Higher Secondary Naxxar — Matsec A Level Chemistry - kwestjoni fuq il-karta tal-eżami
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-karti ta' l-eżami tal-Matsec A Level Chemistry, li sar fit-12 ta' Mejju 2009, fid-9.00 a.m., fil-Higher Secondary Naxxar, f'Kamra Nru 11, kienu miftuħin qabel ma daħħlu l-istudenti li kellhom joqgħodu għall-eżami, kontra l-prassi normali, jiġifieri li l-karti ta' l-ezami jinfetħu fil-preżenza ta' l-istudenti? Tista' tgħid, x'passi se jittieħdu biex jiġi assigurat li ma sarx xi abbuż, meta nfetaħ il-pakkett tal-karti ta' l-eżamijiet fl-assenza ta' l-istudenti li għamlu l-eżami tagħhom fil-kamra indikata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-prassi ġenerali għal kull darba li jaslu l-karti tal-eżami tal-Matsec għand il-Kap taċ-Centru tal-Eżamijiet hija li l-ewwel jassigura lilu nnifsu li l-pakkett huwa ssiġillat bil-plastik u ma jidhirx li fih xi ħsara jew ġie mbagħbas. Ta’ min isemmi hawnhekk li l-pakkett ewlieni jkun jikkonsisti f’numru ta’ pakketti zgħar li fihom ikun hemm il-karti tal-eżami, medja ta’ 25 karta kull pakkett. Dan il-pakkett ikun issiġillat kollu kemm hu fil-plastik.
Il-Kap taċ-Ċentru jqabbad tliet invigilators u tliet kandidati jiddikjaraw li l-pakkett huwa ssiġillat u intatt u li nfetaħ fil-preżenza tagħhom. Id-dikjarazzjoni jagħmluha billi jiffirmaw formola apposta. Din il-proċedura twettqet fil-ġurnata msemmija mill-Onor interpellant, jiġifieri nhar it-Tlieta 12 ta’ Mejju 2009 fil-
Higher Secondary
Naxxar (jekk ikun il-każ, tista’ tiġi ppovduta wkoll kopja tal-formola msemmija bl-ismijiet u l-firem tal-invigilators u l-kandidati li ffirmaw id-dikjarazzjoni fid-data in kwestjoni). Il-pakketti ż-żgħar imbagħad jitqassmu fil-klassijiet skont in-numru li jkun hemm f’kull ċentru. Dan it-tqassim isir ftit minuti qabel ma tibda s-sessjoni tal-eżami u għaldaqstant ma jista’ jsir l-ebda abbuż mill-karta. Jekk ikun il-każ li xi pakkett infetaħ qabel, dan isir sabiex l-invigilator jiċċekja li għandu biżżejjed numru ta’ karti tal-eżami skont kemm għandu kandidati fil-kamra u mhux anqas peress li ma jkollux ħin jibgħat għal aktar karti.
kinder garden assistants — kors part time fil-livell ta' degree fl-Università
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħareġ kors part-time fil-livell ta' degree fl-Università speċjalizzat għal kinder garden assistants li diġà għandhom il-BTEC National Diploma in early Years skond kif miftiehem fil-ftehim kollettiv mal-MUT fl-2007?
Tista' tgħid meta dan il-kors beħsiebu jinbeda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kors ta’ Baċellerat bl-unuri fl-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fl-Età Bikrija se jiftaħ f’Ottubru 2009. Il-kors ser jibda fuq bażi part-time u għalih huma mistiedna japplikaw il-Kindergarten Assistants kollha.
Tista' l-Ministru tgħid x'inizzjattivi ħadu tul dawn l-aħħar għaxar snin id-diriġenti tal-Librerija Nazzjonali bħala promoturi ta' dak li għandu x'jaqsam mal-librerija, biex jassiguraw li f'Malta u Għawdex ikollna numru adegwat ta' librara professjonali biex nilħqu l-livell professjonali ta' numru ta' pajjiżi Ewropej f'dan il-qasam?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Biex jassigura li f’Malta u Għawdex ikollna numru adegwat ta’ librara professjonali biex nilħqu l-livell professjonali ta’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, tul dawn l-aħħar għaxar snin id-Dipartiment tal-Libreriji ħa dawn il-miżuri.
Id-Dipartiment jinforma lill-impjegati tiegħu dwar korsijiet organizzati mill-Universita’ ta’ Malta għal-librara. Biex aktar ikun hemm inċentiv li wieħed japplika għal dawn il-korsijiet id-Dipartiment iħallas il-miżati tul is-sentejn ta’ studju. Kienu seba’ l-impjegati li għamlu sentejn ta’ studju fl-Universita’ biex kisbu d-diploma fil-
Library and Information Studies (Dip.LIS)
jew studju ieħor relatat mal-qasam tal-Libreriji.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inġabru fondi mill-Unjoni Ewropea mill-2004 sal-lum biex jissaħħu l-libreriji f'Malta u f'Għawdex sena b'sena? Jekk ġew xi fondi, tista' tgħid kif inġabu u minn liema sorsi? Għal liema għan inġabu? Kif intużaw? Liema libreriji gawdew minn dawn il-fondi waħda b'waħda, u kemm ħadet kull waħda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sal-lum ma inġabru ebda fondi mill-Unjoni Ewropea biex jissaħħu l-libreriji f’Malta u Għawdex. L-ebda applikazzjoni maħruġa mill-European Regional Development Fund (ERDF) ma kienet relatata ma' dan is-suġġett.
F’ Settembru 2007 id-Dipartiment tal-Libreriji applika taħt l-iskema
Priority Axis 1 of Operational Programme 1 – Investing in Competitiveness for a Better Quality of Life
bil-proġett
Digitisation Strategy and Framework for the National Library of Malta.
Peress li l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata, fi Frar 2008 id-Dipartiment reġa’ applika bl-istess proġett iżda din id-darba taħt
Priority Axis 6
. Nhar l-20 ta’ Jannar 2009 ġejna infurmati li l-proġett issa ġie kkonsidrat eliġibbli u kkwalifika għall-fondi. L-ammont mitlub u approvat mill-
Planning and Priorities Coordination Division
huwa ta’ €170,766.06
Tista' l-Ministru tgħid għaliex wara li dan l-aħħar sar ir-roof membrane fuq l-iskola tas-Siġġiewi u nstab li kien diffettuż, nhar l-ewwel tas-sena reġgħu inġabu rombli oħra tar-roof membrane a spejjeż tal-Foundation for Tomorrow's Schools biex tissewwa l-ħsara, minflok ma ġie mqabbad il-kuntrattur biex jagħmel dan? Min kien il-kuntrattur? Kemm ħa l-period contractor għal membrane ta' fuq l-iskola tas-Siġġiewi li sar dan l-aħħar? F'liema skejjel oħra għamel xogħol dan il-kuntrattur waħda b'waħda? Saret spezzjoni fuq dawn l-iskejjel biex jiġi aċċertat li x-xogħol sar tajjeb? Kemm intnefqu flus fuq ir-roof membrane matul l-2008 mill-Foundation for Tomorrow's School? Fuq liema skejjel u stabbilimenti oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sar ix-xogħol tar-roof membrane?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ix-xogħol tal-membrane li għalih qiegħda ssir referenza sar mill-kuntrattur li bena s-sala tas-Siġġiewi u li kien parti mix-xogħol li kellu jagħmel. Ma tqabbad l-ebda period contract sabiex isir dan ix-xogħol. Il-kuntrattur li bena s-sala kien R. Scicluna Ltd u li ma għandu l-ebda periods contracts ta’ tqegħid ta’ membrane fi skejjel oħra.
Flus li ntefqu mill-FTS fuq tqegħid ta’
roof membrane
fit-2008 mill-
period contracts
kien jammonta għal €1,013.00.
Il-lista tal-iskejjel u stabbilimenti oħra li sar xogħol tar-roof membrane fuqhom mill-ħaddiema tat-Technical Services Branch fis-sena 2008 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Intrapriżi Maltin u Għawdxin — inċentivi dwar eLearning
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema interpriżi f'Malta u Għawdex joffru inċentivi lill-ħaddiema tagħhom biex iħajruhom itejbu l-livell tal-edukazzjoni tagħhom permezz tal-eLearning? Liema huma dawn l-intrapriżi u x'inhuma l-inċentivi li qed joffru lill-ħaddiema tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Direttorati tal-Edukazzjoni — Kondizzjonijiet tax-xogħol
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilhom fis-seħħ il-kondizzjonijiet preżenti tax-xogħol tal-kategorija Supply fid-Direttorati tal-Edukazzjoni? Kemm ġew impjegati għalliema, kindergarten assistants u Learning Support Assistants minn kemm ilhom fis-seħħ dawn il-kundizzjonijiet, kategorija b'kategorija u sena b'sena? F'liema skejjel tpoġġew skola, skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kundizzjonijiet preżenti tal-kategorija Supply fid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni ilhom fis-seħħ hekk:
Supply Teachers
– 1996
Supply Learning Support Assistants
– 1998
Supply Kindergarten Assistants
– 2005
L-impjegati fil-kategorija
Supply
dejjem ingħataw xogħol fuq bażi temporanja fl-iskejjel skond il-ħtiega minħabba n-nuqqas ta’ impjegati regolari. Billi l-kategorija ta’ impjegati Supply huma ngaġġati fuq bażi temporanja, ġieli wkoll ghal ftit xhur, skond il-ħtiega, l-informazzjoni rikjesta ma tistax tingħata kif mitluba għax ma jinżammux
records
għal tul ta’ żmien.
L-informazzjoni li qed titpoġġa fq l-Mejda tal-Kamra hija dik għas-snin skolastiċi 2007/2008 u 2008/2009.
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa kkalkulat li saru produzzjonijiet televiżivi bil-Malti matul is-sena 2008? Tista' tgħid jekk il-Gvern jagħtix għajnuna ta' inkoraġġiment lil dawk il-gruppi ta' żgħażagħ li jkunu jridu jtellgħu produzzjoni bil-Malti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jifformula l-Mistoqsija tiegħu f’mod aktar speċifiku biex inkun nista’ nagħti t-tweġiba li jixtieq.
Tista' l-Ministru tgħid x'ammont ta' qliegħ sar minn kull skola tal-Istat matul dawn l-aħħar tliet snin u liema flus marru fl-iSchool Fund skola skola u sena b'sena? X'kien is-sors ta' dan il-qliegħ skola skola? X'użu sar minn dawn il-fondi għall-ġid ta' kull skola, skola skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni jew raġunijiet li għalihom il-kuntratt tad-Direttur għal EU Affairs ġie terminat qabel iż-żmien? Huwa minnu li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tagħha se jassumi flimkien max-xogħol estensiv li diġà għandu d-doveri tad-Direttorat għal EU Affairs sakemm is-Sindku tar-Rabat, Għawdex ikun akkwista biżżejjed esperjenza bħala acting director f'dan il-qasam?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant hija bbażata fuq informazzjoni li hi żbaljata kemm fil-fatt u kemm fis-sustanza .
Mhux korrett li wieħed jgħid li l-kuntratt ta’ Direttur għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali intemm qabel iż-żmien. Fil-fatt kien hemm proċess ta’ applikazzjonijiet għal diversi Diretturi, fosthom, id-Direttur ta’ l-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjioni, Kultura,Żgħażagħ u Sport, li minn dan il-proċess ma intgħażel ħadd. Ir-riżultat ħareġ fl-24 ta’ Novembru 2008. Infurmata wkoll li nfetħu applikazzjonijiet oħra ġodda fis-27 ta’ Novembru 2008, jigifieri tliet ijiem mill-pubbikazzjoni tar-riżultat imsemmi. Din l-applikazzjoni għalqet f’-10 ta’ Diċembru 2008 u l-proċess ta’ l-għażla diġa beda.Dan il-proċess ma jitmexxiex mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport.
L-anqas mhu korrett li wieħed jgħid li s-Segretarju Permanenti qed jassumi r-responsabilta’ tat-tmexxija ta’ l-istess Direttorat, peress li tali responsabilta’ qed jassumiha ad interim uffiċċjal għoli ta’ l-istess direttorat.
L-Onor Interpellant għandu informazzjoni żbaljata wkoll dwar is-Sindku tar-Rabat, Għawdex, li mhuwiex
acting director
tad-direttorat imsemmi u ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak id-Direttorat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il riċerka saret mid-Dipartiment tal-Libreriji dwar l-użu tal-librerij f'Malta matul dawn l-aħħar għaxar snin? Jekk saru, tista' tgħid x'kien l-eżitu ta' dawn ir-riċerki wieħed b'wieħed u fuqiex kienet titratta kull riċerka? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' rapport konnessi ma' din ir-riċerka?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-biċċa l-kbira tax-xogħol tad-Dipartiment tal-Libreriji jirrikjedi li kontinwament issir riċerka u tinġabar statistika dwar l-andament ta’ l-operat tiegħu fosthom insibu s-self ta’ kotba li jsir mill-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Libreriji Reġjonali u dawk Friegħi. Din ir-riċerka u statistika li ssir matul is-sena tinġabar kollha u tiġi inkluża fir-rapport annwali tad-Dipartiment li joħroġ kull sena.
Biss, fil-bidu tal-2004 id-Dipartiment wettaq analiżi u riċerka dettaljata u ġabar statistika komprensiva biex seta’ joħroġ rapport eżawrenti ta’ kif kienet miexja u kif kienet tinsab il-qagħda tal-Libreriji friegħi u Reġjonali madwar Malta u Għawdex, fil-kuntest tar-rabta u ħidma li dawn il-libreriji beda jkollhom mal-Kunsilli Lokali.
Dan ir-rapport jitqies mid-Dipartiment bħala punt ta’ riferenza fix-xogħol li jwettaq in konnessjoni mad-devoluzzjoni u l-ftehim mad-diversi Kunsilli Lokali.
Ir-rapport ‘Il-Libreriji Friegħi u Reġjonali madwar Malta u Għawdex u l-Kunsilli Lokali (Ħarsa lejn id-Divoluzzjoni)’ qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skejjel primarji Għawdxin — Żjarat mill-Health and Safety Education Officer
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru żjarat lill-iskejjel Primarji Għawdxin mill-Health and Safety Education Officer matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena u skola skola? Liema skejjel primarji qatt ma saritilhom żjara u għaliex? Kemm-il rapport bil-miktub sar dwar dawn iż-żjarat li ġie ppreżentat lill-Prinċipal tal-Kulleġġ ta' Għawdex? Liema skejjel primarji sar rapport fuqhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-Health and Safety apparti mir-Risk Assessment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul dawn l-aħħar tliet snin, l-Uffiċċjal Edukattiv tal-Health and Safety żar Għawdex kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Hemmhekk jiltaqa’ l-ewwel mal-Prinċipal tal-Kulleġġ u wara ma’ l-għalliema kollha tal-Health and Safety ta’ Għawdex. Wara jżur l-iskejjel bi skop ta’ orjentazzjoni ma’ kull skola u biex jiltaqa’ mal-Kap ta’ l-Iskola. Dawn iż-żjarat mhumiex intenzjonati bħala spezzjonijiet u għalhekk mhux fil-prattika li jsiru rapporti meta kollox ikun miexi sew u ma jkunx hemm ilmenti. Għalkemm fl-Iskola Primarja tax-Xagħra ma saret l-ebda żjara fis-snin imsemmija, saret żjara fis-sena 2004/2005.
Isem ta’ l-Iskola
Ż
jarat 2005/2006
Ż
jarat 2006/2007
Ż
jarat 2007/2008
Primarja Għajnsielem
Darba
Darba
Darba
Primarja Għarb
-
-
Darba
Primarja Kerċem
-
Darba
-
Primarja Nadur
-
Darba
-
Primarja Qala
Darba
Darba
Darba
Primarja Rabat
Darba
-
-
Primarja San Lawrenz
Darba
-
-
Primarja Sannat
-
Darba
-
Primarja Xewkija
-
-
Darba
Primarja Żebbuġ
-
Darba
-
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-parametri li fihom jiffunzjonaw l-għalliema u l-paripatetic teachers tal-Health and Safety fl-iskejjel? X'inhu r-rwol u l-funzjoni tagħhom fl-iskejjel? Sa fejn tasal ir-responsabbiltà tagħhom fl-iskejjel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-parametri li fihom jiffunzjonaw l-għalliema kollha tal-Health and Safety, ir-rwol tagħhom, il-funzjoni tagħhom, u safejn tasal ir-risponsabbilta’ tagħhom fl-iskejjel tinsab fiċ-ċirkulari li nħarġet mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi bir-riferenza DSRM 4/2008.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari relevanti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il fażi hemm ippjanat biex jitlesta l-kulleġġ ġdid fil-Mosta? Liema huma dawn il-fażijiet? X'inhu ppjanat li jsir f'kull fażi? X'time frame hemm għal kull fażi? Meta hu mistenni li jkun tlesta minn kollox dan il-kulleġġ? Min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħol, wieħed b'wieħed? Ta' kemm valur huwa kull kuntratt? Kemm hi mistennija li tkun in-nefqa totali ta' dan il-proġett? X'xogħol se jsir mill-ħaddiema tat-TSB f'dan il-proġett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-fażi ta’ kostruzzjoni tal-iskola il-ġdida fil-Mosta bdiet għall-aħħar ta’ 2008 u qegħda ssir permezz tat-tender li ntrebaħ mir-Rite Mix (C. Gatt Brothers Ltd), bil-valur ta’ €3,500,000. Għalhekk s’issa hemm kuntrattur wieħed u ma hemm l-ebda ħaddiem tat-Technical Services Branch (TSB). Waqt il-fażi tal-kostruzzjoni qegħdin isiru preparamenti biex jibdew jitlestew it-tenders tal-finishes u tal-Mechanical &Electrical Works, bl-iskop li dawn jiġu ppublikati sabiex jintgħażlu l-kuntratturi li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.
In-nefqa totali fuq dan il-proġett mistennija tlaħħaq €8,000,000. Ix-xogħol hu ppjanat li jitlesta fl-2010.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 8079 u tgħid x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu fl-iskejjel primarji statali, maqsuma lokal, lokal, matul is-sena skolastika 2007/8? Tista' tgħid ukoll kemm kien in-numru ta' ġenituri li tressqu l-qorti fl-istess perijodu għax fallew l-iskola lil uliedhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 8080 u tgħid x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu fl-iskejjel sekondarji statali, maqsuma lokal, lokal, matul is-sena skolastika 2007/8? Tista' tgħid ukoll kemm kien in-numru ta' ġenituri li tressqu l-qorti fl-istess perijodu għax fallew l-iskola lill-uliedhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Over payment lil service providers dwar school transport
Question
Tista' l-Ministru tgħid ta' kemm kien l-over payment lil kull service provider għas-sena 2007? Issa li nkixfu dawn id-diskrepanzi jidhrilha li jagħmel sens li tiġi mqabbda kumpannija ta' accountants professjonali biex tindirizza dawn il-problemi fl-iqsar żmien possibbli u tirregolarizza kollox biex l-iSchool Transport Section tkun tista' timxi fuq bażi soda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4903.
Kif kien spjegat fil-
Public Accounts Committee
, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi diġa ħa passi biex ikollu sistema aħjar u jevita li jkun hemm
overpayments
. Jidher li l-passi li ttieħdu qed jagħtu r-riżultati meħtieġa.
Il-Ministeru kkummissjona wkoll rapport indipendenti dwar it-trasport.
Tista' l-Ministru tgħid ta' min kienu il-log books li kienu reviewed mill-Awditur Ġenerali għal-2007, u li instabu li kienu qegħdin jinżammu minn uffiċjali wara l-ħin tal-uffiċċju? X'ammont ta' użu sar minn dawn il-log books wara l-ħin tal-uffiċċju li irrefera għalih l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħhu? Tista' tgħid kemm hemm log books oħrajn li għalkemm ma kenux reviewed mill-Awditur Ġenerali kien ukoll qed isiru abbużi bihom? Kif ser jissejħu lura dawk il-fondi li tħallsu għall-użu tal-log books barra l-ħin tal-uffiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali għall-2007 isemmi li kien hemm xi karozzi li nżammu (retained) minn xi uffiċċjali wara l-ħinijiet ta’ l-uffiċċju iżda ma jindikax li kien hemm xi abbużi. Dawn il-karozzi ma jintużawx fuq użu personali wara l-ħin tax-xogħol.
Kif jingħad wkoll fir-rapport, il-karozzi jinżammu wara l-ħin tax-xogħol minħabba esiġenzi partikolari li minħabba fihom ma jkunx prattiku li filgħodu d-
driver
jirraporta għax-xogħol fil-
Head Office
qabel imur fejn ikun irid jagħti s-servizz meħtieg bħal, per eżempju, meta jsiru
trips
kmieni filgħodu miċ-Ċirkewwa.
Ir-rapport isemmi wkoll li dawn l-okkażjonijiet tnaqqsu.
Ta’ min jgħid ukoll li d-Dipartiment jagħmel kontroll strett fuq l-użu tal-
fuel
.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-modi ġodda ta' operazzjoni fil-qasam tat-trasport għall-istudenti li qed jiġu implimentati biex jitjieb is-servizz tat-trasport għall-istudenti? X'inhi s-sistema ġdida ta' rapportaġġ li qed tiġi introdotta biex tassigura t-trasmissjoni effiċjenti ta' informazzjoni dwar it-trasport għall-iskejjel minn stabbilimenti edukattivi lill-Accounts Section tad-Direttorati tal-Edukazzjoni kif hemm indikat fir-Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2007?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-minuti tal-Public Accounts Committee ta’ l-4 ta’ Frar, 2008, fejn ġew ippreżentati dokumenti li jagħtu eżempji tal-metodu ta’ rappurtaġġ li ġew introdotti fl-iskejjel minn Settembru 2008. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra eżempju ta’ rapport ta’ skola kbira dwar wieħed mill-operaturi, u flowchart tal-loġistika li biha qed jinħadem il-proċess.
School transport — service providers - contract of service
Question
Tista' l-Ministru telenka n-nuqqasijiet ta' kontrolli fis-sistema li irrefera għalihom l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu għas-sena 2007 fir-rigward tal-contract of service tas-service providers tal-iSchool Transport? Min kien responsabbli għall-formulazzjoni ta' dawn il-kuntratti? X'effetti negattivi ħallew dawn ix-short comings fuq is-sistema tat-trasport tal-istudenti? Kemm kien ilhom sejrin dawn l-abbużi? Kemm kien ilu fis-seħħ kull contract of service?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-nuqqasijiet ta’ kontrolli li rrefera għalihom l-awditur jinkludu l-allokazzjoni u l-użu ta’ vetturi, fosthom l-istandby Coaches, ix-xarabanks tal-edukazzjoni u t-tqassim tat-tfal fuq ir-rotot. L-ewwel tnejn ġew indirizzati mill-ewwel, it-tielet jiddependi min-numru ta’ studenti minn kull lokalita’ partikolari.
Nuqqas ieħor kien dwar rotot amalgamati, rotot jaslu kmieni jew tard jew li ma jsirux. Dawn ukoll ġew indirizzati.
Dwar ħlasijiet żejda li kienu saru, dawn ġew identifikati u rkuprati. Diffikultajiet oħra kienu identifikati fil-proċess tar-rapportar. Dawn ukoll ġew indirizzati u l-proċess ġie mtejjeb ħafna.
Kien hemm nuqqas ta’ moniteraġġ tal-operat globali u l-applikazzjoni ta’ penali. Dan ukoll ġie indirizzat.
Rigward il-ħlasijiet, l-irċevuti u l-operat ġenerali tas-Sezzjoni tal-Finanzi u tal-Accounts, dawn ukoll tjiebu fl-operat tagħhom. Dawn l-uffiċċji qed jaħdmu aktar mill-qrib mal-uffiċċju tat-trasport. Dan jinkludi
cross-checking
dwar
invoicing
u ħlasijiet.
Aktar dettalji jirriżultaw fil-minuti tal-Public Accounts Committee tal-4 ta’ Frar 2008.
Il-kuntratti ġew formulati bejn l-Edukazzjoni, rappreżentant mill-Permanent Secretary u d-Direttur Ġenerali, u r-rappreżentanti tat-tliet operaturi tal-assocjazzjoni Trasport Pubbliku, tal-Unscheduled Bus Services u tal-Mini Buses Coop Services Ltd. L-aħħar kuntratti ġew iffirmati fl-2005.
Bħala effetti negattivi kienu saru ħlasijiet żejda, li issa nġabru, u kien hemm effetti oħra li jirriżultaw mill-operat ta’ din ix-xorta ta’ servizz.