis-siegħat bikrin ta' filgħodu u tard filgħaxija, (per eżempju qabel is-7.00 ta' filghodu u wara l-10 ta' bil-lejl, jew xi ħin ieħor sodisfaċenti), għaliex dan qed ikun ta' inkonvenjenza kbira għal dawk li joqogħdu fl-inħawi tal-istess vened? Jista' b'mod partikulari jara li din is-sistema tiġi ntrodotta fil-venda ta' Buġibba/Qawra?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-operatur adotta proċedura li karozzi tal-linja ma jinżammux mixgħula meta tkun wieqfa għal aktar minn erba’ minuti. Infurmat ukoll li madwar 80% tal-flotta għandhom sistema fejn il-makna tal-vettura tintefa awtomatikament meta vettura tkun wieqfa għal aktar minn erba` minuti.