Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li mill-isptar qallulha li se jagħmlulha MRI urġenti u għadha ma rċeviet xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant sarilha X-ray tal-irkoppa fl-Emergenza fit-17 ta’ Ottubru 2012, fis-2:21pm.
Ir-riżultat ta l-
X-ray
inħareġ fl-istess ġurnata.
Sal-ġurnata tal-lum m’hemmx appuntament għall-MRI. Ir-raġuni hi li l-ewwel jrid jsir appuntament ma konsulent fl-O
rthopaedic outpatients
. Hemm tigi eżaminata u jekk jkun hemm bżonn, issir talba għall-
MRI
mill-Konsulent jew tobba tiegħu.
L-appuntament għall-
Orthopaedic outpatient
qiegħed fid-9 ta’ Jannar 2013, fit-8.00 a.m.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu jistenna servizz ta' soċjologu għal xhur sħaħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ġiet ikkuntatjata il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant u din il-persuna kkonfermat li qed tistenna s-servizz ta’ psikologu mhux soċjologu.
Bħalissa fiċ-
Child Guidance Clinic (CGC)
hemm lista ta’ stennija għat-terrapija mill-psikologi. Hemm żewġ tipi ta listi: dawk li qed jistennew terrapija urġenti u dawk li qed jistennew għall-terrapija li m’hijiex klassifikata urġenti.
Din il-persuna ġiet irreferuta għat-terrapija fl-10 ta’ Settembru 2012 mill-psikjatra.
Minħabba dawn il-listi ta’ stennija, ittieħdet id-deċisjoni li jiżdiedu tnejn u tletin (32) siegħa fil-ġimgħa ta’ servizz ta’ psikologi u
trainee psychologists,
mas-servizz professjonali li bħalissa qed jingħata f’din il-klinika. Huwa mistenni li dan jgħin fit-tnaqqis tal-lista ta’ stennija fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta u tar-Rabat — operazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta operazzjonijiet se jibdew jinżammu ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta u tar-Rabat? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkulat li meta dawn l-operazzjonijiet jibdew jseħħu kemm se jitnaqqas xogħol minn fuq l-emerġenza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li t-tip ta’ intervenzjonijiet ġewwa l-‘Minor Operation Room’ li se jibdew jinżammu ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, huma dawk l-interventi li huma klassifikati bħala minuri, skont id-definizzjoni tal-Hospital Category użata bħala kodiċi tal-kumplessita’ tal-operazzjonijiet / interventi.
B’hekk ser tiżdied il-kapaċita’ tas-sistema tas-saħħa fejn jidħlu dawn l-interventi, u jitnaqqas il-piż fuq l-Isptar Mater Dei.
Ma hemmx il-ħsieb li ssir ‘Minor Operating Room’ fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru interventi ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta u Rabat u allura inqas xogħol jibda jmur ġewwa l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei? Kemm se jonqos il-ħin li l-pazjenti qed jagħmel illum sabiex jiġu ikkurati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37856 rigward it-tip ta’ interventi li sejrin isiru u l-impatt fuq l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei.
Dawn l-interventi sejrin jibdew iseħħu hekk kif jitlesta x-xogħol ta’
refurbishment
ġewwa iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li hemm indikazzjoni għaliħ fir-risposta parlamentari numru 37467.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri tas-saħħa li se jiġu rinovati u iktar servizzi jibdew jinagħtaw minn ġewwa fihom? Jista’ jgħid il-pjan ta’ kemm se jdum ix-xogħol fuq kull ċentru tas-saħħa u meta dawn se jerġgħu jkunu miftuħa għall pubbliku tal-lokalitajiet tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-ċentri tas-saħħa li se jiġu jew li qed jiġu rrinovati huma dawk tal-Furjana, tal-Mosta u tar-Rabat.
Fil-każ tal-Furjana, ix-xogħol ta’ tisbieħ tlesta. Ix-xogħol fuq klinika gdida
Podiatric Vascular
sejjer jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-każ tal-Mosta, ix-xogħol beda u sejra tinfetaħ ukoll
Minor Operating Room
. Dan apparti is-servizzi kollha li kienu jiġu offruti miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta. Ix-xogħol huwa maħsub li sejjer ser jitlesta fis-sena 2013.
Fil-każ tar-Rabat, il-proġett ta' tisbieħ hu fi stadju avvanzat. Qed isiru ukoll pjanijiet biex jiżdiedu xi servizzi ġodda u x-xogħol hu maħsub li jibda fil-gimgħat li gejjin iżda dan għadu fi stat ta’ pjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jżid iktar ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex? Jekk iva liema postijiet se jiżdiedu dawn iċ-ċentri u x’servizzi se jkunu joffru? Jista’ jgħid meta dawn iċ-ċentri l-ġodda se jkunu joperaw u jservu lill-poplu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-dipartiment tas-Saħħa fil-Kura Primarja, għalkemm għandu ippjanati żewġ ċentri ġodda ġewwa San Ġiljan u Raħal Ġdid, dawn se jieħdu post dawk eżistenti tal-Gżira u ta’ Raħal Ġdid. B’hekk in-numru taċ-ċentri tas-saħħa sejjer jibqa l-istess.
Iż-żmien mitlub sabiex jitlestew il-proġetti jiddependu mill-eżitu ta’ proċessi tal-MEPA fiż-żewġ każijiet, u l-applikazzjoni għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja fil-każ ta’ Raħal Ġdid.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 33332, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-carers li jaħdmu fid-djar residenzjali tal-privat attendewx xi kors partikolari biex ikunu jafu aħjar kif jaħdmu mar-residenti anzjani? Jekk iva, x’tip ta’ kors ta’ taħriġ huma attendew?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi l-carers li jaħdmu fid-djar residenzjali tal-privat ikunu attendew xi forma ta taħriġ biex ikunu jafu aħjar kif jaħdmu mar-residenti anzjani. Dawn il-korsijiet huma varji u jinkludu korsijiet pprovvduti mil-MCAST, korsijiet organizzati minn kumpanija privata u xi taħriġ ieħor ipprovvdut fuq il-post tax-xogħol stess. Hemm ukoll carers illi huma ikkwalifikati bħala nursing aides u health assistants.
Ta’ min jgħid li l-Gvern jorganizza wkoll korsijiet ta’ taħriġ għall-
carers
li jkunu se jaħdmu bħala
carers
mal-anzjani.
Jista’ l-Ministru jgħid meta jiskadi l-kuntratt li l-gvern għandu mal-kumpanija li tipprovdi s-saqajn għall-persuni li jkunu jeħtieġuhom? X’jisimha l-kumpanija li ħadet dan il-kuntratt u kemm ġiet imħallsa tul dan il-kuntratt? Jikkunsidra l-Ministru li meta jkun imiss li jiġi aġġudikat kuntratt ġdid l-għaqdiet li jinteressaw irwiehom mill-interessi tal-amputees ikunu kkonsultati bis-serjetà u involuti wkoll?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntratt tal-prosthetics li l-Gvern għandu bħal issa huwa mall-kumpanija RSL Ltd. u jiskadi fl-14 ta’ Diċembru 2012. Il-ħlasijiet li saru s’issa huma:
Sena
Ħlas
2010
€97,554.54
2011
€258,027.04
2012
€368,419.27
L-għaqdiet interessati kienu ikkonsultati kemm qabel il-ħruġ tat-tender kif ukoll waqt li t-tender kien qed ikun aġġudikat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li jinsab post dinjituż u sura ta’ nies minn fejn l-amputees jingħataw servizz aħjar u mhux mill-post fejn jinsab fil-preżent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex l-Orthotic and Prosthetic Unit jiġi rilokat minn fejn jinsab bħalissa. Dan il-proċess jinkludi assessment ta’ numru ta’ postijiet alternattivi u idonji għall-pazjenti li jużaw dan is-servizz.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. Jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pagamenti pendenti jammontaw għal €39,348,692.00.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Lyrica li tittieħed minn pazjenti li jbgħatu minn bone density tingħata mill-gvern? Jista' l-Ministru jivverifika r-raġuni għala pilloli ta' 75g u ta 350g jibiegħu l-istess prezz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-mediċina Pregabalin (Lyrica) m'hijiex terapewtikament indikata għal persuni li jbatu minn problemi ta’ bone density. Din il-mediċina qegħda mniżżla fuq il-Formularju tal-Gvern u tingħata mingħajr ħlas skont il-protokol tal-Gvern, għall-pazjenti adulti li jbatu mill-kundizzjoni tal-epilepsija b’aċċessjonijiet parzjali bi jew mingħajr ġeneralizzazzjoni sekondarja, jew ikunu qed ibatu minn uġiegħ newropatiku minħabba nevralġija fin-nerv triġeminali.
Il-pilloli tal-75mg u 350mg tal-mediċina Pregabalin jiġu mixtrija mill-Gvern bi prezz ugwali, wara li jinħadem il-Maximum Reference Price individwalment u sussegwentament jiġi ppublikat tender u jsiru l-offerti għaliħ. Il-fatt li l-prezz huwa ugwali għaż-żewġ dożi huwa simili għal-każijiet oħra fl-Istati Membri, skont l-eżerċizzju tal-External Reference Pricing.
Talbiet pendenti għad-Djar tal-Anzjani tal-Mellieħa u tal-Imtarfa
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet ta' anzjani li qed jistennew biex jidħlu fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa u f'dik tal-Mellieħa rispettivament? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-anzjani li qed jistennew biex jidħlu f'xi dar tal-anzjani jingħatawx xi preferenza jekk ikunu gejjin minn lokalità partikolari? Min liema lokalità huma dawk fil-waiting list?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi riċentement ħarġu dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom ġie indikat li ċertu mediċini li kienu qed jitneħħew mis-suq qatt ma ddaħħlu f'Malta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi forma ta' kontroll fuq mediċini li jiddaħħluu fis-suq Malti permezz tal-internet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm qafas ta' regolamentazzjoni li jirregola il-prodotti mediċinali li jitpoġġew fuq is-suq permezz tal-katina ta’ provista awtorizzata biex b'hekk jiġu mħarsa l-konsumaturi li jixtru l-prodotti mediċinali mill-ispiżeriji. Ir-regolamentazzjoni tħares il-konsumatur mir-riskju ta' prodotti ffalsifikati u tgħin biex tiggarantixxi is-sigurta’ u l-kwalita' tal-prodotti. Hemm sistema ta' kontabilita' u b'hekk dawk il-prodotti li jkunu rrapurtati li ma humiex ta' kwalita’ tajba jinġabru minn fuq is-suq. Dan jiġri fil-katina ta’ provista kollha, sal-livell tal-ispiżeriji.
Meta konsumatur qed jixtri prodotti minn fuq l-internet qed jaqbeż dawn is-salvagwardji kollha li toffri s-sistema regolatorja u għalhekk jkun qed jieħu r-responsabbilta’ assoluta tal-prodott mediċinali li jkun qed jixtri.
Għalkemm legalment ma hemm xejn li jwaqqaf persuni milli jixtru prodotti mediċinali minn fuq l-internet, din il-prattika mhix rakommandata speċjalment jekk is-sors tax-xiri ma jkunx magħruf. Inħareġ fuljett ta' informazzjoni fuq ir-riskji tax-xiri tal-mediċini minn fuq l-internet u dan tqassam fid-djar, kien ħareġ artiklu fuq ir-revista l-Għażla kif ukoll saru diversi interventi fuq il-midja dwar dan is-suġġett.
Meta konsumatur iġib prodott medicinali bil-posta u dan il-prodott jindunaw bih id-dwana, il-konsumatur jintalab riċetta tat-tabib. Din il-prattika, għalkemm tiżgura li il-persuna konċernata ingħatat parir professjonali dwar il-medicina mixtrija u tista' tilqa' għal xi abbużi, iżda ma tindirizzax każijiet ta' problemi ta' kwalita' fil-prodotti.
Sa tiġi ppublikata liġi ġdida, konformi mad-direttivi Ewropej, li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji ta' prodotti ffalsifikati milli jsibu ruħhom fuq is-suq permezz tal-katina ta' provvista legali, u fost l-oħrajn din il-liġi se tibda tirregola ukoll l-ispiżeriji li huma ibbazati fil-pajjizi Ewropej li jbigħu l-mediċini minn fuq l-internet.
Għaldaqstant il-parir tas-Sovintendenza tas-Saħħa Pubblika jibqa’ li ma għandomx jinxtraw medicini minn fuq l-internet.
Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment tingħata attenzjoni peress li din il-persuna m'għandhiex min idur biha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qiegħed jrreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fit-22 ta’ Awissu 2012. L-applikazzjoni ġiet approvata għar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fis-27 ta’ Settembru 2012. B’hekk, qegħda fuq il-lista ta’ stennija għad-dħul f’din ir-Residenza.
Birgu — Area tal-Ħawli - infestazzjoni ta' ġrieden
Question
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex titnaqqas l-infestazzjoni ta' ġrieden li qed ikun hemm fl-area tal-Ħawli Birgu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma kien rċieva 1-ebda lmenti rigward infestazzjoni ta' ġrieden fiż-żona ndikata. Fil-15 ta' Novembru 2012, ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control Unit taħt l-istess Direttorat għamlu trattament għal kontra1-ġrieden fl-inħawi indikati.
Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser jibqa jżomm din iż-żona taħt monitoraġġ u ser jibqgħu jsiru t-trattamenti neċessarji sabiex i1-problema ta' nfestazzjoni ta' ġrieden tibqa taħt kontroll.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-gvern mhux qed jipprovdi b’xejn lil persuna d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament il-mediċina li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li l-persuna indikata m’għandiex il-mezz finanzjarji biex tagħmel tali trattament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-mediċini Peg-interferon alfa u Ribavirin mhumiex fil-formularju tal-Gvern jiġifieri mhumiex fil-lista ta’ mediċini li l-Gvern jagħti b’xejn.
Applikazzjonijiet għall-akkwist ta' oqbra tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din id-darba applikazzjonijiet għall-akkwist tal-oqbra tal-gvern qed ikun suġġett għal depożistu ta' €2,500 kuntrarju għal li kien sar ftit qabel l-elezzjoni tas-sena 2008?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-akkwist għall-oqbra qiegħed ikun suġġett għal depożitu ta’ €2,500 peress li dan huwa mitlub skont Artiklu 9 tal-Avviż Legali 327 tal-2012 liema artiklu jgħid ‘Kull min jiġi mgħarraf bid-dritt li jkollu li jakkwista qabar għandu jħallas nofs l-ammont dovut fl-artikoli 6, 7 jew 8 malli jiġiffirmat il-konvenju dwar dak l-akkwist, hekk li l-bqija tal-ammont titħallas malli jiġi ffirmat il-kuntratt tal-akkwist.".
Il-prezz għall-akkwist ta’ qabar mibni huwa ta’ €5000.