Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni akkużati bi stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew akkużati bi stupru mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ġew illiberati u kemm hemm proċeduri li għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx l-istatistika mitluba.

Bord ta’ Riabilitazzjoni tad-Droga – każijiet ta’ persuni resident f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Bord ta' Riabilitazzjoni tad-Droga fejn ikollu każijiet ta' persuni residenti f'Għawdex ma jżommx is-seduti tiegħu f'Għawdex stess fis-sede tat-Tribunal Lokali tar-Reġjun ta' Għawdex biex ix-xhieda u l-persuni li jkunu se jidhru quddiemu, ma jkollhomx għalfejn jaqsmu kull darba lejn Malta għas-seduti tal-Bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Għawdex il-Bord ikollu numru żgħir wisq ta’ każijiet u ma jkunx prattiku li l-Bord kollu u l-istaff tiegħu jitilgħu Għawdex biex jisimgħu każ wieħed biss. Jekk il-każijiet minn Għawdex jiżdiedu, tista’ tiġi kkunsidrata possibilità li jitwaqqaf Bord għal Għawdex. Minkejja dan ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-koordinattriċi tal-Bord tmur regolament Għawdex biex tiltaqa' mal-klijenti kif ukoll mal-keyworkers kull meta jkun hemm il-bżonn.

Rabat – protezzjoni tal-foss il-qadim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6358 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6034, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu s-Sovratendenza biex il-foss il-qadim tar-Rabat li jmur lura għaż-żmien ir-Rumani u li kien parti mil-limiti tal-Imdina, jiġi mħares?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-foss il-qadim tar-Rabat (Malta) hu mħares permezz ta’ Skedar skont in-Notifiki tal-Gvern Numru 766/98 u n-Notifiki tal-Gvern Numru 1064/13, kif ukoll jinsab fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana skont kif ippubblikat fil-Pjan Lokali tal-Majjistral ta’ Malta. Meta s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tiġi kkonsultata mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar xi żvilupp fil-viċinanza tal-imsemmi sit normalment: A. teżamina il-pjanti, ritratti u dokumenti annessi fl-applikazzjoni; B. tispezzjona s-sit minn barra u anke ġewwa; C. titlob lill-perit għal aktar informazzjoni jekk hemm bżonn; D. tagħmel tiftix għall-iktar informazzjoni fejn meħtieġ; E. tikkonsulta internament; F. fejn meħtieġ titlob lill-perit jemenda l-pjanti biex jiġi protett aħjar il-patrimonju; G. tirrakomanda miżuri u kundizzjonijiet minn għażla li jvarjaw skont il-każ, bħal: 1. li l-iżvilupp għandu jsegwi r-regolamenti dwar iż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana fil-Pjan Lokali, l-iSPED u d-DC15; 2. ġieli ma’ jitħalliex issir tneħħija ta’ ħamrija (li jista' jkun fiha materjal arkeoloġiku) u lanqas qtugħ ta’ blat; 3. jintalab rapport dwar kif ser isir kwalunkwe tneħħija ta’ xi strutturi ta’ żmien iktar riċenti; 4. jintalab rapport dwar kif ser issir ir-restawr; u 5. kundizzjoni sabiex għas-spejjeż tal-applikant jitqabbad arkeologu kwalifikat mir-Reġistru miżmum mis-Sovrintendenza fejn jiġi segwit ix-xoghol biex jiġi żgurat li ma’ ssirx ħsara lill-patrimonji, jew jekk f’każ li jinstabu fdalijiet arkeoloġiċi jiġi mwaqqaf ix-xogħol u msejħa s-Sovrintendenza sabiex teżamina u tidderieġi dwar x’għandu jsir. Aktar tgħarif dwar is-sorveljanza jista’ jiġi aċċessat fuq is-sit elettroniku tas-Sovrintendenza: https://culture.gov.mt/en/culturalheritage/Pages/CulturalHeritageSurveillance.aspx

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat għall-Gvern Lokali u komunitajiet - receptions

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm saru receptions min-naħa tas-segretarjat għal Gvern Lokali u komunitajiet matul din il-leġiżlatura u sa meta ġiet magħmula din il-mistoqsija? Jekk saru xi tip ta’ receptions, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il reception saret, kif ukoll l-ismijiet tal-caterers?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-segretarjat għal Gvern Lokali u komunitajiet ma għamel l-ebda reception matul din il-leġiżlatura.

Forom ta’ żwiġijiet reliġjużi rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-forom ta’ żwiġijiet reliġjużi li huma rikonoxxuti ai termini tal-artikolu 17 tal-kapitolu 255 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Imħallef

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika miftuħa għall-proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja peress li f’Ottubru li ġej jiskadi t-terminu tal-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u stante li tali proċess ta’ għażla jdum mill-inqas disa’ xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea saret ai termini tal-Artikolu 253 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fejn Imħallef jista’ jarġa’ jinħatar. Minħabba l-fatt li l-kandidat Malti għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea cioe l-Imhallef Peter G Xuereb diġa għadda minn proċedura miftuħa tal-għażla u bħalissa qed iservi bħala Imħallef fil-Qorti Ġenerali, ma kienx meqjus neċessarju li tinħareġ sejħa pubblika oħra sabiex dan ta’ l-aħħar jinħatar bħala Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Meta ġie maħtur bħala Imħallef fil-Qorti Ġenerali dan ta’ l-aħħar intgħażel fuq bażi ta’ mertu, wara intervista minn Kumitat ta’ Għażla. Fid-19 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ħareġ opinjoni pożittiva dwar l-idoneità tal-kandidat Malti sabiex jaqdi d-dmirijiet ta' Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-kandidatura ġiet ikkonfermata mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-marġini tal-Kumitat tar-Rapreżentanti Permanenti tat-13 ta’ Ġunju tal-2018. L-Imħallef magħżul għall-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea huwa mistenni li jidħol fil-kariga l-ġdida tiegħu fis-6 t’Ottubru 2018.

Avukat Ġenerali – Artikolu 569 (6) tal-Kodiċi Kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm istanzi jew każijiet fl-aħħar 20 sena fejn l-Avukat Ġenerali ma qabilx u mar kontra r-rakkomandazzjoni ta’ xi Maġistrat Inkwirenti għeluq inkjesta li kien irrakomanda li jittieħdu passi kriminali kontra individwu, skont l-art. 569(6) tal-Kodiċi Kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli Membru huwa nformat illi l-poter tal-Avukat Ġenerali li joħrog nolle prosequi jew biex proċeduri kriminali ma jinbdewx jew biex ma jitkomplewx m’ huwiex poter li għalih isir rikors ta’ spiss. Fil-fatt mis-sena 1989 sa llum inħarrġu b’ kollox madwar 19 il-nolle prosequi li ġeneralment ma kienux tat-tip imsemmi fid-domanda u ċioe taħt l-artikolu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali iżda nħarrġu wara li kienu nbdew proċeduri u nstab li ma kienx hemm bizzejjed provi biex wieħed jipproċedi. Ma tinżammx statistika separata dwar it-tip ta’ ordni ta’ nolle prosequi msemmi fid-domanda iżda nista’ ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-indikazzjonijiet huma illi mill-2010 sa llum kien hemm każ wieħed biss fejn l-Avukat Ġenerali ħareg ordni ta’ dan it-tip.

Kunsilli Lokali – nefqa f’bini ta’ toroq mill-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa ta' kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex f'bini ta' toroq mill-ġdid matul is-snin 2016 u 2017, sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ai termini tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali, Artiklu 33 (1) (a), Il-Kunsill Lokali għandu l-funzjoni: “li jipprovdi biex tinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib fi, kull triq jew mogħdija, li ma tkunx proprjet à privata: Iżda l-manutenzjoni għar-rigward ta’ xi triq jew mogħdija tinkludi l-kisi jew l-asfaltar tagħha, iżda ma tinkludix ir-rikostruzzjoni tagħha.” Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali għas-sena 2016 u 2017 li jiddikjaraw li għamlu x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq.

Għarfien dwar is-Saħħa Mentali — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6065 u 5933 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ l-Ministru jindika dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li kellhom taħditiet regolari f’din il-Leġiżlatura dwar suġġetti relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali u meta saru dawn it-taħditiet u minn min saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li saru bosta laqgħat ta’ informazzjoni u outreach minn staff speċjalizzat mill-isptar Monte Carmeli dwar is-saħħa mentali. Dawn il-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku in ġenerali. Qed nannetti ma’ din ir-risposta lista tal-laqgħat li saru matul din il-leġiżlatura s'issa, jiġifieri matul din l-aħħar sena, liema informazzjoni kienet provduta mill-istess Sptar. LokalitàPostData Is-SwieqiKunsill Lokali04/07/2017 Il-MellieħaDay Centre26/09/2017 In-NaxxarDay Centre20/10/2017 Ħaż-ŻebbuġKunsill Lokali24/10/2017 Il-BirguKunsill Lokali25/01/2018 In-NaxxarKunsill Lokali16/02/2018 Is-SwieqiKunsill Lokali20/02/2018 Il-GżiraDay Centre18/04/2018 VallettaFondazzjoni RISE30/04/2018

Il-Mellieħa – Uffiċjali tal-Komunità fi Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira

Question

Fid-dawl li wieħed jista’ jantiċipa li jseħħ xi inċident waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-Iskola Primarja tal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jara li jkun hemm pulizija/uffiċjal tal-komunità (warden) biex ikun jista’ jinforza regolamenti tat-traffiku fiż-żoni ta’ Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira, il-Mellieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija LESA toffri servizz regolari ta’ moniteraġġ mill-Uffiċċjali tal-Komunità mal-Iskejjel Primarji f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex u din l-iskola se tingħata l-istess servizz.

Programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta – lista ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6361 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ħadu sehem fi programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta matul il-perjodu mill-4 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid għal kull waħda mill-persuni f'liema kapaċità ġiet mistiedna jew lil min kienet qiegħda tirrappreżenta?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — Għarfien dwar is-Saħħa Mentali - Programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5933 u 6065 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista’ l-Ministru jindika dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li kellhom taħditiet regolari f’din il-Leġiżlatura dwar suġġetti relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali u meta saru dawn it-taħditiet u minn min saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 6480.

Kunsilli Lokali li qed iħallsu għat-toroq magħmula permezz tal-iskema Public Private Partnership

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' Kunsilli Lokali li għadhom qed iħallsu toroq magħmula permezz tal-iskema ta' Public Private Partnership? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont dovut minn kull Kunsill Lokali, jekk applikabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Marsaskala – Family Resource Centre — Taħriġ fuq il-Computers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u meta saru korsijiet ta’ taħriġ fuq il-computers fil-Family Resource Centre ta’ Marsaskala matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li matul il-perjodu msemmi saru sitt korsijiet ta’ taħriġ kif mistoqsi mill-Onor. Interpellant. Fis-sena 2016 saru żewġ korsijiet li kienu ‘Learn IT’ f’Mejju u ‘4 Kids Course’ fis-Sajf. Fis-Sajf tal-2017 żewġ korsijiet li kienu ‘Robotica’ u ‘4 Kids Course’. Dis-sena, 2018, sar kors ‘Em Citizen 2018’ f’Mejju u ser isir kors ieħor ‘Robotica nation and coding’ matul is-Sajf.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – Speed Camera

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir speed camera fi Triq Lewis Wettinger il-Mellieħa, li hija magħrufa wkoll bħala l-bypass tal-Mellieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra

Tas-Sliema – Amery Street – tibdil tal-isem tat-triq għal ġurnalista maqtula

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għamilx jew irċeviex rakkomandazzjoni biex Amery Street f’Tas-Sliema tissemma għal ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, it-triq li fiha trabbiet u għexet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Periodical evalutaion tal-GRECO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Malta qed tirrifjuta, anke jekk b’mod diplomatiku, li l-periodical evaluation tal-GRECO (li tinkludi review tal-implementazzjoni tad-direttivi tal-UE kontra l-ħasil tal-flus) fuq Malta tinġieb ‘il quddiem mill-2019 għall-2018? Il-Gvern għandu xi diffikultà biex tali evaluation sseħħ fl-2018 flok fl-2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GRECO talbet lill-Malta sabiex l-evalwazzjoni ssir din is-sena minflok fl-2019, u hemm il-ħsieb li din iż-żjara issir aktar tard din is-sena.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 528.

Għawdex – Kunsill tax-Xagħra – Triq Ta’ Għajn Ħosna — asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tax-Xagħra, Għawdex għandux intenzjoni li jkompli jasfalta Triq Ta’ Għajn Ħosna kollha, ċjoè t-Triq li mix-Xagħra twassal għal Bajja tar-Ramla, qabel jibda is-sajf 2018 u dan peress li fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5896 intqal li din it-triq hija responsabbilità tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’mistoqsija parlamentari 5896.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.