Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport li setgħet għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li kienu relatati mal-applikazzjonijiet: PA/08852/17, PA/00319/19, PA/00306/19, PA/00898/20 u PA/04715/20, liema applikazzjonijiet daħlu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li huma relatati ma’ xogħlijiet viċin l-Għajn tal-Mellieħa fil-limiti ta’ Triq il-Marfa fil-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi b’rabta mal-applikazzjonijiet imsemmija.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi t-target completion date biex tinbena Skip Management Facility kif tħabbar fid-Diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-pjanijiet huma li dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tal-2025.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2600 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtha ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn sal-ġurnata li ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari, l-interconnector bejn Malta u Sqallija ma kienx qiegħed jidher fuq il-mappa interattiva tal-Projects of Common Interest (PCI) Transparency Platform?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellanta li l-mappa li qed tirreferi għaliha hija immirata għal proġetti li jkunu iffinanzjati speċifikament mill-fond Ewropew tal-Connecting Europe Facility, liema proġetti jissejħu bħala Proġetti ta’ Interess Komuni.
L-interconnector ma kienx iffinanzjat minn dan il-fond u allura mhuwiex proġett ta’ interess komuni għall-iskop tal-mappa interattiva. Huwa għal din ir-raġuni li l-interconnector ma jidhirx fuq din il-mappa.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3175 kollha kemm hi (intera) u tgħid minn min huma fformati kull wieħed mill-ħames konsorzja (isem il-kumpaniji/persuni) li ġew short-listed rigward il-proġett 'to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab'?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji mitluba.
Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Malta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, qed inpoġġi lista bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, nitolbu sabiex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ġonna f’Għawdex u Kemmuna li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Għawdex u Kemmuna, l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża m’huwa responsabbli għall-ebda ġnien.
Madankollu, l-entita’ Wasteserv (Malta) Ltd, li wkoll tifforma parti minn dan il-Ministeru, hija responsabbli għas-sit tal-ex-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, fejn sit ta’ ħamsin elf metru kwadru nbidel minn ġerħa ambjentali għall-park naturali li llum jista’ jitgawda mill-familji.
Min-naħa l-oħra, f’Kemmuna, il-Ministeru qed iwettaq interventi permezz ta’ Ambjent Malta. Dawn l-interventi huma marbutin mal-pjan ta’ ġestjoni għal siti Natura 2000 u fl-aħħar snin kienu jinkludu t-tneħħija ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni f’ammont li jeċċedi l-għoxrin elf. Barra minn hekk, fil-Bajja ta’ Santa Marija saru xogħlijiet ta’ restawr ambjentali li, fost l-oħrajn, jinkludu t-tneħħija ta’ materjal u l-formazzjoni mill-ġdid ta’ għadajjar b’ilma salmastru li jservu ta’ kenn għall-għasafar li jpassu fl-inħawi. Tneħħew ukoll strutturi tal-konkos u arbli tad-dawl li ma kinux qed jintużaw u ssewwew ħitan tas-sejjieħ li jservu ta’ lqugħ għall-ħamrija.
Rigward ġonna li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna, il-mistoqsija għanda ssir lil Ministru konċernat.
Tista’ l-Ministru tara hux possibbli li l-ambjent ta’ dak li huwa msemmi bħala Wied is-Sewda jiġi mnaddaf aħjar billi mhuwiex miżmum sewwa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li dan il-wied hu taħt sorveljanza kontinwa u jsiru interventi ta` tindif kull ġimgħa. Fil-fatt din is-sena, saru diversi interventi ġewwa dan il- Wied b` mod partikulari fil- perjodu tas-Sajf fejn l-attività ekoloġika tkun waħda minima , fejn tneħħa madwar 50 tunnellata ta’ ħmieġ, skart ta` kostruzzjoni, kif wkoll skart ieħor kemm bioloġiku u domestiku.
Dawn ix-xogħlijiet ta’ tindif huwa mportanti peress li l-materjal mormi fil-wied jwassal għall-għargħar li jħalli impatt fuq il-mogħdijiet u l-għelieqi tal-madwar li jwassal f’telf ta’ ħamrija u telf ta’ prodotti agrikoli.
Għawdex – proġett tas-second class water għall-bdiewa
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19648 (Leġiżlatura li għaddiet), li ġiet imwieġba fil-15 ta’ Marzu 2021, rigward fiex wasal il-proġett tas-second class water ġewwa l-gżira ta' Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb li "l-investiment ta’ madwar ħames miljun Ewro fuq estensjonijiet tan-network tan-New Water f’Għawdex, huwa mistenni li jitlesta kompletament f’Marzu tal-2022 biex b’hekk inkunu qed noffru iżjed opportunitajiet lill-bdiewa tagħna biex itejbu u jkabbru l-operat tagħhom filwaqt li nissalvagwardjaw l-ilma tal-pjan għall-bdiewa f'Għawdex", tista' l-Ministru tgħid jekk il-proġett tas-second class water għall-bdiewa f'Għawdex tlestiex kompletament sa Marzu 2022 u jekk le għala ma tlestiex kompletament sa Marzu 2022? Kemm hemm bdiewa Għawdxin li s’issa qed jibbenefikaw minn dan il-proġett komplut?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-proġett tlesta u bħalissa hemm madwar 600 bidwi rreġistrati li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett li sar b’investiment ta’ madwar ħames miljun Ewro.
Infurmata li l-proġett tlesta f’Ottubru 2022 biex nevitaw inkonvenjent żejjed lir-residenti tal-madwar peress li kien hemm ukoll xogħol inevitabbli minn entitajiet oħra.
Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3243 u 3343 u tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-snin imsemmija (2017,2018, 2019, 2020, 2021 u 2022) kien hemm 228 proġett approvat ta’ Investiment Dirett Barrani ġdid, dawk stabbiliti u dawk li huma start-ups. Il-kumpaniji li bdew joperaw jew li qiegħdin fil-proċess li jibdew joperaw għadhom joperaw sal-lum il-ġurnata.
Għal raġunijiet ta’ swieq globali u l-pandemija tal-Covid-19, hemm proġetti li għadhom ma bdewx joperaw f’Malta.
Qiegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Kumpaniji li joperaw fil-qasam tal-medical cannabis
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3344, tista' l-Ministru tgħid is-7 kumpaniji li bdew joperaw fil-medical cannabis, kemm jammontaw investiment barrani bejniethom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li dawn il-kumpaniji ta’ medical cannabis, jammontaw għal €20 miljun ewro investiment dirett barrani u bejniethom iħaddmu 79 ruħ.
Il-benefiċċji indiretti jinkludu l-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità, il-ġenerazzjoni ta’ riċerka, innovazzjoni u l-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll l-iżvilupp kontinwu ta’ servizzi u manifattura ta’ prodotti anċillari.
Fl-2018 pajjiżna kien l-ewwel stat membru li illeġiżla qafas regolatorju ħolistiku biex ikun hawn produzzjoni tal-mediċina magħmula mill-kannabis.
Tenut kont tal-enfażi fl-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, dwar l-indipendenza tar-REWS mill-Gvern (artikolu 3 tal-Kap. 545) u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2425, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għalfejn is-CEO tar-REWS għandu jkompli jiġi maħtur mill-Ministru u mhux mill-Bord tar-REWS l-aktar meta l-istess liġi b’mod ċar tesiġi li s-CEO jwieġeb lill-Bord tar-REWS għall-ħidma tiegħu (artikolu 6 tal-Kap. 545)?
Santa Luċija – Triq Dawret it-Torri – żbir ta’ siġar
Question
Tista’ l-Ministru tara li s-siġra li hemm fl-aħħar ta’ Triq Dawret it-Torri, Santa Luċija tiġi miżbura sew billi tant kibret li qed tidħol fir-residenzi u qed tiġbed annimali oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-siġra ġiet miżbura riċentement mill-Kunsill Lokali.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex f’Raħal Ġdid qiegħed ikun hemm riħa persistenti li mhi xejn pjaċevoli, preżumibbilment ġejja mill-inċineratur u tindika x’passi ttieħdu biex din ir-riħa tieqaf?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar snin, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet diversi lmenti ta’ rwejjaħ mill-akkwati ta’ Raħal Ġdid. Is-sorsi tal-lmenti jvarjaw, u ġieli kien hemm każijiet fejn is-sorsi tal-irwejjaħ ma kinux identifikati.
B’referenza għall-Marsa Thermal Treatment facility li ilu jopera mill-2007, qed isir investiment ta’ €4 miljun biex permezz tal-aqwa apparat disponibbli fis-suq, tkun tista’ titnaddaf l-arja minn kull tip ta’ rwejjaħ.
Dan l-investiment jinkludi tliet impjanti ġodda li jnaddfu l-arja u reception shed issiġillata. Il-benefiċċji ta’ dan il-proġett għandu jibdew jinħassu għall-aħħar tas-sena.
Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel – skips tar-riċiklaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tara x’passi jistgħu jittieħdu sabiex jonqsu l-iskips ta’ riċiklaġġ, jew almenu jkun hemm iktar kontroll sikwit, fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Żabbar billi dawn qegħdin ikunu ta’ inkonvenjent kbir għall-ġirien u qed jiġbdu wkoll kwantità kbira ta’ ġrieden?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont emendi legali li saru fl-2021 (Regolament 10(2) tar-Regolamenti dwar l-Iskart L.S. 549.63), kull Kunsill Lokali huwa obbligat li għal kull elfejn abitant tal-lokalità, jalloka spazju għal Recycling Point, u dan sabiex ikun hemm aktar separazzjoni tal-iskart fil-komunità.
Fil-kuntest tar-regolamenti msemmija, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ma jistax inaqqas mir-Recycling Points li għandu bħalissa.
Sadanittant, ninsab infurmata wkoll li sa issa l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma rċeviet l-ebda lment dwar skart mormi illegalment f’dan is-sit iżda, minkejja dan, se tkun qed tinkludih fil-programm ta’ monitoraġġ tagħha u fl-eventwalità li jinqabad xi ħadd jabbuża minn din il-faċilità se tkun qiegħda tieħu l-passi neċessarji skont il-liġi.
Tista' l-Ministru tgħid minn min huma ffurmati kull wieħed mill-ħames konsorzja li ġew short-listed rigward il-proġett 'to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab' (isem il-kumpaniji/persuni)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Naxxar – partijiet li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità tan-Naxxar għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema parti qed tirreferi.
Impjant tal-Produzzjoni tal-prodotti tax-xorb — ilma
Question
Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena, mill-2011 sal-2021, kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti tax-xorb, inklużi dawk li jibbottiljaw l-ilma għax-xorb, u b'liema rata, medja għal kull sena, dan inxtara?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-informazzjoni mitluba tieħu l-ħin, iż-żmien u r-riżorsi biex tinġabar. L-informazzjoni mitluba fil-fatt qiegħda tinġabar u tingħata meta ladarba tkun lesta.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità ta’ Ħal Luqa għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn s’issa għad m’hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema parti qed jirreferi.