Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 78.
Air Malta- Medjatur bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-medjatur bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew tal-Air Malta fl-2017/2018 kien tħallas għall-medjazzjoni tiegħu u jistax jgħid jekk tali somma/ħlas kienx jeċċedi l-€100,000? Jista’ jagħti ċ-ċifra eżatta ta’ tali ħlas u d-data meta sar il-pagament?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal min qed jirreferi bħala medjatur.
Billi skont iċ-ċifri tal-Eurostat il-paga minima ta’ Malta hija l-aktar baxxa meta kkomparata mal-pajjiżi l-oħra fil-Punent tal-Ewropa, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex din il-paga minima tiġi riveduta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Air Malta – Ħaddiema trasferiti mal-kumpanija Air Malta Aviation Services Ltd.
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti ħaddiema tal-Air Malta fuq il-kotba tal-kumpanija Air Malta Aviation Services Ltd għal kull sena u ċjoè għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm ebda trasferimenti ta’ ħaddiema mill-Air Malta għall-Air Malta Aviation Services Ltd.
Air Malta Aviation Services Ltd. – reklutaġġ ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati mal-kumpanija Air Malta Aviation Services Ltd li qatt ma kienu impjegati qabel mal-Air Malta jew sussidjarji tagħha għal kull sena u ċjoè fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:
SENAIMPJEGATI ĠODDARIŻENJI
201820
201940
2020166
2021111
202205
Air Malta – ħaddiema li applikaw taħt l-Iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjegati tal-Air Malta jew sussidjarji tagħha applikaw taħt l-iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme sal-lum u jgħid kemm minnhom ġew trasferiti lejn entitajiet tal-Gvern sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti d-dettalji tal-entità fejn ġew trasferiti, il-grad tagħhom u l-paga li qed jirċievu mingħajr ma jiżvela ismijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati tal-Air Malta jew sussidjarji tagħha li applikaw taħt l-iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme kien ta’ 577. In-numru ta’ impjegati li sa issa ġew trasferiti lil-RSSL huwa 88 kif jidher fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min se jagħmel ix-xogħol ta’ ground handling li qed tagħmel bħalissa l-Air Malta, meta l-ħaddiema kollha jiġu trasferiti? Jikkonferma li l-Air Malta waqqfet kumpanija ġdida ta’ ground handling ma’ operaturi privati Taljani? Jista’ jgħid jekk l-impjegati tal-ground handling tal-Air Malta bħalissa hux se jkunu jistgħu jissieħbu mal-kumpanija l-ġdida?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif kien imħabbar fil-Konferenza Stampa mogħtija fl-14 ta’ Jannar, l-Air Malta ma kinitx ser tkompli tagħti s-servizz ta’ Ground Handling lilha nnifisha. Dan is-servizz ser jibda jingħata minn kumpanija ġdida.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi
Question
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninsab infurmat li mhux fil-kompitù tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.
Spezzjonijiet lill-professjonijiet/kumpaniji finanzjarji u bankarji
Question
B’referenza għall-isfidi dwar meta r-regolatur jagħmel spezzjoni (on-site inspection) lill-professjonisti u/jew kumpaniji finanzjarji u bankarji u peress li hemm numru ta' każijiet fejn qed isiru on-site inspections u talbiet minn entitajiet differenti lill-professjonisti u/jew kumpaniji fl-istess ħin u dan joħloq pressjoni żejda fuq practitioners f'dan is-settur importanti, u jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet fejn ikun hemm bżonn li jsir hekk, imma ħafna drabi dan isir minħabba nuqqas ta' komunikazzjoni, koordinazzjoni u pjanar adegwat min-naħa tal-awtoritajiet, jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandhom l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex ikun hemm aktar koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejniethom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi parti mid-dmirijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjari ta’ Malta jinkludu li taħtar uffiċjali tal-MFSA biex jinvestigaw u jirrapportaw dwar l-attivitajiet ta’ kumpaniji liċenzjati minnha.
Internament, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjari ta’ Malta, għandha sistemi sabiex tikkordina l-mod u ż-żmien meta jsiru dawn l-ispezzjonijiet biex kemm jista’ jkun ifixklu mill-inqas l-entità kkonċernata.
Hemm ċirkostanzi fejn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjari ta’ Malta tikkordina ma’ awtoritijet oħra li b’xi mod jew ieħor huma involuti fis-superviżjoni ta’ entitajiet liċenzjati mill-Awtorità. Dan isir abbażi ta' Memorandum of Understanding li għandha l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjari ta’ Malta ma’ awtoritajiet oħrajn.
Madankollu l-awtoritajiet għandhom funzjonijiet u skopijiet differenti ai termini tal-liġi u jista’ jkun hemm drabi fejn il-koordinazzjoni mhux dejjem tkun possibbli sabiex l-Awtorità kkonċernata taqdi d-dmirijiet tagħha ai termini tal-liġi u abbażi ta’ risk-based approach.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jattira setturi ġodda fl-ekonomija tagħna matul il-ħames snin li ġejjin? Jista' jindika liema huma dawn is-setturi l-ġodda?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ċivil u awtoritajiet statutorji – impjegati li għandhom impjieg ieħor
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 785 u ċjoe: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 273 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid sal-14 ta’ Mejju 2022, kemm hemm persuni impjegati maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali li għandhom impjieg ieħor abbażi full-time u/jew part-time, b’mod rispettiv?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, it-tabella hawn taħt turi n-numru ta’ persuni li jaħdmu maċ-Ċivil, awtoritajiet statutorji u entitajiet parastatali fuq bażi ta’ full-time u part-time u turi kemm kien hemm l-impjegati li kellhom impjieg ieħor full-time jew part-time fl-aħħar ta’ April 2022:
Impjieg ieħor
Impjegati maċ-Ċivil, awtoritajiet statutorji u entitajiet parastataliFull -TimePart-time
FULL- TIME160*11,481
PART- TIME10607
*L-entità rispettiva ma tkunx irreġistrat il-formola għat-tmiem tal-impjieg mal-JobsPlus.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qiegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 367.
Il-Belt Valletta – Pjazza Tritoni – Tactile walkway
Question
Jista’ l-Ministru jara li t-tactile walkway fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, li hu maħsub biex jintuża minn persuni neqsin mid-dawl jibqa’ dejjem mingħajr l-ebda tip ta’ ingombru waqt kull attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu? Kemm-il rapport irċieva matul l-aħħar sena dwar ingombru fl-istess żona waqt xi attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Persuni ta’ Nazzjonalità Maltija li telqu mill-pajjiż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni (ta’ Nazzjonalità Maltija) telqu minn pajjiżna u ma ġewx lura għal perjodu twil (minn tal-inqas tliet xhur)? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm irġiel u l-età tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jezistix reġistru u m'hemm l-ebda sors amministrattiv wieħed li jagħti informazzjoni b’mod preċiz dwar il-flussi ta’ emigrazzjoni ta’ ċittadini Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-Gvern Ċentrali dwar l-impatt tal-inflazzjoni fuq il-poplu Malti, partikolarment il-pensjonanti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li saru?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-baġit li għadda ntqal hekk: “Il-prezzijiet tal-enerġija u b’mod aktar wiesgħa l-inflazzjoni inġenerali jistgħu jkunu l-isfidi tas-sena d-dieħla. Għalhekk it-tbassir tad-defiċit jista’ jiġi rivedut b’1.4% u jilħaq is-7% ġaladarba l-Gvern ikun irid inaqqas l-impatt mil-lat finanzjarju fuq il-familji u n-negozji.”
Minkejja dan, pajjiżna għad għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Minħabba li dak li tbassar ġara, u ġie iktar aggravat bil-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern nieda diversi miżuri soċjali kemm fil-baġit kif ukoll wara. Fosthom insemmi l-għajnuna diretta li ngħatat lill-pensjonanti u lill-familji kif ukoll il-politika li wasslet biex għaż-żmien li ġej Malta jkollha prezzijiet stabbli tal-enerġija u tal-fuels.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed il-ħin kollu jsegwi ċ-ċaqliq fil-prezzijiet kif qed jiżvilppa fid-diversi oqsma tal-ekonomija.
Regolament (UE) 2017/1131 – entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika f’Malta li tieħu ħsieb l-osservanza tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar il-fondi tas-suq monetarju’ (“Regolament”), ġiet implimentata permezz tas-segwenti regolamenti maħruġa taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta): ‘Regolamenti dwar Investment Services Act (Money Market Funds)’ (L.S. 370.44).
In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tar-Regolament imsemmi hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.
Direttiva (UE) 2016/97 – liġi u entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-liġi domestika li timplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien tan-normi domestiċi li jimplimentaw din id-Direttiva?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)’, ġiet trasposta fl-Att dwar id-Distribuzzjoni fl-Assigurazzjoni (Kap. 487 tal-Liġijiet ta’ Malta), kif ukoll fir-regolamenti, Regoli dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni u Regoli tal-Kondotta tal-Operat maħruġa taħt l-istess Att.
In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tad-direttiva msemmija hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.